LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 11/15 pp. 24-27
  • Għandi Nitlob Self Mingħand Ħija?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għandi Nitlob Self Mingħand Ħija?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għodd in-​Nefqa
  • Spjega Għala l-​Flus Huma Meħtiġin
  • Niżżel bil-​Miktub
  • Oqgħod Attent dwar is-​Self tal-​Flus
  • Ikkunsidra l-​Passi Tiegħek bir-​Reqqa
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Għandi nissellef flus?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Problemi Finanzjarji u Dejn—Tistaʼ Tgħin il-Bibbja?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Il-flus
    Stenbaħ!—2014
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 11/15 pp. 24-27

Għandi Nitlob Self Mingħand Ħija?

IT-​TIFEL iż-​żgħir taʼ Simon jinsab marid u għandu bżonn urġenti tal-​mediċina. Imma Simon fqir ħafna u ma jistax jaffordjaha. X’jistaʼ jagħmel? Ara, hemm Kristjan ieħor jismu Michael li jinsab aħjar minnu finanzjarjament. Forsi Michael jistaʼ jsellfu l-​flus. Madankollu, f’qalbu Simon jaf li x’aktarx mhux se jkun jistaʼ jħallas is-​somma lura.a

Meta Simon javviċinah, Michael isib ruħu f’dilemma. Hu jirrealizza li hemm bżonn ġenwin, imma jissuspetta li Simon mhux se jkun kapaċi jħallas il-​flus lura, għax diġà qed isibha diffiċli biex imantni lill-​familja tiegħu. X’għandu jagħmel Michael?

F’ħafna pajjiżi, in-​nies jistgħu jitilfu l-​mezzi t’għajxien tagħhom mil-​lum għal għada u jsibu lilhom infushom bla flus jew assigurazzjoni biex ikopru l-​kontijiet mediċi. Self mill-​bank jistaʼ ma jkunx disponibbli jew b’interessi għoljin ħafna. Meta tinqalaʼ xi emerġenza, is-​self għandu mnejn jidher bħala l-​unika soluzzjoni. Qabel ma titlob xi self, iżda, hemm xi kwistjonijiet importanti x’tikkunsidra.

Għodd in-​Nefqa

L-​Iskrittura tipprovdi linji taʼ gwida kemm għal min isellef u kemm għal min jissellef. Billi nagħtu kas dan il-​parir, aħna nistgħu nevitaw ħafna nuqqas taʼ ftehim u sentimenti mweġġgħin.

Per eżempju, il-​Bibbja tfakkarna li m’għandniex inqisu l-​kwistjoni taʼ self taʼ flus ħafif ħafif. L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani f’Ruma: “Tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin. Kull min iħobb ikun iħares il-​bqija tal-​Liġi.” (Rumani 13:8) Idealment, l-​uniku dejn li Kristjan għandu jkollu m’oħrajn huwa l-​imħabba. Għaldaqstant, għandna mnejn nistaqsu lilna nfusna l-​ewwel, ‘Huwa tabilħaqq essenzjali dan is-​self?’

Jekk it-​tweġiba hija iva, imbagħad ikun għaqli li tikkunsidra l-​konsegwenzi taʼ meta tidħol fid-​dejn. Ġesù Kristu wera li deċiżjonijiet importanti jirrikjedu ħsieb u pjanijiet bir-​reqqa. Hu staqsa lid-​dixxipli tiegħu: “Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-​ewwelnett iqis in-​nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-​aħħar?” (Luqa 14:28) Dan il-​prinċipju japplika meta nikkunsidraw jekk nitolbux self mingħand xi ħu. Li nikkalkulaw in-​nefqa taʼ xi self ifisser li nikkalkulaw kif u meta se nħallsuh lura.

Dak li jsellef għandu d-​dritt ikun jaf kif u meta s-​self se jitħallas lura. Billi niżnu l-​kwistjonijiet bir-​reqqa, aħna nkunu nistgħu nagħtuh tweġibiet speċifiċi. Ikkalkulajna kemm se jiswa li nħallsu lura s-​self matul perijodu taʼ żmien raġunevoli? M’għandniex xi ngħidu, ikun iktar faċli li ngħidu lill-​ħu: “Nerġaʼ nħallsek malajr kemm jistaʼ jkun. Int taf li tistaʼ tafdani.” Imma m’għandniex nimmaniġġaw kwistjonijiet bħal dawn b’mod iktar responsabbli? Irridu nkunu determinati mill-​bidunett li nħallsu lura s-​self, ladarba Jehovah jirrikjedi dan minna. “Jissellef il-​ħażin u ma jroddx,” jgħid Salm 37:21.

Billi nikkalkulaw kif u meta se nħallsu lura s-​self, infakkru lilna nfusna dwar ir-​rabta serja li nkunu se nagħmlu. Dan inaqqas il-​probabbiltà li nidħlu f’dejn mingħajr ebda bżonn. Jekk nistgħu nevitaw li niddejnu, ikun hemm il-​vantaġġi. Proverbji 22:7 jwissi: “Min jissellef jaqaʼ f’idejn min silfu.” Saħansitra meta kemm dak li jsellef u kemm dak li jissellef ikunu aħwa spiritwali, is-​self jistaʼ jeffettwa r-​relazzjoni tagħhom, għallinqas sa ċertu punt. Nuqqas taʼ ftehim fuq is-​self saħansitra ħarbat il-​paċi taʼ xi kongregazzjonijiet.

Spjega Għala l-​Flus Huma Meħtiġin

Dak li jsellef għandu d-​dritt ikun jaf bażikament kif se nużaw il-​flus mislufin. Minbarra dan is-​self, qegħdin nissellfu iżjed flus mingħand oħrajn? Jekk inhu hekk, għandna niċċarawh dan, minħabba li jeffettwa l-​abbiltà tagħna li nħallsu lura s-​self.

Huwa taʼ importanza speċjali li niddistingwu bejn self għan-​negozju u ieħor meħtieġ biex ikopri xi emerġenza. Ħu m’għandu l-​ebda obbligu Skritturali li jsellef flus għal xi riskju kummerċjali, imma x’aktarx li jħossu inklinat li jgħin jekk xi ħu ieħor, mhux għax it-​tort tiegħu, isib li m’huwiex kapaċi jħallas għan-​neċessitajiet bażiċi bħall-​ikel, l-​ilbies, jew kura medika essenzjali. Is-​sinċerità u l-​verità f’dawn il-​kwistjonijiet se jgħinu biex ma jkunx hemm nuqqas taʼ ftehim.—Efesin 4:25.

Niżżel bil-​Miktub

Dokument miktub tal-​ftehim huwa pass vitali jekk irridu nevitaw nuqqas taʼ ftehim fil-​futur. Huwa faċli li tinsa xi dettalji speċifiċi taʼ xi ftehim sakemm ma jkunux bil-​miktub. Hemm bżonn li niktbu l-​ammont li ssellifna u meta għandu jitħallas lura. Jaqbel li kemm min isellef u kemm min jissellef jiffirma l-​qbil u li kull wieħed minnhom iżomm kopja persunali. Il-​Bibbja tindika li transazzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu ddokumentati. Ftit qabel ma l-​Babiloniżi qerdu lil Ġerusalemm, Jehovah qal lil Ġeremija biex jixtri biċċa art mingħand wieħed minn qrabatu. Aħna nistgħu nibbenefikaw minn reviżjoni taʼ dik il-​proċedura.

“U xtrajt l-​għalqa mingħand Ħanamel, bin zijuwi, li kienet f’Għanatot,” qal Ġeremija. “U wiżintlu l-​flus, sbatax-il xekel tal-​fidda. U mbagħad ktibt il-​kuntratt u ssiġillajtu, sejjaħt ix-​xhieda u wiżint il-​flus fil-​miżien. U ħadt il-​kitba tax-​xiri ssiġillata li kien fiha l-​ftehim u l-​kundizzjonijiet, u l-​kopja miftuħa. U tajt dan il-​kuntratt tax-​xiri lil Bàruk bin Nerija, bin Maħseja, quddiem Ħanamel bin zijuwi, u quddiem ix-​xhieda, li kienu ffirmaw dan il-​kuntratt tax-​xiri, u quddiem il-​Lhud kollha li kienu qegħdin fil-​bitħa taʼ l-​għassa.” (Ġeremija 32:9-12) Għalkemm l-​eżempju li għadu kif issemma jikkonċerna xiri u mhux self, dan juri l-​importanza li nittrattaw transazzjonijiet tal-​flus b’mod preċiż u ċar.​—Ara The Watchtower, taʼ l-​1 taʼ Mejju, 1973, paġni 287-8.

Jekk iqumu xi diffikultajiet, il-​Kristjani għandhom jipprovaw isolvuhom fi qbil mal-​parir taʼ Ġesù ddokumentat f’Mattew 18:15-17. Imma wieħed anzjan li pprova jkun t’għajnuna fi kwistjonijiet bħal dawn jikkummenta: “Kważi f’kull każ, ma kienx hemm qbil bil-​miktub. Bħala riżultat, ma kienx hemm ftehim ċar bejn iż-​żewġ naħat dwar kif is-​self kellu jitħallas lura. Jien konvint li jekk dawn il-​kwistjonijiet jitniżżlu bil-​miktub ikun sinjal taʼ mħabba, u mhux taʼ nuqqas taʼ fiduċja.”

Ladarba nkunu għamilna xi ftehim, irridu ċertament inħabirku biex inżommu l-​kelma tagħna. Ġesù ħeġġeġ: “Mela ħa jkun id-​diskors tagħkom, ‘Iva, iva’, ‘Le, le’: kull ma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-​Ħażin.” (Korsiv tagħna.) (Mattew 5:37) Jekk xi problema mhix mistennija żżommna lura milli nħallsu lura s-​self skond l-​iskeda, irridu immedjatament nispjegaw is-​sitwazzjoni lil dak li sellifna l-​flus. Forsi jippermettilna nħallsu lura l-​flus f’ammonti iżgħar għal perijodu itwal taʼ żmien.

Madankollu, ċirkustanzi mhux favorevoli ma jiskużawniex mir-​responsabbiltajiet tagħna. Persuna li għandha l-​biżaʼ t’Alla tagħmel l-​aħjar tagħha biex iżżomm kelmitha. (Salm 15:4) Għalkemm l-​affarijiet għandhom mnejn ma jseħħux skond kif konna qed nistennewhom, għandna nkunu ppreparati li nagħmlu sagrifiċċji sabiex inħallsu d-​djun tagħna, ladarba din hija r-​responsabbiltà Kristjana tagħna.

Oqgħod Attent dwar is-​Self tal-​Flus

M’għandniex xi ngħidu, dak li jissellef il-​flus m’huwiex l-​uniku wieħed li għandu bżonn jiżen l-​affarijiet bir-​reqqa. Dak il-​ħu li jintalab is-​self mingħandu wkoll irid jikkalkula n-​nefqa. Qabel ma nsellfu l-​flus, inkunu għaqlin jekk nieħdu ż-​żmien biex nikkunsidraw l-​affarijiet bir-​reqqa u bil-​għaqal. Il-​Bibbja tħeġġeġ biex wieħed joqgħod attent, billi tgħid: “Tkunx minn dawk li jagħmlu tajjeb għal ħaddieħor, tidħolx garanti għad-​djun tiegħu.”—Proverbji 22:26.

Qabel ma tikkommetti ruħek, ikkunsidra x’jistaʼ jiġri jekk il-​ħu ma jkunx kapaċi jħallsek lura. Se jkollok imbagħad int stess problemi finanzjarji serji? Avolja l-​ħu jistaʼ jkollu intenzjonijiet tajbin, iċ-​ċirkustanzi jistgħu jinbidlu jew il-​kalkoli tiegħu jistgħu jkunu żbaljati. Ġakbu 4:14 ifakkarna lkoll: “U intom ma tafux x’għad isir għada. Għax x’inhi ħajjitkom? Intom bħal fwar li jidher għal ftit u mbagħad jgħib.”—Qabbel Koħèlet 9:11.

Speċjalment f’każ taʼ self għan-​negozju, ikun għaqli li tikkunsidra r-​reputazzjoni taʼ dak li jrid jissellef il-​flus. Huwa magħruf bħala wieħed li tistaʼ tafdah u taʼ min joqgħod fuqu, jew hu inkompetenti f’li jimmaniġġa kwistjonijiet finanzjarji? Għandu t-​tendenza li jmur jitlob il-​flus lil diversi wħud ġewwa l-​kongregazzjoni? Huwa għaqli li żżomm f’moħħok dan il-​kliem: “Min hu nieqes minn moħħu jemmen kollox, min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.”—Proverbji 14:15.

Xi drabi, is-​self jistaʼ lanqas ma jkun fl-​aħjar interessi taʼ dak li se jissellef il-​flus. Dan jistaʼ faċilment isir tagħbija għalih, billi jisraqlu mill-​ferħ tiegħu. Irridu li ħu bħal dan isir il-​“qaddej” tagħna? Għandu mnejn is-​self jeffettwa r-​relazzjoni tagħna, billi nġagħluh iħossu inċert jew saħansitra imbarazzat jekk ma jkunx kapaċi jħallas lura?

Jekk hemm bżonn ġenwin, nistgħu nikkunsidraw li nagħtu rigal minflok self, avolja l-​ammont jistaʼ jkun iżgħar? L-​Iskrittura tinkuraġġina biex nuru ħniena meta naraw lil ħuna fil-​bżonn. “Imma l-​ġust iħenn u jagħti,” kanta s-​salmista. (Salm 37:21) L-​imħabba għandha tqanqalna biex nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nagħtu għajnuna prattika lill-​aħwa fil-​bżonn.—Ġakbu 2:15, 16.

Ikkunsidra l-​Passi Tiegħek bir-​Reqqa

Ladarba s-​self huwa sors potenzjali taʼ nuqqas taʼ qbil, forsi nistgħu nqisuh bħala l-​aħħar soluzzjoni milli bħala għażla faċli. Bħalma ġie nnotat qabel, dak li jissellef il-​flus għandu jkun sinċier maʼ dak li jsellfu l-​flus, billi jniżżel bil-​miktub kif u meta s-​self se jitħallas lura. U f’każ taʼ tbatija ġenwina, rigal jistaʼ jkun l-​aħjar soluzzjoni.

Michael ma sellifx il-​flus li kien talbu Simon. Minflok, Michael tah ammont iżgħar bħala rigal. Simon kien grat għal din l-​għajnuna sabiex ikun jistaʼ jħallas il-​mediċina tat-​tifel tiegħu. U Michael kien ferħan li setaʼ juri l-​imħabba tiegħu taʼ l-​aħwa fil-​prattika. (Proverbji 14:21; Atti 20:35) Kemm Michael kif ukoll Simon iħarsu ’l quddiem għal dak iż-​żmien taħt il-​ħakma tas-​Saltna meta Kristu “jeħles lill-​fqir li jsejjaħlu” u ħadd m’hu se jgħid, “Jien marid.” (Salm 72:12; Isaija 33:24) Sadanittant, ejjew nikkunsidraw il-​passi tagħna bir-​reqqa jekk xi darba nħossuna obbligati li nitolbu self mingħand xi ħu.

[Nota taʼ taħt]

a L-ismijiet ġew mibdulin.

[Stampa f’paġna 25]

Li jitniżżel bil-​miktub ftehim fuq self ikun sinjal taʼ mħabba, u mhux taʼ nuqqas taʼ fiduċja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja