LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 1/15 pp. 25-27
  • Il-Liġi Orali—Għala Nkitbet?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Liġi Orali—Għala Nkitbet?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Tradizzjonijiet fejn Oriġinaw?
  • “Min Tahielek Din is-​Setgħa [“l-​awtorità,” NW]?”
  • Il-​Liġi fi Kriżi​—Soluzzjoni Ġdida
  • Liġi Orali Għala Tinkiteb?
  • Il-Liġi Qabel Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • It-Tjieba Mhux bi Tradizzjonijiet Orali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • X’inhi t-Tora?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Ibqaʼ Fittex is-Saltna u t-Tjieba t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 1/15 pp. 25-27

Il-​Liġi Orali—Għala Nkitbet?

ĠESÙ, bħala l-​Messija, għala ma kienx aċċettat minn ħafna Lhud taʼ l-​ewwel seklu? Wieħed li ra b’għajnejh stess jirrapporta: “[Ġesù] daħal fit-​tempju, u, waqt li kien qiegħed jgħallem, resqu fuqu l-​qassisin il-​kbar u x-​xjuħ tal-​poplu u qalulu: ‘Int b’liema setgħa [“awtorità,” NW] qiegħed tagħmel dan kollu? U min tahielek din is-​setgħa [“l-​awtorità,” NW]?’” (Mattew 21:23) Fl-​opinjoni tagħhom, Dak li Jistaʼ Kollox kien ta t-​Tora (il-Liġi) lill-​ġens Lhudi, u din lil ċerti rġiel tathom awtorità mogħtija minn Alla. Kellu Ġesù awtorità bħal din?

Ġesù wera l-​ogħla grad taʼ rispett lejn it-​Tora u lejn dawk li lilhom din tat awtorità ġenwina. (Mattew 5:17-20; Luqa 5:14; 17:14) Imma hu spiss akkuża lil dawk li kienu jiksru l-​kmandamenti t’Alla. (Mattew 15:3-9; 23:2-28) Irġiel bħal dawn segwew tradizzjonijiet li saru magħrufin bħala l-​liġi orali. Ġesù m’aċċettahiex l-​awtorità tagħha. Minħabba f’hekk, ħafna m’aċċettawhx bħala l-​Messija. Dawn kienu jemmnu li min biss kien jappoġġa t-​tradizzjonijiet taʼ dawk li kellhom l-​awtorità fosthom setaʼ jkollu l-​appoġġ t’Alla.

Din il-​liġi orali fejn oriġinat? Xi Lhud kif saru jqisuha bħala li għandha awtorità ugwali għal dik tal-​Liġi miktuba ddokumentata fl-​Iskrittura? U jekk l-​iskop kien li din tkun tradizzjoni orali, għala tniżżlet eventwalment bil-​miktub?

It-​Tradizzjonijiet fejn Oriġinaw?

L-​Iżraeliti daħlu f’relazzjoni taʼ patt m’Alla Jehovah fuq il-​Muntanja Sinaj fis-​sena 1513 Q.E.K. Permezz taʼ Mosè, huma rċevew l-​istatuti taʼ dak il-​patt. (Eżodu 24:3) Il-​fatt li jsegwu dawn ir-​regolamenti kellu jippermettilhom li ‘juru li kienu qaddisin bħalma l-​Mulej Alla tagħhom kien qaddis.’ (Levitiku 11:44) Taħt il-​patt tal-​Liġi, il-​qima taʼ Jehovah kienet tinvolvi sagrifiċċji offruti minn saċerdozju innominat. Kellu jkun hemm post ċentrali taʼ qima​—eventwalment it-​tempju f’Ġerusalemm.—Dewteronomju 12:5-7; 2 Kronaki 6:4-6.

Il-Liġi Mosajka pprovdiet l-​istruttura ġenerali taʼ kif Iżrael bħala ġens kellu jqim lil Jehovah. Madankollu, xi dettalji ma tniżżlux b’mod espliċitu. Per eżempju, il-​Liġi kienet tipprojbixxi x-​xogħol li jsir nhar taʼ Sibt, imma ma ġibditx xi linja espliċita bejn ix-​xogħol u l-​attivitajiet l-​oħrajn.—Eżodu 20:10.

Kieku Jehovah kien raha ħaġa sewwa li jagħmel hekk, kieku setaʼ pprovda regolamenti ddettaljati li jkopru kull mistoqsija immaġinabbli. Imma hu kien ħalaq lill-​bnedmin b’kuxjenza, u ħallielhom l-​inizjattiva li jaqduh bi grad taʼ flessibiltà ġewwa l-​qafas taʼ l-​istatuti tiegħu. Il-​Liġi għamlet provvediment biex każi ġudizzjali jieħdu ħsiebhom il-​qassisin, il-​Leviti, u l-​imħallfin. (Dewteronomju 17:8-11) Hekk kif żdied l-​għadd tal-​każi, ġew stabbiliti ċerti preċedenti, u bla dubju xi ftit minnhom għaddewhom minn ġenerazzjoni għal oħra. Metodi taʼ kif wieħed jieħu ħsieb id-​dmirijiet saċerdotali fit-​tempju taʼ Jehovah wkoll ġew mgħoddijin minn missier għal iben. Hekk kif żdiedet l-​esperjenza kollettiva tal-​ġens, hekk ukoll żdiedu t-​tradizzjonijiet tiegħu.

Madankollu, fil-​qalba tal-​qima taʼ Iżrael, kien għad hemm il-​Liġi miktuba mogħtija lil Mosè. Eżodu 24:3, 4 jgħid: “Mosè niżel jgħid lill-​poplu kull ma qallu l-​Mulej u kull ma ordnalu. Il-​poplu wieġeb b’leħen wieħed u qal: ‘Kull ma qalilna l-​Mulej nagħmluh.’ Mosè kiteb il-​kliem kollu tal-​Mulej.” (Korsiv tagħna.) Kien fi qbil maʼ dawn il-​kmandamenti miktubin li Alla kkonkluda l-​patt tiegħu maʼ l-​Iżraeliti. (Eżodu 34:27) Fil-​fatt, l-​Iskrittura mkien ma ssemmi l-​eżistenza taʼ xi liġi orali.

“Min Tahielek Din is-​Setgħa [“l-​awtorità,” NW]?”

Jidher ċar li l-​Liġi Mosajka ħalliet l-​awtorità u l-​istruzzjoni reliġjużi u primarji f’idejn il-​qassisin, id-​dixxendenti taʼ Aron. (Levitiku 10:8-11; Dewteronomju 24:8; 2 Kronaki 26:16-20; Malakija 2:7) Madankollu, matul is-​sekli, xi qassisin ma baqgħux leali u saru korrotti. (1 Samwel 2:12-17, 22-29; Ġeremija 5:31; Malakija 2:8, 9) Matul l-​era tad-​dominju Grieg, ħafna qassisin għamlu kompromess fuq kwistjonijiet reliġjużi. Fit-​tieni seklu Q.E.K., il-​Fariżej​—grupp ġdid fil-​Ġudaiżmu li ma kellux fiduċja fis-​saċerdozju—​bdew jistitwixxu tradizzjonijiet li permezz tagħhom il-​bniedem komuni setaʼ jikkunsidra ruħu qaddis daqs il-​qassis. Dawn it-​tradizzjonijiet għoġbu lil ħafna nies, imma kienu jammontaw għal żjieda mhix aċċettabbli mal-​Liġi.—Dewteronomju 4:2; 13:1 [Dewteronomju 12:32, NW].

Il-Fariżej saru l-​istudjużi l-​ġodda tal-​Liġi, billi għamlu x-​xogħol li huma ħassew li ma kienx qed isir mill-​qassisin. Ladarba l-​awtorità tagħhom ma kinitx permessa mil-​Liġi Mosajka, huma żviluppaw metodi ġodda biex jinterpretaw l-​Iskrittura permezz taʼ allużjonijiet misterjużi u permezz taʼ metodi oħrajn li donnhom kienu jappoġġaw l-​ideat tagħhom.a Bħala l-​kustodji u l-​promoturi ewlenin taʼ dawn it-​tradizzjonijiet, huma ħolqu bażi ġdida t’awtorità f’Iżrael. Sa l-​ewwel seklu taʼ l-​E.K., il-​Fariżej kienu saru forza dominanti fil-​Ġudaiżmu.

Hekk kif ġabru tradizzjonijiet orali li kienu jeżistu u fittxew l-​implikazzjoni Skritturali biex jistabbilixxu iktar tradizzjonijiet minn tagħhom stess, il-​Fariżej raw il-​ħtieġa li jagħtu iktar awtorità lill-​attività tagħhom. Twieled konċett ġdid rigward l-​oriġini taʼ dawn it-​tradizzjonijiet. Ir-​rabbini bdew jgħallmu: “Mosè rċieva t-​Tora fuq is-​Sinaj u għaddieha lil Ġożwè, Ġożwè lill-​anzjani, u l-​anzjani lill-​profeti. U l-​profeti għaddewha lill-​irġiel taʼ l-​assemblea l-​kbira.”—Avot 1:1, il-​Mixna.

Meta qalu li “Mosè rċieva t-​Tora,” ir-​rabbini ma kinux qegħdin jirreferu biss għal-​liġijiet miktubin imma wkoll għat-​tradizzjonijiet orali kollha tagħhom. Huma sostnew li dawn it-​tradizzjonijiet​—ivvintati u żviluppati mill-​bnedmin—​ngħataw minn Alla lil Mosè fuq is-​Sinaj. U huma għallmu li Alla ma kienx ħalla f’idejn il-​bnedmin biex iżidu dak li dehrilhom huma imma hu kien iddefinixxa oralment dak li l-​Liġi miktuba baqgħet ma qalitux. Skond huma, Mosè m’għaddiex din il-​liġi orali minn ġenerazzjoni għal oħra lill-​qassisin, imma lil mexxejja oħrajn. Il-​Fariżej infushom sostnew li kienu l-​werrieta naturali taʼ din il-​katina “mhix maqtugħa” t’awtorità.

Il-​Liġi fi Kriżi​—Soluzzjoni Ġdida

Ġesù, li l-​awtorità tiegħu mogħtija minn Alla kienet iddubitata mill-​mexxejja reliġjużi Lhud, kien bassar il-​qerda tat-​tempju. (Mattew 23:37–24:2) Wara li r-​Rumani qerdu t-​tempju fis-​sena 70 E.K., il-​ħtiġijiet tal-​Liġi Mosajka li kienu jinvolvu s-​sagrifiċċji u s-​servizz saċerdotali ma setgħux jitwettqu iktar. Alla kien stabbilixxa patt ġdid fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala prezz għall-​fidwa. (Luqa 22:20) Il-​patt tal-​Liġi Mosajka kien inġieb fi tmiem.—Lhud 8:7-13.

Minflok ma qiesu dawn il-​ġrajjiet bħala evidenza li Ġesù kien il-​Messija, il-​Fariżej sabu soluzzjoni oħra. Huma kienu diġà ħatfu ħafna mill-​awtorità tas-​saċerdozju. Peress li t-​tempju kien meqrud, huma setgħu javanzaw pass ieħor. L-​akkademja rabbinika f’Yavneh saret iċ-​ċentru għal Sinedriju organizzat mill-​ġdid​—il-​qorti superjuri Lhudija. Taħt it-​tmexxija taʼ Yohanan ben Zakkai u Gamaljel II f’Yavneh, il-​Ġudaiżmu ġie ristrutturat kompletament. Is-​servizzi fis-​sinagoga, immexxijin mir-​rabbini, ħadu post il-​qima fit-​tempju, li kienet taħt is-​superviżjoni tal-​qassisin. It-​talb, speċjalment dak li kien isir nhar Jum l-​Espjazzjoni, ħa post is-​sagrifiċċji. Il-​Fariżej irraġunaw li l-​liġi orali mogħtija lil Mosè fuq is-​Sinaj kienet diġà pprevedietu dan u għamlet provvediment għalih.

L-akkademji rabbiniċi saru iktar prominenti. Il-​kurrikulu prinċipali tagħhom kien diskussjoni intensa, memorizzazzjoni, u applikar tal-​liġi orali. Qabel, il-​bażi għal-​liġi orali kienet marbuta maʼ l-​interpretazzjoni taʼ l-​Iskrittura​—Midrash. Issa, it-​tradizzjonijiet li dejjem kienu qed jiżdiedu u jakkumulaw bdew jiġu mgħallmin u organizzati separatament. Kull regola tal-​liġi orali ġiet issemplifikata għal frażijiet qosra li wieħed setaʼ jimmemorizza faċilment u li spiss kienu jkunu addattati għall-​mużika.

Liġi Orali Għala Tinkiteb?

L-​abbundanza taʼ akkademji rabbiniċi u ż-​żjieda fir-​regoli rabbiniċi ħolqu problema ġdida. Adin Steinsaltz, studjuż rabbiniku, jispjega: “Kull għalliem kellu l-​metodu tiegħu stess u ġabar fi kliemu r-​regoli orali tiegħu bl-​istil uniku tiegħu stess. . . . Ma kienx għadu iktar suffiċjenti li wieħed ikun midħla tat-​tagħlim taʼ l-​għalliem tiegħu stess, u l-​istudent kien obbligat li jsir midħla tax-​xogħol taʼ studjużi oħrajn . . . B’hekk, lill-​istudenti sforzawhom jitgħallmu bl-​amment kwantitajiet enormi taʼ materjal minħabba l-​‘isplużjoni taʼ l-​għarfien.’” Fost baħar taʼ informazzjoni diżorganizzata, il-​memorja taʼ l-​istudent ma kinitx tkun tiflaħ iktar.

Fit-tieni seklu taʼ l-​E.K., l-​irvell Lhudi kontra Ruma, immexxi minn Bar Kokhba, wassal għal persekuzzjoni intensa fuq l-​istudjużi rabbiniċi. Akiba​—ir-​rabbi fl-​ogħla pożizzjoni, li kien appoġġa lil Bar Kokhba—​flimkien maʼ ħafna studjużi prominenti ngħataw il-​mewt. Ir-​rabbini beżgħu li l-​persekuzzjoni mġedda setgħet tipperikola lill-​istess eżistenza tal-​liġi orali tagħhom. Huma kienu tal-​fehma li l-​aħjar mod kif jingħaddu t-​tradizzjonijiet kien billi s-​sid jgħaddihom bil-​fomm lid-​dixxiplu, imma dawn iċ-​ċirkustanzi li kienu jinbidlu kontinwament wasslu għal sforz akbar biex tinħoloq struttura organizzata għall-​ippreservar tat-​tagħlim taʼ l-​għorrief, li ma jmurx dan jintilef għal dejjem.

Matul perijodu sussegwenti taʼ paċi relattiva maʼ Ruma, Judah Ha-Nasi, ir-​rabbi prominenti fl-​aħħar tat-​tieni seklu u fil-​bidu tat-​tielet seklu E.K., ġabar għadd taʼ studjużi u editja ammonti kbar taʼ tradizzjoni orali f’sistema organizzata magħmula minn sitt Diviżjonijiet, kull waħda maqsuma f’sezzjonijiet iżgħar​—63 b’kollox. Din il-​biċċa xogħol saret magħrufa bħala l-​Mixna. Ephraim Urbach, awtorità fuq il-​liġi orali, jikkummenta: “Il-​Mixna . . . ngħatat approvazzjoni u awtorità li bħalhom qatt ma kienu ngħataw lil xi ktieb ieħor ħlief lit-​Tora nfisha.” Il-​Messija kien ġie rrifjutat, it-​tempju kien ħerba, imma bil-​liġi orali ppreservata bil-​miktub fil-​forma tal-​Mixna, bdiet era ġdida fil-​Ġudaiżmu.

[Nota taʼ taħt]

a Dan l-​istil taʼ interpretazzjoni taʼ l-​Iskrittura jissejjaħ midrash.

[Stampa f’paġna 26]

Ħafna Lhud għala m’aċċettawhiex l-​awtorità taʼ Ġesù?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja