Sawl Għala Kien Jippersegwita lill-Kristjani?
‘JIEN DEHERLI LI KELLI nagħmel minn kollox kontra l-isem taʼ Ġesù taʼ Nazaret. Hekk għamilt f’Ġerusalemm, u bis-setgħa li tawni l-qassisin il-kbar jien tfajt fil-ħabs ħafna mill-qaddisin. Meta kienu jaqtgħuhielhom għall-mewt, jien kont nagħti l-kunsens tiegħi. Bosta drabi kont naħqarhom fis-sinagogi kollha. Kont nagħmel minn kollox biex inġagħalhom jiċħdu t-twemmin tagħhom. B’saħna li ma bħalha kont nippersegwitahom sa fi bliet barranin.’—Atti 26:9-11.
HEKK qal Sawl taʼ Tarsu, magħruf ukoll bħala l-appostlu Pawlu. M’għandniex xi ngħidu, sakemm wasal iż-żmien meta qal dan, hu kien sar raġel ġdid. Billi ma kienx għadu opponent tal-Kristjanità, kien issa wieħed mill-iktar promoturi ferventi tagħha. Imma x’kien dak li fil-passat qanqal lil Sawl biex jippersegwita lill-Kristjani? Għala kien jaħseb li ‘kellu jagħmel’ affarijiet bħal dawn? U nistgħu nisiltu xi lezzjoni mill-istorja tiegħu?
It-Tħaġġir taʼ Stiefnu
Sawl jidher għall-ewwel darba fil-Bibbja fost dawk li kienu qed joqtlu lil Stiefnu. “Kaxkruh ’il barra mill-belt [lil Stiefnu] u qabdu jħaġġruh. Ix-xhieda qiegħdu ħwejjiġhom f’riġlejn żagħżugħ jismu Sawl.” “Sawl kien fehma waħda magħhom fil-mewt li tawh.” (Atti 7:58; 8:1) X’wassal għal dan l-attakk? Il-Lhud, inkluż xi wħud miċ-Ċiliċja, argumentaw maʼ Stiefnu imma ma kinux kapaċi jirribattu kliemu. Ir-rakkont ma jgħidx jekk Sawl, li wkoll kien miċ-Ċiliċja, kienx wieħed minnhom. Kien x’kien il-każ, huma wżaw xhieda foloz biex lil Stiefnu jakkużawh li kien qed jidgħi u kaxkruh quddiem is-Sinedriju. (Atti 6:9-14) Din l-assemblea, li kien jippresiedi fuqha l-qassis il-kbir, kienet isservi bħala l-qorti suprema Lhudija. Billi kienet l-ogħla awtorità reliġjuża, il-membri tagħha kienu jipproteġu wkoll dik li huma kienu jemmnu li kienet purità duttrinali. Fl-opinjoni tagħhom, Stiefnu kien jistħoqqlu l-mewt. Kellu l-wiċċ tost li jakkużahom li ma kinux qed josservaw il-Liġi, hux hekk? (Atti 7:53) Malajr kienu se juruh kif suppost kellha tiġi osservata!
Il-fatt li Sawl kien japprova dik l-opinjoni kien konsegwenza loġika tal-konvinzjonijiet tiegħu. Hu kien Fariżew. Din is-setta b’saħħitha kienet tesiġi osservanza stretta tal-liġi u t-tradizzjoni. Kienu jemmnu li l-Kristjanità kienet l-antitesi taʼ dawk il-prinċipji, għax kienet tgħallem mod ġdid taʼ salvazzjoni permezz taʼ Ġesù. Il-Lhud taʼ l-ewwel seklu kienu jistennew li l-Messija kien se jkun Sultan glorjuż li kellu jeħlishom mill-madmad misħut taʼ dominanza Rumana. Il-fatt li dak li kien ġie kundannat mis-Sinedriju l-Kbir fuq akkuża taʼ dagħa u mbagħad imdendel maʼ zokk bħal xi kriminal misħut setaʼ jkun il-Messija kien b’hekk assolutament inkompatibbli, inaċċettabbli, u mistmerr għall-mentalità tagħhom.
Il-Liġi kienet tgħid li raġel li jiġi mdendel maʼ zokk kien is-“saħta taʼ Alla.” (Dewteronomju 21:22, 23; Galatin 3:13) Mill-punto di vista taʼ Sawl, “dan il-kliem b’mod ċar kien japplika għal Ġesù,” jikkummenta Frederick F. Bruce. “Hu kien miet misħut minn Alla, u għalhekk ma setgħux jimmaġinaw kif qatt setaʼ jkun il-Messija, dak li skond l-istqarrija kważi sagrosanta, il-barka t’Alla kellha tissawwab fuqu b’mod uniku. Għalhekk, li xi ħadd isostni li Ġesù kien il-Messija kienet dagħwa; dawk li kienu jsostnu xi ħaġa assurda bħal din kien jistħoqqilhom isofru taʼ dgħajja li kienu.” Bħalma ammetta Sawl stess iktar tard, l-istess idea taʼ “Kristu msallab [“msammar maʼ zokk,” NW] [kienet] skandlu għal-Lhud.”—1 Korintin 1:23.
Ir-reazzjoni taʼ Sawl għal tagħlim bħal dan kienet li jopponih bl-akbar determinazzjoni possibbli. Kien jeħtieġ li tintuża saħansitra forza brutali sabiex dan it-tagħlim jiġi eliminat għalkollox. Kien ċert li Alla hekk ried. Meta ddeskriva l-attitudni li kellu, Sawl qal: “Biż-żelu li kelli, ippersegwitajt il-Knisja; għal dik li hi ġustizzja tal-Liġi, ħadd ma sataʼ jgħid xejn fija.” “Kont nippersegwita bis-sħiħ il-Knisja taʼ Alla u nfittex li nħarbatha; u kemm kont ’il quddiem fir-reliġjon Lhudija fost il-poplu tiegħi aktar minn sħabi kollha taʼ mpari, mġennen kif kont għat-tradizzjonijiet taʼ missirijieti.”—Filippin 3:6; Galatin 1:13, 14.
Il-Protagonist tal-Persekuzzjoni
Wara l-mewt taʼ Stiefnu, Sawl ma jidhirx sempliċement bħala xi għodda għall-persekuzzjoni imma sar il-perċimes tagħha. Bħala tali, bilfors li sar magħruf mhux ħażin, ladarba saħansitra wara li kkonverta, meta għamel ħiltu biex jingħaqad mad-dixxipli, “[i]lkoll kienu jibżgħu minnu, għax ma kinux emmnu li tassew ikkonverta.” (Korsiv tagħna.) Meta sar evidenti li hu tassew kien Kristjan, il-konverżjoni tiegħu saret raġuni għal ferħ u ringrazzjament fost id-dixxipli, li semgħu, mhux sempliċement li xi ħadd li qabel kien jopponi kien inbidel mil-lejl għan-nhar, imma pjuttost, “dak li darba kien jippersegwitana, issa qiegħed ixandar il-fidi li darba hu ried jeqred.” (Korsiv tagħna.)—Atti 9:26; Galatin 1:23, 24.
Damasku kien xi 220 kilometru—mixja taʼ sebaʼ jew tmint ijiem—’il bogħod minn Ġerusalemm. Madankollu, waqt li “kien għadu bil-qawwa kollha jhedded bil-mewt lid-dixxipli,” Sawl mar għand il-qassis il-kbir u talbu jagħtih ittri għas-sinagogi f’Damasku. Għala? Sabiex b’hekk Sawl setaʼ jieħu marbutin lejn Ġerusalemm lil kulmin kien isib minn dawk mexjin fit-“Triq tal-Mulej.” B’approvazzjoni uffiċjali, hu beda “jagħmel ħerba mill-Knisja; kien jidħol minn dar għal oħra, jaqbad irġiel u nisa u jitfagħhom il-ħabs.” Lil oħrajn kien ‘isawwathom fis-sinagogi,’ u kien ‘jagħti l-kunsens (letteralment, “iċ-ċagħqa tal-vot”) tiegħu’ biex dawn jinqatlu.—Atti 8:3; 9:1, 2, 14; 22:5, 19; 26:10.
Meta jqisu l-edukazzjoni li Sawl irċieva taħt Gamaljel u s-setgħa li kellu dakinhar, xi studjużi jemmnu li kien ipprogressa milli jkun sempliċement student tal-Liġi sal-punt li jibda jeżerċita ċerta awtorità fil-Ġudaiżmu. Per eżempju, wieħed minn dawn issoppona li Sawl għandu mnejn kien sar għalliem f’xi sinagoga f’Ġerusalemm. Madankollu, ma nistgħux inkunu ċerti x’ifisser li Sawl kien ‘jagħti l-kunsens tiegħu’—sew jekk kien membru tal-qorti u sew jekk kien wieħed li jesprimi l-appoġġ morali tiegħu għall-qtil tal-Kristjani.a
Ladarba fil-bidu l-Kristjani kollha kienu Lhud jew proseliti Lhud, Sawl mid-dehra kien tal-fehma li l-Kristjanità kienet xi moviment apostat fi ħdan il-Ġudaiżmu, u kien jikkunsidraha responsabbiltà tal-Ġudaiżmu uffiċjali li jikkoreġi lis-segwaċi tiegħu. “M’huwiex probabbli,” jgħid l-istudjuż Arland J. Hultgren, “li Pawlu l-persekutur kien se jopponi l-Kristjanità għaliex kien iqisha bħala reliġjon li ma kellhiex x’taqsam mal-Ġudaiżmu, xi kompetitriċi. Il-moviment Kristjan x’aktarx li kemm hu u kemm oħrajn kienu jqisuh li xorta kien għadu suġġett għall-awtorità Lhudija.” L-intenzjoni tiegħu dak iż-żmien kienet li jisforza lil Lhud taʼ rashom iebsa biex jirrinunzjaw it-twemmin tagħhom u jerġgħu lura għall-ortodossija, billi jużaw il-mezzi kollha li kellhom disponibbli. (Atti 26:11) Mezz wieħed li setaʼ jagħżel kien il-priġunerija. Ieħor kien is-swat fis-sinagogi, mezz komuni taʼ dixxiplina li setaʼ jingħata bħala kastig għad-diżubbidjenza kontra l-awtorità rabbinika fi kwalunkwe qorti lokali taʼ tliet imħallfin.
M’għandniex xi ngħidu, wara li Ġesù deher lil Sawl fit-triq lejn Damasku, dan kollu ġie fi tmiemu. Minn għadu kiefer tal-Kristjanità, Sawl f’daqqa waħda sar difensur ferventi tagħha, u f’qasir żmien il-Lhud f’Damasku bdew ifittxu li joqtlu lilu. (Atti 9:1-23) X’paradoss! Bħala Kristjan, Sawl kellu jsofri ħafna affarijiet li hu stess kien ikkastiga lil oħrajn bihom meta kien persekutur, sabiex b’hekk snin wara setaʼ jgħid: “Ħames darbiet qlajt mingħand il-Lhud l-erbgħin daqqa neqsin waħda.”—2 Korintin 11:24.
Iż-Żelu Jistaʼ Jintwera għal Skop Ħażin
“Qabel kont dagħaj, persekutur u żeblieħi,” kiteb Sawl wara l-konverżjoni tiegħu, meta kien magħruf aħjar bħala Pawlu. “Iżda sibt il-ħniena, għax dak li għamilt għamiltu bla ma kont naf, billi kont għadni bla fidi.” (1 Timotju 1:13) Għalhekk, li wieħed ikun sinċier u attiv fir-reliġjon tiegħu m’huwiex garanzija li hu jkollu l-approvazzjoni t’Alla. Sawl kien żeluż u kien jaġixxi skond il-kuxjenza, imma dan ma ġġustifikahx. Iż-żelu jaħraq tiegħu kien qed jintwera għal skop ħażin. (Qabbel Rumani 10:2, 3.) Dan għandu jġagħalna nirriflettu.
Ħafna llum huma konvinti bis-sħiħ illi kulma Alla jirrikjedi minnhom hu li jkollhom kondotta tajba. Imma huwa dan minnu? Kull individwu jagħmel tajjeb li jagħti widen għall-eżortazzjoni taʼ Pawlu: “Kunu żguri mill-affarijiet kollha; żommu sodi maʼ dak li hu mill-aħjar.” (1 Tessalonkin 5:21, NW) Dan ifisser li wieħed jieħu l-ħin biex jikseb għarfien eżatt tal-Kelma t’Alla taʼ verità u mbagħad jgħix ħajtu f’armonija sħiħa magħha. Jekk aħna u neżaminaw il-Bibbja nirrealizzaw li għandna xi bidliet x’nagħmlu, allura ċertament li għandna nagħmluhom mill-iktar fis possibbli. Forsi ftit huma dawk fostna li qatt kienu dgħajja, persekuturi jew żeblieħa daqs Sawl. Minkejja dan, huwa biss billi naġixxu skond il-fidi u l-għarfien eżatt li, bħal Pawlu, inkunu nistgħu naqilgħu l-favur t’Alla.—Ġwann 17:3, 17.
[Nota taʼ taħt]
a Skond il-ktieb The History of the Jewish People in the Age of Jesus Christ (175 B.C.–A.D. 135), taʼ Emil Schürer, għalkemm il-Mixna ma tagħtix informazzjoni dwar il-proċeduri tas-Sinedriju l-Kbir, jew is-Sinedriju tal-Wieħed u Sebgħin, dwar dawk tas-Sinedriji iktar baxxi, taʼ 23 membru, din tagħti informazzjoni dettaljata. L-istudenti tal-Liġi setgħu jattendu għal kawżi kapitali li kienu jinstemgħu mis-Sinedriji iktar baxxi, fejn kellhom il-permess jitkellmu biss favur u mhux kontra l-akkużat. F’kawżi li ma kinux jinvolvu offiża kapitali, setgħu jitkellmu kemm favur u kemm kontra.