Għala Għandna Nemmnu f’Ġesù Kristu?
“ANKI ħafna nies li m’humiex Kristjani jemmnu li Hu kien għalliem kbir u għaref. Ċertament li Hu kien wieħed mill-iktar nies influwenti li qatt għexu.” (The World Book Encyclopedia) “Hu” min hu? Huwa Ġesù Kristu, il-fundatur tal-Kristjanità.
Minkejja dak li tgħid l-enċiklopedija, madankollu, għal mijiet taʼ miljuni taʼ nies fl-Orjent u f’postijiet oħra, Ġesù Kristu hu stranġier, sempliċement isem li forsi għadhom jiftakruh mill-kotba taʼ l-iskola sekondarja. Saħansitra fil-knejjes tal-Kristjaneżmu, insibu teoloġi u membri tal-kleru li jgħidu li aħna fir-realtà ma nafuhx lil Ġesù u jitfgħu dubji fuq il-ġenwinità taʼ l-erbaʼ rakkonti dwar ħajtu misjuba fil-Bibbja (l-Evanġelji) u li għadhom jeżistu sal-lum.
Jistaʼ jkun li l-kittieba tal-Vanġeli vvintawha l-istorja tal-ħajja taʼ Ġesù? Lanqas xejn! L-istorjografu magħruf Will Durant, wara li analizza dawn ir-rakkonti taʼ l-Evanġelji, kiteb: “Li xi ftit irġiel sempliċi f’ġenerazzjoni waħda vvintaw personalità tant qawwija u li tappella, etika tant għolja u dehra taʼ fratellanza umana li tant tqanqal, kien ikun miraklu ferm iktar inkredibbli minn kull wieħed li hemm miktub fl-Evanġelji. Wara żewġ sekli taʼ Kritika Iktar Għolja, il-qofol tal-ħajja, tal-karattru, u tat-tagħlim taʼ Kristu tistaʼ tgħid li għadu ċar, u jifforma l-iktar fattur affaxxinanti fl-istorja tan-nies tal-Punent.”
Xorta waħda, hemm dawk li jħossu li Ġesù Kristu ma jixraqlux l-attenzjoni tagħhom minħabba dak li għamlu wħud li jistqarru li huma segwaċi tiegħu. ‘Tefgħu bomba atomika fuq Nagasaki,’ ġieli jgħidu xi wħud fil-Ġappun. ‘U f’Nagasaki kien hemm iktar Kristjani mill-biċċa l-kbira tal-bliet fil-Ġappun.’ Imma jekk xi ħadd jimrad, jistaʼ wieħed iwaħħal fit-tabib jekk il-pazjent jonqos li jimxi fuq il-parir tiegħu? Ħafna min-nies li jistqarru li huma Kristjani ilhom li injoraw ir-riċetta taʼ Ġesù sabiex jintgħelbu l-problemi taʼ l-umanità. Madankollu, Ġesù tana r-rimedju għall-problemi taʼ kuljum kif ukoll għat-tbatija taʼ l-umanità madwar id-dinja. Hu għalhekk li nistidnuk taqra l-artiklu li jmiss biex tara b’għajnejk x’tip taʼ bniedem kien.