L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
“Int il-Kristu, l-Iben t’ Alla l-ħaj.”—MATTEW 16:16.
1, 2. (a) Il-kobor taʼ bniedem kif jistaʼ jiġi ddeterminat? (b) Liema rġiel fl-istorja ġew imsejħin Kbir, u għala?
MIN taħseb li hu l-aqwa bniedem li qatt għex? Kif tikkalkulah int il-kobor taʼ bniedem? Bil-ġenju militari tiegħu? bl-abbiltajiet mentali u superjuri tiegħu? bis-saħħa fiżika tiegħu?
2 Diversi ħakkiema ġew imsejħin Kbir, bħal per eżempju Ċiru l-Kbir, Alessandru l-Kbir, u Karlumanju, li kien mogħti l-isem “il-Kbir” saħansitra matul ħajtu stess. Permezz tal-preżenza formidabbli tagħhom, bnedmin bħal dawn influwenzaw ħafna lil dawk li lilhom kienu jaħkmu.
3. (a) Liema hu test wieħed li bih tkejjel il-kobor taʼ bniedem? (b) Billi tuża dan it-test, min hu l-aqwa bniedem li qatt għex?
3 Taʼ interess, H. G. Wells, kittieb tal-istorja, iddeskriva t-test tiegħu biex ikejjel il-kobor taʼ bniedem. Iktar minn 50 sena ilu, hu kiteb: “Il-mod kif kittieb tal-istorja jittestja l-kobor taʼ individwu hu ‘X’ħalla jikber hu? Ġiegħel hu lin-nies jibdew jaħsbu fuq linji ġodda b’qawwa u ħeġġa li ppersistew warajh?’ B’dan it-test,” ikkonkluda Wells, “Ġesù jiġi l-ewwel.” Saħansitra Napuljun Bonaparte nnota: “Ġesù Kristu influwenza u kkmanda lis-sudditi Tiegħu mingħajr il-preżenza viżibbli Tiegħu fil-ġisem.”
4. (a) Liema fehmiet kontrastanti jeżistu rigward Ġesù? (b) Wieħed kittieb tal-istorja li mhux Kristjan liema post jagħti lil Ġesù fl-istorja?
4 Izda, xi wħud oġġezzjonaw li Ġesù mhux persuna storika imma huwa ħrafa. Fl-estrem l-ieħor, ħafna nies idolizzaw lil Ġesù bħala Alla, billi qalu li Alla ġie fuq l-art bħala Ġesù. Madankollu, billi bbaża l-konklużjonijiet tiegħu fuq l-evidenza storika biss rigward l-eżistenza taʼ Ġesù bħala bniedem, Wells kiteb: “Huwa taʼ interess u sinjifikanti li kittieb tal-istorja, mingħajr ebda xaqliba teoloġika hi x’inhi, għandu jsib li ma jistax jagħti stampa tal-progress tal-umanità b’mod onest mingħajr ma jagħti post ewlieni lil għalliem taʼ mingħajr sold minn Nazzaret.... Kittieb tal-istorja bħali nnifsi, li lanqas saħansitra ma jsejjaħ lilu nnifsu Kristjan, isib l-istampa ċċentrata b’mod irreżistibbli madwar il-ħajja u l-karattru taʼ dan il-bniedem l-iktar sinjifikanti.”
Tassew li Għex Ġesù?
5, 6. Il-kittieba tal-istorja H. G. Wells u Will Durant x’għandhom xi jgħidu dwar kemm Ġesù hu bniedem storiku?
5 Imma x’jiġri jekk xi ħadd igħidlek li Ġesù qatt ma għex tassew, li ħu kien, fil-fatt, ħrafa, invenzjoni taʼ xi rġiel tal-ewwel seklu? Kif tweġibha kieku din l-akkuża? Waqt li Wells jirrikonoxxi li “aħna ma nafux dwar [Ġesù] daqskemm kieku nixtiequ li nkunu nafu,” hu madankollu josserva: “L-erbaʼ Vanġeli . . . jaqblu f’li jagħtuna stampa taʼ personalità definita ferm; huma jġorru konvinzjoni taʼ realtà. Li tassumi li hu qatt ma għex, li r-rakkonti dwar il-ħajja tiegħu huma invenzjonijiet, huwa iktar diffiċli u joħloq ferm iktar problemi għall-kittieb tal-istorja milli li wieħed jaċċetta l-elementi essenzjali tal-istejjer tal-Vanġelu bħala fatt.”
6 Il-kittieb rispettat tal-istorja Will Durant argumenta bl-istess mod, billi spjega: “Li ftit nies sempliċi [li sejħu lilhom infushom Kristjani] f’ġenerazzjoni waħda vvintaw personalità daqshekk qawwija u li tiġbdek, etika daqshekk għolja u viżjoni daqshekk imnebbħa taʼ fratellanza umana, kien ikun miraklu ferm iktar inkredibbli minn kwalunkwe wieħed miktub fil-Vanġeli.”
7, 8. Ġesù kemm effettwaha bi kbir l-istorja umana?
7 B’hekk, int tistaʼ tirraġuna maʼ wieħed xettiku bħal dan: Setaʼ karattru tal-ħrejjef—bniedem li qatt ma għex tassew—jeffettwa lill-istorja umana b’mod daqshekk tal-għaġeb? Il-ktieb taʼ referenza The Historians’ History of the World osserva: “Ir-riżultat storiku tal-attivitajiet taʼ [Ġesù] kien ferm iktar taʼ importanza, saħansitra minn aspett strettament sekulari, mill-għemejjel taʼ kwalunkwe karattru ieħor tal-istorja. Era ġdida, rikonoxxuta miċ-ċivilizzazzjonijiet ewlenin tad-dinja, bdiet tgħodd mit-twelid tiegħu.” Aħseb ftit dwar dan. Saħansitra xi kalendarji llum huma bbażati fuq is-sena li fiha Ġesù kien maħsub li twieled. “Dati qabel dik is-sena huma mniżżlin bħala Q.K., jew qabel Kristu,” tis-pjega The World Book Encyclopedia. “Dati wara dik is-sena huma mniżżlin bħala A.D., jew anno Domini (fis-sena tal-Mulej tagħna).
8 Bit-tagħlim dinamiku tiegħu u bil-mod taʼ kif għex ħajtu fi qbil miegħu, Ġesù effettwa b’mod qawwi l-ħajjiet taʼ kotriet bla għadd taʼ nies għal kważi elfejn sena. Bħalma esprimieha wieħed kittieb b’mod ċar: “L-armati kollha li qatt immarċjaw, u l-qawwiet navali kollha li qatt inbnew, u l-parlamenti kollha li qatt iltaqgħu, is-slaten kollha li qatt irrenjaw, kollha flimkien m’effettwawx il-ħajja tal-bniedem fuq din l-art b’daqstant qawwa.” Xorta waħda, il-kritiċi jgħidu: ‘Dak kollu li tassew nafu dwar Ġesù jinstab fil-Bibbja. Ebda kitbiet oħra taʼ dak iż-żmien li jikkonċernaw lilu ma jeżistu.’ Biss, huwa veru dan?
9, 10. (a) Kittieba sekulari bikrin tal-istorja x’qalu dwar Ġesù? (b) Fuq il-bażi tat-testimonjanza taʼ kittieba bikrin tal-istorja, x’tikkonkludi enciklopedija rispettata?
9 Għalkemm referenzi għal Ġesù Kristu minn kittieba sekulari u bikrija tal-istorja huma ftit li xejn, referenzi bħal dawn veru jeżistu. Cornelius Tacitus, kittieb tal-istorja Ruman irrispettat tal-ewwel seklu, kiteb li l-imperatur Ruman Neruni‘tefaʼ l-ħtija tal-ħruq taʼ Ruma fuq il-Kristjani,’ u mbagħad Tacitus spjega: “L-isem [Kristjan] ġej mil-lisem Kristu, li lilu l-prokuratur Ponzju Pilatu kien qatel fir-renju taʼ Tiberju.” Suetonius u Pliny l-Iżgħar, kittieba Rumani oħrajn taʼ dak iż-żmien, ukoll irreferew għal Kristu. Barra minn hekk, Flavius Josephus, kittieb tal-istorja Lhudi tal-ewwel seklu, kiteb fil-ktieb tiegħu Antiquities of the Jews dwar il-mewt tad-dixxiplu Kristjan Ġakbu. Ġakbu, qal Josephus biex jispjega, kien “ħu Ġesù, li kien imsejjaħ Kristu.”
10 The New Encyclopoedia Britannica b’hekk tikkonkludi: “Dawn ir-rakkonti indipendenti jagħtu prova li fi żminijiet antiki saħansitra dawk li kienu jopponu lill-Kristjanità qatt ma ddubitaw l-istoriċita taʼ Ġesù, li ġiet argumentata għall-ewwel darba u fuq raġunijiet mhux adegwati fit-tmiem tas-seklu 18, matul is-seklu 19, u fil-bidu tas-seklu 20.”
Min Tassew Kien Ġesù?
11. (a) Essenzjalment, liema hu l-uniku sors taʼ informazzjoni dwar Ġesù? (b) Liema mistoqsija kellhom is-segwaċi stess taʼ Ġesù dwar l-identità tiegħu?
11 Essenzjalment, iżda, dak kollu li hu magħruf dwar Ġesù kien miktub mis-segwaċi tiegħu tal-ewwel seklu. Ir-rapporti tagħhom ġew miżmumin fil-Vanġeli—kotba tal-Bibbja miktubin minn tnejn mill-appostli tiegħu, Mattew u Ġwanni, u minn tnejn li kienu d-dixxipli tiegħu, Mark u Luqa. Ir-rakkonti taʼ dawn l-irġiel x’jirrivelaw rigward l-identità taʼ Ġesù? Min verament kien hu? L-imseħbin taʼ Ġesù tal-ewwel seklu mmeditaw fuq dik il-mistoqsija. Meta raw lil Ġesù jikkalma b’ċanfira lill-baħar imqalleb ħafna minħabba r-riħ, huma stagħġbu mbellhin: “Dan min tassew hu?” Iktar tard, f’okkażjoni oħra, Ġesù staqsa lill-appostli tiegħu: “Min tgħidu li jien?”−Mark 4:41; Mattew 16:15.
12. Kif nafu li Ġesù mhux Alla?
12 Kieku xi ħadd kellu jistaqsik dik il-mistoqsija, kif kont twieġeb? Min tassew kien Ġesù? M’għandniex xi ngħidu, ħafna fil-Kristjaneżmu kieku jgħidu li kien Alla li Jistaʼ Kollox f’forma umana, Alla magħmul bniedem. Iżda, l-imseħbin persunali taʼ Ġesù qatt ma emmnu li hu kien Alla. L-appostlu Pietru sejjaħlu “l-Kristu, l-Iben t’Alla l-ħaj.” (Mattew 16:16) U tfittex kemm tfittex, qatt ma se taqra li Ġesù sostna li kien Alla. Minflok, hu qal lil-Lhud li hu kien “l-Iben t’Alla,” mhux Alla.—Ġwann 10:36.
13. Ġesù kif kien differenti mill-bnedmin l-oħrajn kollha?
13 Meta Ġesù mexa fuq baħar imqalleb, id-dixxipli ġew impressjonati mill-fatt li hu ma kienx bniedem bħal kwalunkwe bniedem ieħor. (Ġwann 6:18-21) Kien persuna speċjali ferm. Dan għaliex hu kien għex qabel bħala persuna spirtu maʼ Alla fis-sema, iva, bħala anġlu, identifikat fil-Bibbja bħala l-arkanġlu. (1 Tessalonkin 4:16; Ġuda 9) Alla kien ħalaq lilu qabel ma Hu kien ħalaq l-affarijiet l-oħra kollha. (Kolossin 1:15) B’hekk, għal epoki bla għadd taʼ żmien, qabel ma saħansitra l-univers fiżiku kien maħluq, Ġesù gawda sħubija intima fis-sema maʼ Missieru, Alla Jehovah, il-Ħallieq Grandjuż.—Proverbji 8:22, 27-31; Ekkleżjasti 12:1.
14. Ġesù kif sar bniedem?
14 Imbagħad, madwar elfejn sena ilu, Alla ttrasferixxa l-ħajja taʼ Ibnu fil-ġuf taʼ mara. B’hekk hu ġie li jkun iben uman t’Alla, imwieled bil-manjiera normali permezz taʼ mara. (Galatin 4:4) Waqt li Ġesù kien qed jiżżviluppa fil-ġuf taʼ ommu, Marija, u iktar tard meta kien qed jikber bħala tifel, hu kien jiddependi minn dawk li lilhom Alla kien għażel biex ikunu l-ġenituri tiegħu fuq l-art. Eventwalment Ġesù sar raġel, u mid-dehra mbagħad ġie mogħti lilu li jiftakar is-sħubija li hu kellu qabel maʼ Alla fis-sema. Dan ġara meta‘s-smewwiet infetħu għalih’ mal-magħmudija tiegħu.—Mattew 3:16; Ġwann 8:23; 17:5.
15. Kif nafu li Ġesù kien kollu kemm hu bniedem meta għex fuq l-art?
15 Verament, Ġesù kien persuna unika. Hu kien, madankollu, bniedem, l-ugwali taʼ Adam, il-bniedem li lilu Alla ħalaq fil-bidu u poġġa fil-ġnien taʼ Għeden. L-appostlu Pawlu spjega: “‘L-ewwel bniedem Adam sar ruħ ħajja.’ L-aħħar Adam sar spirtu li jagħti l-ħajja.” Ġesù huwa msejjaħ “l-aħħar Adam” għaliex, bħal Adam oriġinali, Ġesù kien bniedem perfett. Imma wara li Ġesù miet, hu ġie rxoxtat, u reġaʼ ssieħeb maʼ Missieru fis-sema bħala persuna spirtu.—1 Korintin 15:45.
Kif l-Aħjar li Titgħallem Dwar Alla
16. (a) X’kien li għamel is-sħubija maʼ Ġesù daqstant privileġġ? (b) Għala setaʼ jingħad illi li tara lil Ġesù kien l-istess bħal li tara ’l Alla?
16 Aħseb għal mument dwar il-privileġġ meraviljuż li xi wħud gawdew bħala mseħbin persunali taʼ Ġesù meta kien fuq l-art! Immaġina li qed tismaʼ u tara lil, u saħansitra titkellem u taħdem maʼ dak il-Wieħed li kien qattaʼ forsi biljuni taʼ snin bħala msieħeb intimu taʼ Alla Jehovah fis-sema! Bħala iben leali, Ġesù kkopja lil Missieru tas-sema f’kulma għamel. Fil-fatt, Ġesù imita lil Missieru b’mod tant perfett li setaʼ jgħid lill-appostli tiegħu ftit qabel ma qatluh: “Dak li ra lili ra lill-Missier ukoll.” (Ġwann 14:9, 10) Iva, f’kull sitwazzjoni li ltaqaʼ magħha hawn fuq l-art, Ġesù għamel sewwa sew bħalma Missieru, Alla li Jistaʼ Kollox, kieku kien jagħmel kieku Hu kien hawn. B’hekk, meta nistudjaw il-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù Kristu, inkunu, effettivament, qed nitgħallmu sewwa sew liema xorta taʼ persuna Alla hu.
17. Liema għan mill-aħjar ġie moqdi mis-serje fil-Watchtower dwar “Il-Ħajja u l-Ministeru taʼ Ġesù”?
17 Għalhekk, is-serje “Il-Ħajja u l-Ministeru taʼ Ġesù,” li dehret f’harġiet suċċessivi taʼ The Watchtower minn April tal-1985 sa Ġunju tal-1991, mhux biss ipprovdiet stampa mill-aħjar tal-bniedem Ġesù imma wkoll għallmet ħafna affarijiet dwar Missieru tas-sema, Alla Jehovah. Wara l-ewwel żewġ partijiet tagħha, ministru pijunier kiteb lill-Watch Tower Society b’apprezzament, billi qal: “X’mod aħjar biex nersqu iktar qrib lejn il-Missier milli li nsiru nafu lill-Iben aħjar!” Kemm hu veru dak! Il-ħarsien teneru tal-Missier u l-qalb kbira tiegħu lejn in-nies jidhru iktar kbar fil-ħajja tal-Iben.
18. Min hu l-Awtur tal-messaġġ tas-Saltna, u Ġesù kif għaraf dan?
18 L-imħabba taʼ Ġesù lejn Missieru, kif murija permezz tas-sottomissjoni sħiħa tiegħu lejn ir-rieda taʼ Missieru, hi tabilħaqq sabiħa biex nosservawha. “Ma nagħmel xejn minn jeddi,” Ġesù qal lil-Lhud li kienu qed ifittxu biex joqtluh, “imma sewwa sew bħalma l-Missier għallem lili jien nitkellem dawn l-affarijiet.” (Ġwann 8:28) Mela, allura, Ġesù ma kienx l-awtur tal-messaġġ tas-Saltna li hu ppriedka. Alla Jehovah kien! U Ġesù kemm-il darba ta l-kredtu lil Missieru. “Jien ma tkellimtx minn jeddi,” hu qal “imma l-Missier innifsu li bagħatni tani kmandament dwar x’irrid ngħid u x’irrid nitkellem.... Għalhekk l-affarijiet li ngħid jien, sewwa sew bħalma l-Missier qalhomli, hekk ingħidhom.”−Ġwann 12:49, 50.
19. (a) Kif nafu li Ġesù għallem bl-istess mod li jgħallem Jehovah? (b) Ġesù għala kien l-aqwa bniedem li qatt għex?
19 Iżda, Ġesù mhux biss tkellem jew għallem kull ħaġa li l-Missier qallu. Hu għamel ħafna iktar. Hu tkellimha jew għallimha bil-mod kif il-Missier kien jitkellimha jew igħallimha. Iktar minn hekk, fl-attivitajiet u fir-relazzjonijiet kollha tiegħu, hu ġab ruħu u aġixxa sewwa sew bħalma l-Missier kien iġib ruħu u jaġixxi taħt l-istess ċirkostanzi. “L-Iben ma jistaʼ jagħmel lanqas ħaġa waħda bl-inizzjattiva tiegħu stess,” spjega Ġesù, “imma dak biss li hu jilmaħ lill-Missier jagħmel. Għax huma x’inhuma l-affarijiet li jagħmel Dak, dawn l-affarijiet l-Iben ukoll jagħmel bl-istess manjiera.” (Ġwann 5:19) B’kull mod, Ġesù kien riflessjoni perfetta taʼ Missieru, Alla Jehovah. Mela mhux taʼ b’xejn li Ġesù kien l-aqwa bniedem li qatt għex! Ċertament, allura, huwa taʼ importanza vitali li nikkunsidraw mill-qrib lil dan il-bniedem l-iktar sinjifikanti!
L-Imħabba t’Alla Tidher f’Ġesù
20. L-appostlu Ġwanni kif setaʼ jkun jaf li “Alla hu mħabba”?
20 X’nitgħallmu b’mod speċjali billi nagħmlu studju profond u bir-reqqa dwar il-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù? Sewwa, l-appostlu Ġwanni rrikonoxxa li “ebda bniedem ma ra lil Alla.” (Ġwann 1:18) Madankollu, Ġwanni kiteb b’fiduċja assoluta fl-1 Ġwann 4:8:“Alla hu mħabba.” Ġwanni setaʼ jgħid dan għaliex hu kien jafha l-imħabba t’Alla permezz taʼ dak li hu kien ra f’Ġesù.
21. Liema ħaġa dwar Ġesù għamlitu l-aqwa bniedem li qatt għex?
21 Bħall-Missier, Ġesù kien jagħder, qalbu tajba, umli, u kien iħalli lil min jersaq lejh. Id-dgħajfin u l-imgħaffġin kienu jħossuhom komdi miegħu, bħalma kienu jagħmlu nies taʼ kull xorta—irġiel, nisa, tfal, il-għonja, il-foqra, is-setgħana, u l-midinbin ukoll. Tabilħaqq, kien b’mod speċjali l-eżempju li jisboq tal-imħabba taʼ Ġesù, b’imitażzjoni taʼ Missieru, li għamlu l-aqwa bniedem li qatt għex. Saħansitra Napuljun Bonaparte huwa rrapportat li qal: “Alessandru, Ċesri, Karlumanju, u jien innifsi sejjisna imperi, imma fuqhiex serraħna l-kreazzjonijiet tal-ġenju tagħna? Fuq il-forza. Ġesù Kristu waħdu sejjes is-saltna tiegħu fuq l-imħabba, u f’dan iż-żmien miljuni taʼ bnedmin huma lesti li jmutu għalih.”
22. X’kien revoluzzjonarju dwar it-tagħlim taʼ Ġesù?
22 It-tagħlim taʼ Ġesù kien revoluzzjonarju. “Tirreżisthux lil dak li hu mill-agħar,” ħeġġeġ Ġesù, “imma kulmin jagħtik bil-ħarta fuq ħaddejk il-leminija, dawwarlu l-oħra wkoll.” “Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom.”‘Agħmlu lill-oħrajn dak li triduhom jagħmlu lilkom.’ (Mattew 5:39, 44; 7:12) Kemm kienet tkun differenti d-dinja kieku kulħadd japplika dan it-tagħlim sublimi!
23. X’għamel Ġesù biex imiss il-qlub u jqanqal lin-nies biex jagħmlu t-tajjeb?
23 Il-parabboli, jew tixbihat, taʼ Ġesù messew il-qlub, billi qanqlu lin-nies biex jagħmlu t-tajjeb u biex jevitaw il-ħażen. Int forsi tiftakar l-istorja tiegħu magħrufa sewwa taʼ Samaritan iddisprezzat li għen lil raġel imweġġaʼ taʼ razza oħra meta rġiel devoti tar-razza taʼ dak ir-raġel stess ma ridux igħinuh. Jew l-istorja dwar il-missier li jagħder u li jaħfer u l-iben prodigu tiegħu. U xi ngħidu dwar dik tas-sultan li ħafer lil irsir dejn taʼ 60 miljun dinier, u madankollu l-irsir dar lura u tefaʼ fil-ħabs lil irsir sieħbu li ma setax iħallas dejn taʼ 100 dinier biss? B’tixbihat sempliċi, Ġesù għamel il-għemejjel taʼ egoiżmu u regħba jidhru moqżieża u atti taʼ mħabba u ħniena jidhru tant sbieħ!—Mattew 18:23-35; Luqa 10:30-37; 15:11-32.
24. Għala nistgħu ngħidu li Ġesù kien bla ebda dubju l-aqwa bniedem li qatt għex?
24 Madankollu, dak li b’mod speċjali kien jiġbed lin-nies lejn Ġesù u influwenzahom biex jagħmlu t-tajjeb kien li l-ħajja tiegħu stess kienet taqbel b’mod perfett maʼ dak li għallem. Hu pprattika dak li ppriedka. Hu bil-paċenzja ssaporta n-nuqqasijiet taʼ oħrajn. Meta d-dixxipli tiegħu ħaqquha fuq min kien l-akbar, hu b’qalb tajba kkorreġiehom minflok ma ċanfarhom b’mod aħrax. Hu mministra b’mod umli għall-ħtiġijiet tagħhom, saħansitra billi ħaslilhom saqajhom. (Mark 9:30-37; 10:35-45; Luqa 22:24-27; Ġwann 13:5) Fl-aħħarnett, hu minn rajh sofra mewt taʼ wġigħ, mhux biss għan-nom tagħhom, imma għan-nom tal-umanità kollha! Bla ebda dubju, Ġesù kien l-aqwa bniedem li qatt għex.
Kif Twieġeb Int?
◻ Liema prova hemm li Ġesù kien persuna attwali fl-istorja?
◻ Kif nafu li Ġesù kien bniedem, u madankollu kif kien differenti mill-bnedmin l-oħrajn kollha?
◻ Li tistudja l-ħajja taʼ Ġesù għala hu l-aqwa mod taʼ kif titgħallem dwar Alla?
◻ X’nistgħu nitgħallmu dwar l-imħabba t’Alla billi nistudjaw dwar Ġesù?
[Stampa f’paġna 9]
L-appostli taʼ Ġesù tħassbu bi stagħġib: “Dan min tassew hu?”