LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 9/15 pp. 4-7
  • Min Hu Ġesù Kristu?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min Hu Ġesù Kristu?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Bidu Tiegħu Kien “mill-​Qedem”
  • Il-​Ħajja Tiegħu Bħala Bniedem
  • Ġesù Fejn Qiegħed Illum?
  • Min Hu Ġesù Kristu?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Ġesù Kristu—Mibgħut Minn Alla?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Min hu Ġesù Kristu?
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • Ġesù Kristu—Iċ-Ċavetta għall-Għarfien Dwar Alla
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 9/15 pp. 4-7

Min Hu Ġesù Kristu?

IMMAĠINA x’eċċitament kellu wieħed żagħżugħ Lhudi li kien jismu Indrì l-​ewwel darba li semaʼ l-​kliem taʼ Ġesù taʼ Nazaret! Il-​Bibbja tgħid li Indrì mar jiġri għand ħuh u qal: “Sibna ’l-Messija [jew, Kristu].” (Ġwanni 1:41) Kemm bil-​lingwa Ebrajka u kemm bil-​Grieg, il-​kliem li jiġi tradott bħala “Messija” u “Kristu” jfisser “Midluk.” Ġesù kien il-​Midluk, jew il-​Magħżul t’Alla—il-​Mexxej imwiegħed. (Isaija 55:4) Fl-​Iskrittura kien hemm profeziji dwaru, u l-​Lhud taʼ dak iż-​żmien kienu qed jistennewh.—Luqa 3:15.

Kif nafu li Ġesù kien verament il-​Magħżul t’Alla? Ikkunsidra x’ġara fis-​sena 29 E.K. meta Ġesù kellu 30 sena. Hu mar għand Ġwanni l-​Għammied sabiex jitgħammed minnu fl-​ilma tax-​Xmara Ġordan. Il-​Bibbja tgħid: “Wara li tgħammed, Ġesù minnufih telaʼ mill-​ilma; u, ara, is-​smewwiet infetħu, u ra l-​ispirtu t’Alla nieżel bħal ħamiema u ġej fuqu. U ara! Instemaʼ wkoll leħen mis-​smewwiet jgħid: ‘Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.’” (Mattew 3:​16, 17) Wara li semaʼ dan il-​kliem t’approvazzjoni, setaʼ Ġwanni jkollu xi dubju jekk Ġesù kienx il-​Magħżul t’Alla jew le? Billi sawwab l-​ispirtu qaddis Tiegħu fuq Ġesù, Alla Ġeħova dilku, jew ħatru, bħala s-​Sultan tas-​Saltna Tiegħu li ġejja. Għalhekk, Ġesù sar Ġesù Kristu, jew Ġesù l-​Midluk. Madankollu Ġesù għala jissejjaħ l-​Iben t’Alla? Minfejn ġie?

Il-​Bidu Tiegħu Kien “mill-​Qedem”

Il-​ħajja taʼ Ġesù tistaʼ tinqasam fi tliet fażijiet. L-​ewwel waħda bdiet ħafna qabel ma twieled bħala bniedem. Mikea 5:1 (5:​2, NW) jgħid li l-​bidu tiegħu kien “mill-​qedem, sa minn dejjem taʼ dejjem.” Ġesù nnifsu qal: “Jien mill-​oqsma taʼ fuq”—jiġifieri, mis-​sema. (Ġwanni 8:23) Hu kien fis-​sema bħala spirtu setgħan.

Ladarba dak kollu li nħoloq kellu bidu, kien hemm żmien meta Alla kien waħdu. Madankollu, żmien twil ilu Alla beda joħloq. Lil min ħalaq l-​ewwel? L-​aħħar ktieb tal-​Bibbja jgħid li Ġesù kien “il-​bidu tal-​ħolqien li għamel Alla.” (Rivelazzjoni 3:14) Ġesù huwa “l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu.” Dan hu hekk “għax permezz tiegħu nħolqu l-​affarijiet l-​oħrajn kollha fis-​smewwiet u fuq l-​art, dawk viżibbli u dawk inviżibbli.” (Kolossin 1:​15, 16) Iva, Ġesù kien l-​uniku wieħed li ġie maħluq direttament minn Alla nnifsu. Għalhekk, hu jissejjaħ “l-​Iben uniġenitu” t’Alla. (Ġwanni 3:16) Dan l-​Iben li hu l-​ewwel imwieled għandu t-​titlu taʼ “l-​Kelma.” (Ġwanni 1:14) Għala? Għax qabel ma twieled bħala bniedem, hu kien jaqdi fis-​sema bħala l-​kelliemi t’Alla.

“Il-​Kelma” kien maʼ Alla Ġeħova “fil-​bidu,” meta kienu qed jinħolqu “s-​sema u l-​art.” Hu kien il-​wieħed li lilu Alla qal: “Ħa nagħmlu l-​bniedem fuq is-​sura u x-​xbieha tagħna.” (Ġwanni 1:1; Ġenesi 1:​1, 26) L-​ewwel Iben taʼ Ġeħova kien hemm maġenb Missieru, billi kien bieżel jaħdem miegħu. Fi Proverbji 8:​22-31 (NW) hu deskritt bħala li qed jgħid: “Kont [ħdejn il-​Ħallieq] bħala ħaddiem tas-​sengħa, u kont dak li bih kien jitgħaxxaq b’mod speċjali jum wara ieħor, hieni quddiemu l-​ħin kollu.”

Min jaf kemm kienu jafu lil xulxin mill-​qrib Alla Ġeħova u l-​Iben uniġenitu tiegħu hekk kif ħadmu flimkien! Din is-​sħubija fil-​qrib maʼ Ġeħova għal annati taʼ snin żgur li effettwat lill-​Iben t’Alla bil-​kbir. Dan l-​Iben ubbidjenti sar eżatt bħal Missieru, Ġeħova. Fil-​fatt, Kolossin 1:15 isejjaħ lil Ġesù “x-​xbieha t’Alla li ma jidhirx.” Din hija waħda mir-​raġunijiet għala huwa vitali li nitgħallmu dwar Ġesù sabiex inkunu nistgħu nissodisfaw il-​bżonn spiritwali tagħna u x-​xewqa naturali li għandna biex insiru nafu lil Alla. Dak kollu li Ġesù għamel waqt li kien fuq l-​art kien eżattament dak li Ġeħova stenna minnu li jagħmel. Għalhekk, meta nsiru nafu lil Ġesù nkunu qed inżidu l-​għarfien tagħna dwar Ġeħova. (Ġwanni 8:28; 14:​8-10) Imma Ġesù kif ġie fuq l-​art?

Il-​Ħajja Tiegħu Bħala Bniedem

It-​tieni fażi tal-​ħajja taʼ Ġesù bdiet meta Alla bagħat lil Ibnu fuq l-​art. Ġeħova għamel dan billi mirakolożament ittrasferixxa l-​ħajja taʼ Ġesù mis-​sema għal ġol-​ġuf taʼ verġni leali Lhudija li kien jisimha Marija. Ġesù ma wiret l-​ebda imperfezzjoni għax hu ma kellux missier uman. L-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova, jew il-​forza attiva tiegħu, niżel fuq Marija, u l-​qawwa tiegħu ‘għattietha,’ u tqalet b’mod mirakoluż. (Luqa 1:​34, 35) Għalhekk, Marija wildet iben perfett. Peress li kien l-​iben adottiv taʼ mastrudaxxa li kien jismu Ġużeppi, hu trabba f’dar li ma kinitx sinjura u wara li twieled Ġesù, Marija u Ġużeppi kellhom iktar tfal.—Isaija 7:14; Mattew 1:​22, 23; Marku 6:3.

Dwar it-​tfulija taʼ Ġesù ftit li xejn nafu, imma ġrajja minnhom hi taʼ min jinnotaha. Meta Ġesù kellu 12-il sena, il-​ġenituri tiegħu ħaduh għaż-​żjara li kienu jagħmlu kull sena lejn Ġerusalemm għall-​Qbiż. Sakemm kienu qegħdin hemm, hu qattaʼ ftit ħin mhux ħażin fit-​tempju, “bil-​qiegħda f’nofs l-​għalliema, jismagħhom u jistaqsihom.” Iktar minn hekk, “dawk kollha li kienu qed jisimgħuh baqgħu mistagħġbin b’kemm kien jifhem u bit-​tweġibiet tiegħu.” Iva, iż-​żagħżugħ Ġesù mhux biss setaʼ jistaqsi mistoqsijiet li jqanqlu l-​ħsieb u li kienu fuq affarijiet spiritwali imma wkoll setaʼ jagħti tweġibiet intelliġenti li ħallew lil oħrajn b’ħalqhom miftuħ. (Luqa 2:​41-50) Hekk kif trabba fil-​belt taʼ Nazaret, hu tgħallem is-​sengħa taʼ mastrudaxxa, m’għandniex xi ngħidu mingħand Ġużeppi, missieru adottiv.—Mattew 13:55.

Ġesù għex f’Nazaret sakemm kellu 30 sena. Imbagħad mar għand Ġwanni biex jitgħammed. Wara l-​magħmudija, Ġesù beda l-​ministeru mimli ħeġġa tiegħu. Għal tliet snin u nofs hu vvjaġġa tul art twelidu jħabbar l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Hu ta evidenza li hu kien intbagħat minn Alla. Kif? Billi wettaq ħafna mirakli—għemejjel setgħana li l-​ebda bniedem ma setaʼ jagħmel.—Mattew 4:17; Luqa 19:​37, 38.

Ġesù kien bniedem li kien juri tenerezza kbira u sentimenti profondi. It-​tenerezza tiegħu kienet tidher b’mod speċjali fil-​mod kif hu kien iqis u jittratta lin-​nies. Minħabba li Ġesù kien bniedem faċli biex tavviċinah u qalbu tajba, in-​nies kienu jinġibdu lejh. Anki t-​tfal ħassewhom komdi fil-​preżenza tiegħu. (Marku 10:​13-16) Ġesù ttratta lin-​nisa b’rispett, avolja fi żmienu xi wħud kienu jqisuhom bħala li kienu inferjuri. (Ġwanni 4:​9, 27) Hu għen lill-​foqra u lil dawk li kienu magħkusin biex ‘isibu serħan għal ruħhom.’ (Mattew 11:​28-30) Il-​mod kif kien jgħallem kien ċar, sempliċi, u prattiku. U dak li għallem irrifletta x-​xewqa sinċiera tiegħu li jgħarraf lis-​semmiegħa tiegħu dwar Alla l-​veru, Ġeħova.—Ġwanni 17:​6-8.

Ġesù uża l-​ispirtu qaddis t’Alla biex jagħmel il-​mirakli, u hu fejjaq lill-​morda u lill-​imnikktin b’mogħdrija. (Mattew 15:​30, 31) Per eżempju, wieħed lebbruż ġie għandu u qallu: “Jekk trid, tistaʼ tnaddafni.” Ġesù x’għamel? Ħareġ idu u messu, u qal: “Irrid. Indaf.” U dan ir-​raġel marid fieq!—Mattew 8:​2-4.

Ikkunsidra wkoll l-​okkażjoni meta folla nies ġiet għand Ġesù u qagħdet miegħu tlett ijiem mingħajr ma kielet. Hu tħassarhom lin-​nies u b’mod mirakoluż hu temaʼ “erbat elef raġel, barra n-​nisa u t-​tfal żgħar.” (Mattew 15:​32-38) F’okkażjoni oħra, Ġesù kkalma maltempata li poġġiet il-​ħajja tal-​ħbieb tiegħu fil-​periklu. (Marku 4:​37-39) Hu rxoxta, jew ġab lura għall-​ħajja, lil dawk li kienu mietu.a (Luqa 7:22; Ġwanni 11:​43, 44) Minn jeddu, Ġesù saħansitra ta l-​ħajja perfetta tiegħu bħala bniedem sabiex l-​umanità imperfetta jkun jistaʼ jkollha tama għall-​futur. Xi mħabba profonda kellu Ġesù għan-​nies!

Ġesù Fejn Qiegħed Illum?

Ġesù miet fuq zokk tat-​tortura meta kellu 33 sena u nofs.b Imma l-​mewt ma kinitx it-​tmiem tal-​ħajja tiegħu. It-​tielet fażi taʼ ħajtu bdiet madwar tlett ijiem wara l-​mewt tiegħu meta Alla Ġeħova rxoxta lil Ibnu bħala spirtu. Wara li ġie rxoxtat, Ġesù deher lil mijiet taʼ nies li kienu jgħixu fl-​ewwel seklu E.K. (1 Korintin 15:​3-8) Minn dakinhar ’il quddiem, hu “qagħad bil-​qiegħda fuq il-​leminija t’Alla” u stenna sakemm irċieva l-​qawwa bħala Sultan. (Ebrej 10:​12, 13) Meta wasal dan iż-​żmien, Ġesù beda jaħkem bħala Sultan. Allura kif għandna nimmaġinawh lil Ġesù llum? Għandna nqisuh bħala bniedem li bata u li ngħata l-​mewt? Jew għandna nqisuh bħala xi ħadd li għandu jiġi meqjum? Illum il-​ġurnata, Ġesù la huwa bniedem u lanqas hu Alla li Jistaʼ Kollox. Minflok, hu spirtu setgħan, Sultan renjanti. Dalwaqt, hu se juri l-​ħakma li għandu fuq l-​art tagħna mimlija inkwiet.

Filwaqt li juża lingwaġġ simboliku, Rivelazzjoni 19:​11-​16 jiddeskrivi lil Ġesù Kristu bħala li hu sultan bil-​qiegħda fuq żiemel abjad ġej biex jagħmel ġudizzju u jiggwerra bil-​ġustizzja. Hu għandu “sejf twil li jaqtaʼ, biex bih jidrob lill-​ġnus.” Iva, Ġesù se juża l-​qawwa kbira tiegħu biex jeqred lill-​ħżiena. U xi ngħidu għal dawk li jissieltu biex isegwu l-​eżempju li ħalla waqt li kien fuq l-​art? (1 Pietru 2:21) Hu u Missieru se jħalluhom ħajjin fil-​“gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox” li ġejja dalwaqt—li spiss tissejjaħ Armageddon—sabiex ikunu jistgħu jgħixu għal dejjem bħala s-​sudditi fuq l-​art tas-​Saltna tas-​sema t’Alla.—Rivelazzjoni 7:​9, 14; 16:​14, 16; 21:​3, 4.

Matul il-​ħakma tiegħu taʼ paċi, min jaf x’mirakli se jagħmel Ġesù għall-​umanità kollha! (Isaija 9:​5, 6 [9:​6, 7, NW]; 11:​1-10) Hu se jfejjaq lill-​morda u se jtemm il-​mewt. Alla se juża lil Ġesù biex jirxoxta lil biljuni taʼ nies, u jagħtihom l-​opportunità biex jgħixu għal dejjem fuq l-​art. (Ġwanni 5:​28, 29) Lanqas biss nistgħu nimmaġinaw kemm se tkun sabiħa ħajjitna taħt il-​ħakma tas-​Saltna. Għalhekk, huwa importanti li nkomplu nieħdu għarfien mill-​Bibbja u nsiru nafu iktar lil Ġesù Kristu.

[Noti taʼ taħt]

a Il-mirakli li Ġesù wettaq kien jaf bihom kulħadd. Anki l-​għedewwa tiegħu rrikonoxxew li hu ‘wettaq ħafna sinjali.’—Ġwanni 11:​47, 48.

b Għal spjegazzjoni dwar jekk Kristu mietx fuq zokk tat-​tortura jew salib, jekk jogħġbok ara l-​ktieb Reasoning From the Scriptures f’paġna 89-90 jew It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 t’Awissu, 1989, paġni 11-14.

[KAXXA F’PAĠNA 7]

HUWA ĠESÙ ALLA LI JISTAʼ KOLLOX?

Ħafna nies reliġjużi jgħidu li Ġesù huwa Alla. Xi wħud jgħidu li Alla huwa Trinità. Skond dan it-​tagħlim, “il-​Missier hu Alla, l-​Iben hu Alla, u l-​Ispirtu Qaddis hu Alla, u madankollu m’hemmx tliet Allat imma Alla wieħed.” Jingħad li t-​tlieta “huma ko-eterni u ko-ugwali.” (The Catholic Encyclopedia) Huma dawn l-​opinjonijiet korretti?

Alla Ġeħova huwa l-​Ħallieq. (Rivelazzjoni 4:11) Hu la għandu bidu u lanqas tmiem, u jistaʼ kollox. (Salm 90:2) Min-​naħa l-​oħra, Ġesù kellu bidu. (Kolossin 1:​15, 16) Meta rrefera għal Missieru, Ġesù qal: “Il-​Missier akbar minni.” (Ġwanni 14:28) Ġesù wkoll spjega li kien hemm xi affarijiet li la hu u lanqas l-​anġli ma kienu jafuhom imma li Missieru biss jafhom.—Marku 13:32.

Iktar minn hekk, Ġesù talab lil Missieru: “Ħa sseħħ ir-​rieda tiegħek u mhux tiegħi.” (Luqa 22:42) Ġesù lil min kien qed jitlob jekk mhux lil xi Individwu superjuri għalih? Barra minn hekk, kien Alla li rxoxta lil Ġesù mill-​mewt, u mhux Ġesù nnifsu. (Atti 2:32) Ovvjament, il-​Missier u l-​Iben ma kinux ugwali qabel ma Ġesù ġie fuq l-​art jew matul il-​ħajja tiegħu fuq l-​art. Xi ngħidu wara li Ġesù ġie rxoxtat u telaʼ fis-​sema? L-​Ewwel Korintin 11:3 jgħid: “Il-​kap tal-​Kristu hu Alla.” Fil-​fatt, l-​Iben dejjem se jkun sottomess lejn Alla. (1 Korintin 15:28) Għalhekk, l-​Iskrittura turi li Ġesù m’huwiex Alla li Jistaʼ Kollox. Minflok, hu l-​Iben t’Alla.

L-​hekk imsejjaħ tielet persuna tat-​Trinità—l-​ispirtu qaddis—m’huwiex persuna. Meta kien qed jitkellem m’Alla fit-​talb, is-​salmista qal: “Malli tibgħat in-​nifs tiegħek [“l-​ispirtu tiegħek,” NW], jinħolqu.” (Salm 104:30) Dan l-​ispirtu m’huwiex Alla nnifsu; huwa l-​forza attiva li jibgħat jew juża sabiex iwettaq dak kollu li jixtieq. Permezz tiegħu, Alla ħalaq is-​smewwiet fiżiċi, l-​art, u kull ħaġa ħajja. (Ġenesi 1:2; Salm 33:6) Alla uża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jispira lil dawk l-​irġiel li kitbu l-​Bibbja. (2 Pietru 1:​20, 21) Mela, it-​Trinità m’hijiex tagħlim li ġej mill-​Iskrittura.c Il-​Bibbja tgħid: “Alla tagħna l-​Mulej, il-​Mulej waħdu.”—Dewteronomju 6:4.

[Nota taʼ taħt]

c Għal iktar informazzjoni, ara l-​browxer Għandek Int Temmen fit-​Trinità? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 5]

Fil-​magħmudija tiegħu, Ġesù sar il-​Midluk t’Alla

[Stampa f’paġna 7]

Ġesù uża l-​enerġija tiegħu biex jagħmel ix-​xogħol li kien tah Alla

[Stampa f’paġna 7]

Illum, Ġesù huwa Sultan setgħan

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja