LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 2/15 pp. 26-29
  • Ċirillu Lukaris Raġel li Kellu Apprezzament Kbir għall-Bibbja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ċirillu Lukaris Raġel li Kellu Apprezzament Kbir għall-Bibbja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Diżgustat Minħabba Nuqqas t’Edukazzjoni
  • It-​Tron Patrijarkali għall-​Bejgħ
  • Traduzzjoni taʼ l-​Iskrittura Kristjana
  • Stqarrija tal-​Fidi
  • Lezzjonijiet Għalina
  • It-Taqbida għal Bibbja bil-Grieg Modern
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Missirijiet il-Knisja—Difensuri tal-Verità Biblika?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Għandhom l-Ikoni Jintużaw fil-Qima?
    Stenbaħ!—2005
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 2/15 pp. 26-29

Ċirillu Lukaris Raġel li Kellu Apprezzament Kbir għall-​Bibbja

Kienet ġurnata sajfija fl-​1638. Xi sajjieda fil-​Baħar taʼ Marmara, li jinsab ħdejn Kostantinopli (Istanbul tal-​lum), il-​kapitali taʼ l-​imperu Ottoman, inħasdu meta raw kadavru jgħum f’wiċċ l-​ilma. Meta eżaminawh iktar mill-​qrib, ġisimhom qam xewk xewk hekk kif irrealizzaw li l-​ġisem mgħallaq kien dak tal-​patrijarka ekumeniku taʼ Kostantinopli, il-​kap tal-​Knisja Ortodossa. Dan kien it-​tmiem traġiku taʼ Ċirillu Lukaris, persunaġġ reliġjuż prominenti tas-​seklu 17.

LUKARIS laħaq miet qabel ma setaʼ jara l-​ħolma tiegħu—l-​ippubblikar taʼ traduzzjoni taʼ l-​Iskrittura Kristjana Griega bil-​Grieg mitkellem—issir realtà. Hu kellu ħolma oħra li wkoll qatt ma saret realtà—dik li jara l-​Knisja Ortodossa terġaʼ lura għas-​“sempliċità evanġelika.” Min kien dan ir-​raġel? Liema ostakli ffaċċja f’dawn il-​ħidmiet tiegħu?

Diżgustat Minħabba Nuqqas t’Edukazzjoni

Ċirillu Lukaris twieled fl-​1572, ġewwa Kandja (issa msejħa Iráklion), belt fi Kreta li dak iż-​żmien kienet okkupata minn Venezja. Hu kien raġel intelliġenti, u studja ġewwa Venezja u Padova fl-​Italja u mbagħad ivvjaġġa ħafna f’dan il-​pajjiż u f’pajjiżi oħrajn. Minħabba li kien imxabbaʼ mill-​konflitti bejn il-​gruppi fi ħdan il-​knisja u billi kien beda jinteressa ruħu fil-​movimenti tar-​riforma fl-​Ewropa, hu x’aktarx li żar il-​belt taʼ Ġinevra, li dak iż-​żmien kienet taħt l-​influwenza qawwija tal-​Kalviniżmu.

Waqt li kien fil-​Polonja, Lukaris ra li l-​Ortodossi t’hemmhekk, kemm il-​qassisin u kemm il-​lajċi, kienu jinsabu f’kundizzjoni spiritwali ħażina ħafna minħabba n-​nuqqas t’edukazzjoni tagħhom. Meta reġaʼ lura f’Lixandra u Kostantinopli, tgħidx kemm inkwieta meta sab li saħansitra l-​pulpti—minfejn kien isir il-​qari taʼ l-​Iskrittura—kienu tneħħew minn xi knejjes!

Fl-1602 Lukaris mar Lixandra, fejn laħaq minflok il-​qarib tiegħu, il-​Patrijarka Meletios. Wara dan, hu beda jikkorrispondi maʼ diversi teoloġi fl-​Ewropa li kienu favur ir-​riforma. F’waħda minn dawn l-​ittri, hu osserva li l-​Knisja Ortodossa kellha ħafna prattiċi żbaljati. F’ittri oħrajn, hu enfasizza l-​bżonn li l-​knisja tneħħi s-​superstizzjoni u minflokha tadotta s-​“sempliċità evanġelika,” kif ukoll il-​bżonn li tiddependi fuq l-​awtorità taʼ l-​Iskrittura waħedha.

Lukaris kien inkwetat ukoll minħabba li l-​awtorità spiritwali taʼ Missirijiet il-​Knisja kienet qed titqies bħala awtorità ugwali għall-​kliem taʼ Ġesù u l-​appostli. “Ma niflaħx nismaʼ iktar lin-​nies jgħidu li l-​kummenti tat-​tradizzjoni tal-​bniedem għandhom l-​istess importanza daqs l-​Iskrittura,” kiteb hu. (Mattew 5:16) Hu żied li, fl-​opinjoni tiegħu, il-​qima tax-​xbihat kienet diżastruża. It-​talb lill-​“qaddisin,” osserva hu, kien insult lill-​Medjatur, Ġesù.—1 Timotju 2:5.

It-​Tron Patrijarkali għall-​Bejgħ

Dawk l-​ideat, flimkien maʼ l-​antipatija li kellu għall-​Knisja Kattolika Rumana, ġabu fuq Lukaris il-​mibegħda u l-​persekuzzjoni mill-​Ġiżwiti u minn dawk fil-​Knisja Ortodossa li kienu favur unjoni mal-​Kattoliċi. Minkejja din l-​oppożizzjoni, fl-​1620 Lukaris ġie elett patrijarka taʼ Kostantinopli. Il-​patrijarkat tal-​Knisja Ortodossa f’dak iż-​żmien kien taħt id-​dominju taʼ l-​Imperu Ottoman. Il-​gvern Ottoman ma kienx jaħsibha darbtejn biex ineħħi patrijarka mill-​kariga tiegħu u jpoġġi wieħed ġdid biex jakkwista somma flus.

L-għedewwa taʼ Lukaris, l-​iżjed il-​Ġiżwiti u l-​Congregatio de Propaganda Fide (Kongregazzjoni għat-​Tixrid tal-​Fidi) papali, li kellha l-​poter kollu f’idejha u li kulħadd kien jibżaʼ minnha, baqgħu jaqilgħu l-​malafama u jikkomplottaw kontrih. “Biex jilħqu l-​għan tagħhom, il-​Ġiżwiti wżaw kull mezz—il-​qerq, il-​kalunnja, kliem melliesi u, fuq kollox, it-​tixħim, li bla dubju kien l-​iktar arma effettiva biex jintrebaħ il-​favur tal-​kbarat [Ottomani],” josserva x-​xogħol letterarju Kyrillos Loukaris. B’riżultat taʼ dan, fl-​1622 Lukaris ġie eżiljat lejn il-​gżira taʼ Rodi, u Gregorju t’Amasja xtara l-​kariga għal 20,000 munita tal-​fidda. Madankollu, Gregorju ma kienx kapaċi jħallas is-​somma mwegħda, u għalhekk il-​kariga xtraha Antimu t’Adrijanopli, li iktar tard irriżenja. Oħroġ il-​għaġeb, Lukaris reġaʼ ħa t-​tron patrijarkali.

Lukaris kien determinat li juża din l-​opportunità ġdida biex jeduka l-​kleru u l-​lajċi Ortodossi billi jippubblika traduzzjoni tal-​Bibbja u letteratura teoloġika. Biex iwettaq dan, hu rranġa biex tinġieb magna taʼ l-​istampar f’Kostantinopli taħt il-​protezzjoni taʼ l-​ambaxxatur Ingliż. Madankollu, meta waslet il-​magna taʼ l-​istampar f’Ġunju taʼ l-​1627, l-​għedewwa taʼ Lukaris akkużawh li kien qed jużaha għal skopijiet politiċi, u eventwalment qerduha. Lukaris issa kellu juża stamperiji f’Ġinevra.

Traduzzjoni taʼ l-​Iskrittura Kristjana

Ir-​rispett tremend li kellu Lukaris għall-​Bibbja u għall-​qawwa li din għandha biex teduka lin-​nies intensifika x-​xewqa tiegħu biex jagħmel il-​kliem tagħha jinftiehem iktar min-​nies komuni. Hu rrikonoxxa li l-​lingwa wżata fil-​manuskritti ispirati u oriġinali tal-​Bibbja bil-​Grieg ma kinitx għadha tinftiehem min-​nies komuni. Għalhekk, l-​ewwel ktieb li Lukaris ordna li jiġi stampat kien traduzzjoni taʼ l-​Iskrittura Kristjana Griega bil-​Grieg taʼ żmienu. Maximus Callipolites, patri mgħallem sew, beda jaħdem fuqha f’Marzu taʼ l-​1629. Għal ħafna mill-​Ortodossi kien skandlu li xi ħadd jittraduċi l-​Iskrittura, minkejja kemm it-​test setaʼ jkun diffiċli għall-​qarrejja biex jifhmuh. Biex jevita l-​inkwiet, Lukaris ħa ħsieb li t-​test oriġinali u t-​traduzzjoni moderna jiġu stampati f’kolonni ħdejn xulxin, u żied biss ftit noti. Peress li Callipolites miet ftit wara li lesta l-​manuskritt, Lukaris innifsu għamel il-​korrezzjonijiet meħtieġa. Din it-​traduzzjoni ġiet stampata ftit wara l-​mewt taʼ Lukaris fl-​1638.

Minkejja l-​prekawzjonijiet li kien ħa Lukaris, din it-​traduzzjoni qajmet għagħa kbira għaliex lil ħafna isqfijiet m’għoġbithomx. L-​imħabba li Lukaris kellu għall-​Kelma t’Alla dehret biċ-​ċar fl-​introduzzjoni taʼ din it-​traduzzjoni tal-​Bibbja. Hu kiteb li l-​Iskrittura, preżentata fil-​lingwa li jitkellmu n-​nies, hi “messaġġ ħelu, mogħti lilna mis-​sema.” Hu wissa lin-​nies “biex ikunu jafu u jsiru familjari mal-​kontenut kollu [tal-Bibbja]” u qal li m’hemm ebda mod ieħor kif wieħed jistaʼ jitgħallem dwar “l-​affarijiet li jirrigwardaw il-​fidi b’mod korrett . . . ħlief permezz taʼ l-​Evanġelju divin u sagru.”—Filippin 1:​9, 10.

Lukaris ikkundannahom bl-​aħrax lil dawk li kienu jipprojbixxu l-​istudju tal-​Bibbja, kif ukoll lil dawk li kienu jirrifjutaw it-​traduzzjoni tat-​test oriġinali: “Jekk nitkellmu jew naqraw mingħajr ma nifhmu, inkunu qisna qed inħallu l-​kliem tagħna jtir mar-​riħ.” (Qabbel l-​1 Korintin 14:​7-9.) Biex jikkonkludi l-​introduzzjoni tiegħu, hu kiteb: “Waqt li lkoll tkunu qed taqraw dan l-​Evanġelju divin u qaddis bil-​lingwa tagħkom stess, ibbenefikaw kemm tifilħu meta taqrawh, . . . u jalla Alla dejjem idawlilkom triqitkom lejn dak li hu tajjeb.”—Proverbji 4:18.

Stqarrija tal-​Fidi

Wara li kien beda dik it-​traduzzjoni tal-​Bibbja, Lukaris ħa pass kuraġġuż ieħor. Fl-​1629, f’Ġinevra, hu ppubblika Stqarrija tal-​Fidi. Din kienet stqarrija persunali taʼ twemmin li hu kien jittama li jiġi adottat mill-​Knisja Ortodossa. Skond il-​ktieb The Orthodox Church, din l-​Istqarrija “ġġib fix-​xejn it-​tifsira tad-​duttrina Ortodossa tas-​saċerdozju u l-​ordnijiet sagri, u tikkundanna l-​qima tax-​xbihat u t-​talb lill-​qaddisin bħala forom taʼ idolatrija.”

L-Istqarrija tikkonsisti fi 18-il artiklu. It-​tieni artiklu tagħha jiddikjara li l-​Iskrittura hija ispirata minn Alla u li l-​awtorità tagħha hija ogħla minn dik tal-​knisja. Dan jgħid: “Aħna nemmnu li l-​Iskrittura Mqaddsa hi mogħtija minn Alla . . . Aħna nemmnu li l-​awtorità taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa hija ogħla mill-​awtorità tal-​Knisja. Hemm differenza kbira bejn li tiġi mgħallem mill-​Ispirtu Qaddis għal li tiġi mgħallem minn bniedem.”—2 Timotju 3:16.

It-tmien u l-​għaxar artikli jsostnu li Ġesù Kristu huwa l-​uniku Medjatur, Qassis il-​Kbir, u Kap tal-​kongregazzjoni. Lukaris kiteb: “Aħna nemmnu li l-​Mulej tagħna Ġesù Kristu jinsab fuq in-​naħa tal-​lemin taʼ Missieru u minn hemmhekk hu jidħol għalina, billi hu waħdu jwettaq l-​irwol taʼ qassis il-​kbir u medjatur veru skond il-​liġi.”—Mattew 23:10.

It-tnax-il artiklu jiddikjara li l-​knisja tistaʼ titbiegħed mis-​sewwa, u titfixkel dak li hu falz maʼ dak li hu veru, imma d-​dawl taʼ l-​ispirtu qaddis jistaʼ jgħinha permezz tal-​ħidma taʼ ministri leali. F’artiklu 18, Lukaris isostni li l-​purgatorju m’hu xejn għajr immaġinazzjoni: “Huwa evidenti li l-​istorja tal-​Purgatorju ma tistax titħalla sejra.”

L-appendiċi taʼ l-​Istqarrija fih għadd taʼ mistoqsijiet u tweġibiet. Hawn Lukaris l-​ewwel jenfasizza li l-​Iskrittura għandha tinqara mill-​fidili kollha u li jkun taʼ ħsara għal Kristjan jekk jonqos li jaqra l-​Kelma t’Alla. Hu mbagħad iżid li l-​kotba taʼ l-​Apokrifa għandhom jitwarrbu.—Apokalissi 22:​18, 19.

Ir-rabaʼ mistoqsija tistaqsi: “X’għandha tkun il-​ħarsa tagħna lejn ix-​Xbihat?” Lukaris iwieġeb: “Aħna mgħallmin mill-​Iskrittura Divina u Mqaddsa, li tgħid ċar u tond, ‘M’għandekx tagħmel idoli għalik innifsek, u lanqas xbieha taʼ xi ħaġa li hemm fl-​għoli tas-​sema, jew li qegħda isfel fl-​art; m’għandekx tadurahom, u lanqas tqimhom; [Eżodu 20:​4, 5]’ għaliex aħna għandna nqimu, mhux lill-​ħlejqa, imma biss lill-​Ħallieq, Dak li għamel is-​sema u l-​art, u Lilu biss naduraw. . . . Il-​qima u s-​servizz taʼ [xbihat], billi huma projbiti . . . fl-​Iskrittura Mqaddsa, aħna niċħduhom, sabiex b’hekk ma ninsewx, u minflok ma naduraw lill-​Ħallieq, Dak li għamel kollox, naduraw il-​kuluri, u l-​arti, u l-​ħlejjaq.”—Atti 17:29.

Għalkemm Lukaris ma kienx kapaċi jagħraf għalkollox il-​verità dwar il-​kwistjonijiet kollha li kienu żbaljati f’dik l-​era taʼ dlam spiritwali li kien jgħix fiha,a hu stinka b’mod taʼ min ifaħħru sabiex il-​Bibbja tkun l-​awtorità għad-​duttrina tal-​knisja u biex jeduka lin-​nies dwar it-​tagħlim tagħha.

Eżatt wara li ġiet pubblikata din l-​Istqarrija, feġġet mewġa oħra taʼ oppożizzjoni għal Lukaris. Fl-​1633, Ċirillu Contari, l-​isqof metropolitan taʼ Berija (issa msejħa Aleppo), għadu persunali taʼ Lukaris u appoġġat mill-​Ġiżwiti, ipprova jiftiehem maʼ l-​Ottomani biex jixtri t-​tron patrijarkali. Madankollu, il-​komplott tiegħu falla meta Contari ma kienx kapaċi jħallas il-​flus. Lukaris żamm il-​kariga tiegħu. Is-​sena taʼ wara, Atanasju taʼ Tessalonika ħallas 60,000 munita tal-​fidda għal din il-​kariga. Lukaris reġaʼ tneħħa mill-​kariga tiegħu. Imma f’temp taʼ xahar ġie ordnat imur lura, u reġaʼ ngħata l-​kariga li kellu. Sadanittant, Ċirillu Contari kien ġemmaʼ l-​50,000 munita tal-​fidda li kellu jħallas. Din id-​darba Lukaris ġie eżiljat lejn Rodi. Wara sitt xhur, sħabu rnexxielhom jirrestawrawh għall-​kariga li kellu.

Madankollu, fl-​1638 il-​Ġiżwiti u l-​Ortodossi li kienu jikkollaboraw magħhom akkużaw lil Lukaris bi tradiment kontra l-​Imperu Ottoman. Din id-​darba s-​sultan ordna li jingħata l-​mewt. Lukaris ġie arrestat, u fis-​27 taʼ Lulju, 1638, ittieħed fuq dgħajsa żgħira taparsi kien se jiġi eżiljat. Malli d-​dgħajsa kienet f’nofs taʼ baħar, għallquh. Ġismu ġie midfun ħdejn ix-​xatt, u mbagħad reġgħu qalgħuh u tefgħuh il-​baħar. Instab minn xi sajjieda u iktar tard ġie midfun minn xi ħbieb tiegħu.

Lezzjonijiet Għalina

“Ħadd m’għandu jinjora l-​fatt li wieħed mill-​għanijiet ewlenin [taʼ Lukaris] kien li jkabbar l-​għarfien u jgħolli l-​livell taʼ l-​edukazzjoni tal-​kleru u l-​merħla tiegħu, li fis-​seklu 16 u l-​bidu tas-​seklu 17 kien niżel f’livell estremament baxx,” jistqarr wieħed studjuż. Kien hemm għadd kbir taʼ ostakli li ma ħallewx lil Lukaris jilħaq il-​mira tiegħu. Hu tneħħa minn fuq it-​tron patrijarkali ħames darbiet. Erbgħa u tletin sena wara mewtu, sinodu li sar f’Ġerusalemm ikkundanna t-​twemmin tiegħu bħala twemmin eretiku. Hawnhekk ġie ddikjarat li l-​Iskrittura “għandha tinqara, mhux minn kulmin ifettillu, imma biss minn dawk li jittawlu fl-​affarijiet profondi taʼ l-​ispirtu wara li jkunu għamlu r-​riċerka xierqa”—jiġifieri, mill-​qassisin biss, li suppost kienu mgħallmin.

Għal darb’oħra, il-​klassi ekkleżjastika dominanti ħonqot sforzi li saru biex il-​Kelma t’Alla tkun disponibbli għall-​merħla tagħha. Il-​membri tagħha sikktu bi vjolenza leħen li kien qed jiġbed l-​attenzjoni lejn l-​iżbalji tat-​twemmin tagħhom li ma jinstabx fil-​Bibbja. Taw prova li kienu fost l-​agħar għedewwa tal-​libertà reliġjuża u tal-​verità. B’sogħba, din hi attitudni li għadha teżisti b’diversi modi saħansitra llum il-​ġurnata. Hija tfakkira li ġġagħalna naħsbu fil-​fond dwar dak li jiġri meta konfoffi mxewxin mill-​kleru jopponu l-​libertà tal-​ħsieb u l-​espressjoni.

[Nota taʼ taħt]

a Fl-Istqarrija tiegħu, hu jappoġġa t-​Trinità u d-​duttrini tal-​predestinazzjoni u tar-​ruħ immortali, li kollu huwa tagħlim li ma jinstabx fil-​Bibbja.

[Kumment f’paġna 29]

Lukaris stinka b’mod taʼ min ifaħħru sabiex il-​Bibbja tkun l-​awtorità għad-​duttrina tal-​knisja u biex jeduka lin-​nies dwar it-​tagħlim tagħha

[Kaxxa/Stampa f’paġna 28]

Lukaris u l-​Manuskritt Alessandrin

Wieħed mill-​ġojjelli tal-​Librerija Britannika huwa l-​Manuskritt Alessandrin, manuskritt tal-​Bibbja tal-​ħames seklu E.K. Mit-​820 folja li x’aktarx li kien fih, ġew preservati 773.

Meta Lukaris kien patrijarka taʼ Lixandra, fl-​Eġittu, hu kien jippossiedi kollezzjoni kbira ferm taʼ kotba. Meta sar patrijarka f’Kostantinopli, hu ħa l-​Manuskritt Alessandrin miegħu. Fl-​1624, hu offrieh lill-​ambaxxatur Britanniku fit-​Turkija bħala rigal għar-​Re Ingliż Ġakbu I. Il-​manuskritt ngħata lis-​suċċessur tiegħu, Karlu I, tliet snin wara.

Fl-​1757, il-​Librerija Rjali tar-​Re ngħatat lin-​nazzjon Britanniku, u dan il-​manuskritt eċċellenti issa jinsab għall-​wiri fil-​John Ritblat Gallery ġewwa l-​Librerija Britannika l-​ġdida.

[Sorsi taʼ l-​istampi]

Gewerbehalle, Vol. 10

Minn The Codex Alexandrinus in Reduced Photographic Facsimile, 1909

[Sors taʼ l-​istampa f’paġna 26]

Bib. Publ. Univ. de Genève

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja