LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 7/15 pp. 24-27
  • Il-Persekuzzjoni Tqanqal Żjieda f’Antjokja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Persekuzzjoni Tqanqal Żjieda f’Antjokja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Xiehda lill-​Ġentili
  • Imsejħin Kristjani bi Providenza Divina
  • Jehovah Juża l-​Qaddejja Leali Tiegħu
  • ’Kienu Ferħanin u Rċivew l-Ispirtu’
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • In-Nies taʼ Jehovah Issodati fil-Fidi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • “Alla Jqis lil Kulħadd l-Istess”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Barnaba—“Bin il-Faraġ”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 7/15 pp. 24-27

Il-​Persekuzzjoni Tqanqal Żjieda f’Antjokja

Meta faqqgħet il-​persekuzzjoni wara l-​martirju taʼ Stiefnu, ħafna mid-​dixxipli taʼ Ġesù ħarbu minn Ġerusalemm. Wieħed mill-​postijiet li sabu refuġju fih kien Antjokja, fis-​Sirja, xi 550 kilometru lejn it-​tramuntana. (Atti 11:19) Il-​ġrajjiet li seħħew wara f’dan il-​post effettwaw l-​istorja kollha kemm hi tal-​Kristjanità. Biex nifhmu x’ġara, huwa utli li nkunu nafu ftit dwar Antjokja.

Mill-bliet kollha taʼ l-​Imperu Ruman, Antjokja kienet it-​tielet waħda f’dak li huwa kobor, ġid, u importanza. Qabilha kien hemm biss Ruma u Lixandra. Din il-​belt ewlenija fis-​Sirja kienet tiddomina n-​naħa tal-​grigal tal-​Mediterran. Antjokja (illum Antakja, fit-​Turkija) kienet tinstab fuq ix-​Xmara Oronte, xmara li minnha setgħu jgħaddu l-​bastimenti, u li kienet tgħaqqad il-​belt mal-​port tagħha, Selewċja Pijerija, xi 32 kilometru ’l bogħod. Antjokja kienet tikkontrolla waħda mill-​iktar rotot importanti tan-​negozju bejn Ruma u l-​Wied taʼ Tigri-Ewfrat. Bħala ċentru tal-​kummerċ, kienet tinnegozja maʼ l-​imperu kollu u kienet tilqaʼ kull xorta taʼ nies li kienu dejjem ġejjin u sejrin. Dawn in-​nies kienu jġibu magħhom tagħrif dwar movimenti reliġjużi minn madwar id-​dinja Rumana kollha.

Ir-reliġjon u l-​filosofija Ellenistiċi kienu qabdu sew f’Antjokja. Imma “fi żmien Kristu,” jgħid il-​kittieb taʼ l-​istorja Glanville Downey, “is-​sistemi qodma taʼ qima reliġjuża u l-​filosofiji kienu bdew isiru xi ħaġa taʼ twemmin persunali,” hekk kif kull individwu fittex li jikseb sodisfazzjon reliġjuż għall-​problemi u x-​xewqat tiegħu nnifsu. (A History of Antioch in Syria) Ħafna sabu dan is-​sodisfazzjon fil-​Ġudaiżmu, bit-​twemmin tiegħu f’Alla wieħed, u ċ-​ċerimonji u l-​valuri morali tiegħu.

Minn mindu twaqqfet il-​belt fis-​sena 300 Q.E.K., kien hemm grupp kbir taʼ Lhud jgħixu f’Antjokja. Huwa maħsub li l-​grupp kien taʼ bejn 20,000 u 60,000 ruħ, li jfisser li kien iktar minn 10 fil-​mija tal-​popolazzjoni. Il-​kittieb taʼ l-​istorja Ġużeppi Flavju jgħid li d-​dinastija taʼ slaten Selewċidi kienet tinkuraġġixxi lil-​Lhud biex joqogħdu fil-​belt, billi tagħtihom id-​drittijiet kollha bħala ċittadini. Sa dak iż-​żmien, l-​Iskrittura Ebrajka kienet disponibbli bil-​Grieg. Din qanqlet l-​interess taʼ wħud li kienu jissimpatizzaw maʼ l-​ideat Messjaniċi Lhud. Għaldaqstant, ħafna Griegi saru proseliti. Permezz taʼ dawn il-​fatturi kollha, Antjokja saret art fertili biex jintgħamlu ħafna dixxipli Kristjani.

Xiehda lill-​Ġentili

Il-​biċċa l-​kbira tas-​segwaċi taʼ Ġesù li tferrxu ’l hinn minn Ġerusalemm minħabba l-​persekuzzjoni, xandru l-​fidi tagħhom mal-​Lhud biss. Madankollu, f’Antjokja, xi dixxipli minn Ċipru u Ċireni kellmu lill-​“Griegi.” (Atti 11:20) Filwaqt li l-​ippridkar lil-​Lhud li kienu jitkellmu bil-​Grieg u lill-​proseliti kien ilu sejjer minn Pentekoste tas-​sena 33 E.K., l-​ippridkar f’Antjokja jidher li kien xi ħaġa ġdida. Ma kienx dirett lejn il-​Lhud biss. Huwa veru li Kornelju u l-​familja tiegħu, li kienu Ġentili, kienu diġà saru dixxipli. Imma kien permezz taʼ viżjoni mingħand Jehovah li l-​appostlu Pietru kkonvinċa ruħu li kien xieraq li jippridkaw lill-​Ġentili, jew lin-​nies tal-​ġnus.—Atti 10:1-48.

F’belt b’komunità Lhudija kbira u antika, fejn ma kien jeżisti l-​ebda inkwiet serju bejn il-​Lhud u l-​Ġentili, dawk li ma kinux Lhud kienu qegħdin jieħdu xiehda u jwieġbu favorevolment għall-​aħbar tajba. Antjokja, bla dubju, kienet toffri l-​ambjent addattat għal żvilupp bħal dan, u ‘għadd kbir emmnu.’ (Atti 11:21) U meta l-​proseliti, li qabel kienu jqimu allat pagani, saru Kristjani, huma kienu uniċi fil-​ħila tagħhom li jagħtu xiehda lil Ġentili oħrajn li kienu għadhom qed jagħmlu hekk.

Meta dawk fil-​kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm semgħu b’dak li kien qed jiġri f’Antjokja, bagħtu lil Barnaba biex jinvestiga. Din l-​għażla kienet waħda għaqlija u taʼ mħabba. Hu kien Ċiprijott, bħal xi wħud li kienu bdew jippridkaw lil dawk li ma kinux Lhud. Barnaba setaʼ jħossu komdu fost il-​Ġentili t’Antjokja. Min-​naħa tagħhom dawn setgħu jħarsu lejh bħala membru taʼ komunità li kienu familjari magħha.a Hu setaʼ jissimpatizza max-​xogħol li kien qed isir. Għalhekk, “meta dan wasal u ra l-​grazzja taʼ Alla, feraħ u beda jħeġġiġhom biex jibqgħu b’rieda sħiħa magħqudin fil-​Mulej. . . . U ġemgħa kbira taʼ nies ingħaqdet mal-​Mulej.”—Atti 11:22-24.

“Raġunijiet prattiċi għas-​suċċess li kellha l-​ewwel missjoni f’Antjokja,” jissuġġerixxi l-​kittieb taʼ l-​istorja Downey, “setgħu kienu li f’din il-​belt il-​missjunarji ma kellhomx il-​fanatiċi Lhud minn min jibżgħu, bħalma kellhom f’Ġerusalemm; ukoll il-​belt, bħala l-​kapitali tas-​Sirja, kienet gvernata minn legat, u għalhekk kienet tgawdi sa ċertu punt iktar ordni pubbliku, b’inqas opportunitajiet għall-​vjolenza mill-​marmalji bħalma kien ġara f’Ġerusalemm, fejn il-​prokuraturi tal-​Ġudea mid-​dehra (għallinqas f’dan il-​perijodu) ma kienx irnexxielhom irażżnuhom lill-​fanatiċi Lhud.”

F’ċirkustanzi daqshekk favorevoli u b’tant xogħol x’isir, Barnaba x’aktarx li rrealizza li kellu bżonn l-​għajnuna, u ħaseb f’ħabibu Sawl. Għala Sawl, jew Pawlu? Milli jidher għaliex Pawlu, għalkemm ma kienx wieħed mit-​12-il appostlu, kien irċieva appostolat għall-​ġnus. (Atti 9:15, 27; Rumani 1:5; Apokalissi 21:14) Għaldaqstant, Pawlu kien addattat ferm biex jakkumpanjah fix-​xandir taʼ l-​aħbar tajba fil-​belt Ġentili t’Antjokja. (Galatin 1:16) Għalhekk, Barnaba mar Tarsu, sab lil Sawl, u ġabu Antjokja.—Atti 11:25, 26; ara l-​kaxxa f’paġni 26-7.

Imsejħin Kristjani bi Providenza Divina

Għal sena sħiħa, Barnaba u Sawl “għallmu kotra kbira taʼ nies. Kien f’Antjokja li d-​dixxipli għall-​ewwel darba sejjħulhom ‘Kristjani.’” M’huwiex probabbli li kienu l-​Lhud l-​ewwel uħud li sejħu lis-​segwaċi taʼ Ġesù bħala Kristjani (Grieg), jew Messjanisti (Ebrajk), għax huma ċaħduh lil Ġesù bħala l-​Messija, jew Kristu, u għalhekk issa ma kinux se jaqbdu u jirrikonoxxuh bħala tali billi jsejħu lis-​segwaċi tiegħu Kristjani. Xi wħud jaħsbu li l-​popolazzjoni pagana setgħet laqqmithom hekk biċ-​ċajt jew bi stmerrija. Madankollu, il-​Bibbja turi li l-​isem Kristjani kien mogħti minn Alla.—Atti 11:26, NW.

Fl-Iskrittura Griega Kristjana, il-​verb użat f’konnessjoni maʼ l-​isem il-​ġdid, li ġeneralment jiġi tradott “sejħulhom,” huwa dejjem marbut maʼ xi ħaġa soprannaturali, divina, jew li għandha x’taqsam maʼ l-​oraklu. B’hekk, l-​istudjużi jittraduċuha “li tlissen oraklu,” “intimu b’mod divin,” jew “li tagħti kmand divin jew twissija divina, li tgħallem mis-​sema.” Ladarba s-​segwaċi taʼ Ġesù kienu msejħin Kristjani “bi providenza divina,” huwa possibbli li Jehovah mexxa l-​affarijiet biex l-​isem jingħata minn Sawl u Barnaba.

L-isem il-​ġdid baqaʼ. Ħadd ma setaʼ jitfixkilhom iktar lid-​dixxipli taʼ Ġesù maʼ xi setta tal-​Ġudaiżmu, għax kien hemm baħar jaqsam bejniethom. Sa madwar is-​sena 58 E.K., l-​uffiċjali Rumani kienu jafu sew min kienu l-​Kristjani. (Atti 26:28) Skond il-​kittieb taʼ l-​istorja Taċitu, sas-​sena 64 E.K., dan l-​isem kien komuni wkoll fost il-​ġemgħat taʼ Ruma.

Jehovah Juża l-​Qaddejja Leali Tiegħu

L-​aħbar tajba nfirxet ġmielha f’Antjokja. Bil-​barka taʼ Jehovah u d-​determinazzjoni tas-​segwaċi taʼ Ġesù li jkomplu jippridkaw, Antjokja saret iċ-​ċentru tal-​Kristjanità taʼ l-​ewwel seklu. Alla uża l-​kongregazzjoni t’hemmhekk bħala lok minfejn setgħet tinfirex l-​aħbar tajba f’artijiet imbegħdin. Per eżempju, kull darba li Pawlu mar fuq vjaġġ missjunarju importanti, kien jitlaq minn Antjokja.

Illum, iż-​żelu u d-​determinazzjoni minkejja l-​oppożizzjoni għenu b’mod simili biex il-​Kristjanità vera tinfirex, u bis-​saħħa t’hekk ħafna jkollhom iċ-​ċans li jisimgħu l-​aħbar tajba u japprezzawha.b Għalhekk, jekk issib min jagħmillek il-​bsaten fir-​roti minħabba l-​qima pura, żomm f’moħħok li Jehovah għandu r-​raġunijiet tiegħu għala jippermetti dan. L-​istess bħalma ġara fl-​ewwel seklu, in-​nies illum iridu jingħataw l-​opportunità biex jisimgħu dwar is-​Saltna t’Alla u jieħdu l-​waqfa tagħhom favur tagħha. Id-​determinazzjoni tiegħek biex tkompli taqdi lil Jehovah fedelment tistaʼ tkun dak kollu li teħtieġ biex tgħin lil xi ħadd jieħu l-​għarfien eżatt tal-​verità.

[Noti taʼ taħt]

a Meta tkun ġurnata b’viżibilità tajba, il-​gżira taʼ Ċipru tidher sew mill-​Muntanja Casius, fil-​lbiċ t’Antjokja.

b Ara It-​Torri taʼ l-​Għassa, taʼ l-​1 t’Awissu, 1999, paġna 9; l-​Awake!, tat-​22 t’April, 1999, paġni 21-2; in-​1999 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 250-2.

[Kaxxa/Stampi f’paġni 26, 27]

“Is-​Snin Siktin” taʼ Sawl

L-​aħħar darba li Sawl jissemma fil-​ktieb taʼ l-​Atti, qabel ma telaq lejn Antjokja madwar is-​sena 45 E.K., kienet meta l-​konfoffa li saret biex joqtluh f’Ġerusalemm sfaxxat fix-​xejn u sħabu fit-​twemmin bagħtuh Tarsu. (Atti 9:​28-​30; 11:25) Imma dan kien disaʼ snin qabel, madwar is-​sena 36 E.K. X’għamel hu sadattant—f’dan il-​perijodu msejjaħ is-​snin siktin taʼ Sawl?

Minn Ġerusalemm, Sawl mar fir-​reġjuni tas-​Sirja u ċ-​Ċiliċja, u l-​kongregazzjonijiet tal-​Ġudea semgħu dan: “Dak li darba kien jippersegwitana, issa qiegħed ixandar il-​fidi li darba hu ried jeqred.” (Galatin 1:21-23) Dan ir-​rapport setaʼ kien qed jirreferi għall-​attività f’Antjokja maʼ Barnaba, imma żgur li saħansitra qabel dan, Pawlu ma qagħadx idu f’idu. Sas-​sena 49 E.K., fis-​Sirja u fiċ-​Ċiliċja kien hemm diġà għadd taʼ kongregazzjonijiet. Waħda minnhom kienet f’Antjokja, imma xi wħud jaħsbu li l-​oħrajn setgħu kienu l-​frott tax-​xogħol li għamel Sawl matul l-​hekk imsejħin snin siktin tiegħu.—Atti 11:26; 15:​23, 41.

Xi studjużi jaħsbu li l-​ġrajjiet drammatiċi fil-​ħajja taʼ Sawl fil-​fatt seħħew f’dan l-​istess perijodu. Inkella ma jkunx faċli li nistabbilixxu f’liema mumenti tal-​karriera missjunarja tiegħu ġarrab il-​ħafna tbatijiet li sofra bħala ‘ministru taʼ Kristu.’ (2 Korintin 11:23-27) Meta qalaʼ għal ħames darbiet id-​39 daqqa mil-​Lhud? Fejn kien meta ġie msawwat tliet darbiet bil-​virgi? Fejn kien meta spiċċa ħafna drabi fil-​ħabs? L-​arrest tiegħu f’Ruma ġie wara. Għandna rakkont wieħed dwar okkażjoni minnhom meta ġie msawwat u mitfugħ il-​ħabs—ġewwa Filippi. Imma xi ngħidu għall-​okkażjonijiet l-​oħrajn? (Atti 16:22, 23) Ċertu kittieb jissuġġerixxi li matul dan iż-​żmien Sawl “kien qed jagħti xiehda dwar Kristu fis-​sinagogi tad-​Dijaspora b’tali mod u manjiera li ġab fuqu l-​persekuzzjoni mill-​awtoritajiet kemm reliġjużi kif ukoll ċivili.”

Sawl erbaʼ darbiet raha l-​għarqa, imma l-​Iskrittura tagħtina d-​dettalji dwar waħda minnhom biss, u din ġrat wara li kiteb lill-​Korintin u għamlilhom lista tat-​tbatijiet li għadda minnhom. (Atti 27:27-44) Għalhekk, it-​tliet nawfraġji l-​oħrajn x’aktarx li ġraw matul vjaġġi oħrajn li ma nafu xejn dwarhom. Dawn il-​ġrajjiet kollha jew xi ftit minnhom setgħu seħħew matul “is-​snin siktin” tiegħu.

Każ ieħor li mid-​dehra seħħ ukoll matul dan il-​perijodu huwa mniżżel fit-​2 Korintin 12:2-5. Sawl qal: ‘Naf wieħed, jemmen fi Kristu, li erbatax-il sena ilu kien meħud sat-​tielet sema, fil-​ġenna, u samaʼ jingħadu ħwejjeġ li ma jitfissrux bil-​kliem u li ebda bniedem ma jistaʼ jgħidhom.’ Milli jidher, Sawl kien qed jitkellem dwaru nnifsu. Jekk immorru 14-il sena lura minn meta kiteb dan madwar is-​sena 55 E.K., niġu fis-​sena 41 E.K., f’nofs “is-​snin siktin.”

Din il-​viżjoni ċertament li tatu dehen uniku lil Sawl. Kienet din t’għajnuna għalih bħala “appostlu tal-​pagani”? (Rumani 11:13) Ħallietlu xi effett fuq il-​mod kif kien jaħsibha, jikteb, u jitkellem wara dan? Kellhom is-​snin bejn il-​konverżjoni taʼ Sawl u ż-​żjara tiegħu f’Antjokja jservuh biex jitħarreġ u jimmatura għar-​responsabbiltajiet li ġew wara? Huma x’inhuma t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet, nistgħu nibqgħu ċerti li meta Barnaba stiednu biex jgħinu javanza x-​xogħol taʼ l-​ippridkar f’Antjokja, Sawl biż-​żelu kollu tiegħu kien kwalifikat għall-​aħħar biex iwettaq l-​inkarigu.—Atti 11:19-26.

[Mappa f’paġna 25]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

SIRJA

Oronte

Antjokja

Selewċja

ĊIPRU

BAĦAR MEDITERRAN

Ġerusalemm

[Sors tal-istampa]

Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

[Stampi f’paġna 24]

Fuq: Antjokja llum

Fin-nofs: Veduta tan-​naħa t’isfel taʼ Selewċja

Isfel: Il-​ħajt tal-​port taʼ Selewċja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja