Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Jehovah Jipprovdi Post taʼ Mistrieħ lin-Nies Tiegħu
KEMM jieħu gost vjaġġatur għajjien x’ħin jilmaħ post imdelli taʼ mistrieħ fil-mogħdija fuq xi muntanja! Fin-Nepal, dawn il-postijiet taʼ mistrieħ jissejħu chautara. Wieħed minn dawn iċ-chautara jistaʼ jinstab ħdejn xi siġra tħaddar tal-banyan (Ficus Bengalensis), post imdelli fejn wieħed jistaʼ jpoġġi u jistrieħ. Min jipprovdi chautara jkun qed jagħmel att taʼ karità, u ħafna mill-benefatturi jibqgħu anonimi.
Xi esperjenzi min-Nepal juru kif ħafna “vjaġġaturi” għajjenin f’din is-sistema sabu li Alla Jehovah sar Sors taʼ ferħ u taʼ rifreskar spiritwali għalihom.—Salm 23:2.
• Waħda mara li jisimha Lil Kumari tgħix fil-belt sabiħa taʼ Pokhara, li minnha tistaʼ tara dehra li ssaħħrek tal-Muntanji tal-Himalaya bil-quċċata tagħhom miksija bis-silġ. Imma billi kienet inkwetata dwar il-finanzi tal-familja, Lil Kumari kienet tħoss li ma tantx kien hemm futur sabiħ għaliha. Meta waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah marret għandha, tgħidx kemm ħassitha mqanqla bit-tama sabiħa tal-Bibbja u mill-ewwel talbet biex ikollha studju tal-Bibbja fid-dar tagħha.
Għalkemm Lil Kumari kienet tieħu gost tistudja, ma kienx faċli għaliha minħabba li kellha oppożizzjoni kbira mill-familja tagħha. Imma ma qatgħetx qalbha. Bdiet tattendi l-laqgħat Kristjani regolarment u applikat dak li kienet qed titgħallem, speċjalment fuq il-kwistjoni tas-sottomissjoni bħala mara miżżewġa. B’riżultat taʼ dan, ir-raġel tagħha u ommha bdew jindunaw li l-istudju tal-Bibbja taʼ Lil Kumari kien qed ikun taʼ benefiċċju għall-familja kollha.
Ir-raġel tagħha u xi ftit mill-qraba issa qed jistudjaw il-Kelma t’Alla. F’assemblea reċenti li saret f’Pokhara, Lil Kumari ħadet gost issegwi l-programm flimkien maʼ 15 oħra minn qrabatha. Hi tgħid: “Dari saret post taʼ mistrieħ għaliex il-familja tagħna issa hija magħquda fil-qima vera, u jien sibt il-vera paċi tal-moħħ.”
• Għalkemm id-diskriminazzjoni minħabba l-klassi soċjali hija illegali fin-Nepal, din xorta għadu jkollha influwenza kbira fuq il-mod t’għajxien tan-nies. Minħabba f’hekk, ħafna huma dawk interessati f’dak li tgħid il-Bibbja dwar l-ugwaljanza u l-imparzjalità. Meta Surya Maya u l-familja tagħha saru jafu li “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd,” dan tant biddlilhom ħajjithom.—Atti 10:34.
Surya Maya kellha qalbha sewda minħabba d-diskriminazzjoni soċjali u t-tagħbija taʼ tradizzjonijiet u drawwiet li tant kellhom l-għeruq fil-fond. Peress li kienet mara devota, Surya Maya kienet ilha snin sħaħ titlob lill-allat idoli tagħha biex jgħinuha. Imma t-talb tagħha qatt ma ġie mwieġeb. Darba minnhom meta kienet b’qalba maqsuma titlob għall-għajnuna, in-neputija tagħha taʼ sitt snin, li kien jisimha Babita, resqet lejha u staqsietha: “Għala qed titlob l-għajnuna taʼ idoli li ma jistgħu jagħmlu xejn?”
Ġara li omm Babita kienet qed tistudja l-Bibbja maʼ waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Babita b’ħeġġa kbira stiednet lil nannitha biex tattendi laqgħa Kristjana. Meta Surya Maya marret għal-laqgħa, tgħidx kif baqgħet iċċassata meta rat nies taʼ kull klassi soċjali jieħdu gost bil-kumpanija taʼ xulxin mingħajr ebda preġudizzju. Mill-ewwel talbet biex ikollha studju tal-Bibbja fid-dar tagħha. Għalkemm dan wassal biex il-ġirien tagħha ħaduha kontriha, hi ma qatgħetx qalbha. Lanqas il-fatt li ma tantx kienet taf taqra u tikteb ma żammha lura milli tagħmel progress spiritwali.
Issa għaddew tmien snin, u sitt membri oħra tal-familja tagħha, inkluż ir-raġel u t-tlett itfal tagħha, saru Xhieda taʼ Jehovah. Surya Maya issa qed taqdi bħala ministru full-time, pijuniera regulari, u qegħda bil-ferħ tgħin lil oħrajn iħaffu t-tagħbija tqila tagħhom fil-post veru taʼ mistrieħ li Jehovah biss jistaʼ jipprovdi.