Bijografija
Kif Dejjem Qdejt lil Jehovah Kulfejn Kien Hemm il-Bżonn
KIF RAKKONTATA MINN JAMES B. BERRY
Kienet is-sena 1939. Il-ħajja kienet iebsa fl-Istati Uniti minħabba l-kriżi ekonomika kbira li kien hemm dak iż-żmien, u fl-Ewropa kollha kien hemm it-theddida taʼ gwerra. Jien u ħija ż-żgħir Bennett konna vvjaġġajna minfejn konna noqogħdu ġewwa l-Mississippi sal-belt taʼ Houston, f’Texas, biex infittxu x-xogħol hemmhekk.
DARBA waħda, meta kien kważi spiċċa s-sajf, fost il-ħsejjes kollha fit-trasmissjoni tar-radju smajna aħbar li ħallietna miblugħin: l-armati taʼ Hitler kienu daħlu l-Polonja. “Bdiet Armageddon!” qalli ħija kollu eċċitat. Minnufih, it-tnejn li aħna tlaqna l-impjieg li kellna. Morna fl-eqreb Sala tas-Saltna li kien hemm u attendejna l-ewwel laqgħa tagħna. Għalfejn għażilna li mmorru f’Sala tas-Saltna? Ħalli ngħidilkom l-istorja mill-bidu.
Twelidt f’Hebron, ġewwa l-Mississippi, fl-1915. Il-familja tiegħi kienet tgħix fil-kampanja. L-Istudenti tal-Bibbja, kif kienu jissejħu x-Xhieda taʼ Jehovah dak iż-żmien, kienu jiġu jżuruna xi darba fis-sena u kienu jagħtu taħdita fid-dar taʼ xi ħadd mill-ġirien. B’riżultat taʼ dan, il-ġenituri tiegħi kellhom ħafna letteratura bbażata fuq il-Bibbja. Maż-żmien jien u Bennett sirna nemmnu dak li tgħallimna minn dawn il-kotba—li l-infern ma fihx nar, li r-ruħ tmut, u li t-twajbin se jgħixu fuq l-art għal dejjem. Madankollu, kien hemm ħafna iżjed affarijiet x’nitgħallmu. Ftit wara li spiċċajt l-iskola, jien u ħija morna Texas biex infittxu x-xogħol.
Meta fl-aħħar għamilna kuntatt max-Xhieda fis-Sala tas-Saltna, staqsewna jekk konniex pijunieri. Lanqas biss konna nafu li pijunier kien ministru full-time tax-Xhieda taʼ Jehovah. Imbagħad staqsewna ridniex nippridkaw. Aħna aċċettajna bil-ħerqa, għax ħsibna li kienu se jibagħtu lil xi ħadd biex jurina kif kellna nagħmlu dan ix-xogħol. Minflok, tawna mappa u qalulna, “Ibdew aħdmu minn hemm!” M’għandniex xi ngħidu, la jien u lanqas Bennett ma konna nafu kif nippridkaw, u ma ridniex naqgħu għaċ-ċajt. Fl-aħħar, impostajna l-mappa lura lill-kongregazzjoni u rġajna morna lejn il-Mississippi!
Nagħmlu l-Verità tal-Bibbja Parti Minna
Meta morna lura d-dar, bdejna naqraw il-letteratura tax-Xhieda kuljum u domna nagħmlu dan għal xi sena. Fid-dar tagħna ma kellniex dawl elettriku, u għalhekk bil-lejl konna noqogħdu naqraw għad-dawl tal-lampa. F’dak iż-żmien, l-indokraturi li jivvjaġġaw kienu jżuru l-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah u lix-Xhieda li kienu jgħixu f’żoni rurali biex isaħħuhom spiritwalment. Wieħed minn dawn l-indokraturi, Ted Klein, kien iżur il-kongregazzjoni tagħna u kien jiġi miegħi u maʼ Bennett fix-xogħol taʼ l-ippridkar minn dar għal dar. Taʼ spiss kien jiħodna miegħu t-tnejn li aħna. Spjegalna x’kien eżatt ix-xogħol taʼ pijunier.
Il-kumpanija taʼ Ħuna Klein effettwatna ħafna, tant li malajr bdejna naħsbu kif stajna nagħmlu iżjed biex naqdu lil Alla. Għalhekk, fit-18 t’April, 1940, hu għammed lili, lil Bennett, u lil oħti Velva. Il-ġenituri tagħna kienu preżenti meta tgħammidna, u kienu ferħanin bid-deċiżjoni li ħadna. Xi sentejn wara tgħammdu huma wkoll. It-tnejn li huma baqgħu leali lejn Alla sakemm mietu—missieri fl-1956 u ommi fl-1975.
Meta Ħuna Klein staqsieni jekk stajtx insir pijunier, għedtlu li kieku xtaqt, imma la kelli flus, la ħwejjeġ, u xejn. Hu qalli, “Tibżax. Ħalli f’idejja.” U hekk għamel. L-ewwel bagħat l-applikazzjoni tiegħi biex insir pijunier. Imbagħad ħadni miegħu New Orleans, belt li tinsab xi 300 kilometru ’l bogħod. Hemmhekk urieni ftit appartamenti sbieħ li kienu mibnijin fuq is-Sala tas-Saltna. Kienu apposta għall-pijunieri. Ftit wara mort noqgħod hemm u bdejt il-karriera tiegħi taʼ pijunier. Ix-Xhieda fi New Orleans kienu jgħinu lill-pijunieri billi jagħtuhom ħwejjeġ, flus, u ikel. Matul il-ġurnata, l-aħwa kienu jġibulna l-ikel u jħalluh fuq l-għatba jew saħansitra jpoġġuhulna fil-friġġ. Kien hemm ħu minnhom li kellu restorant fil-qrib, u kien jistidinna biex meta rridu mmorru ftit qabel ma jagħlaq biex jagħtina xi ikel frisk milli kien jibqagħlu, bħal laħam, ħobż, chili con carne, u pasti.
Niffaċċjaw il-Vjolenza mill-Marmalji
Xi żmien wara, ġejt inkarigat biex immur Jackson, ġewwa l-Mississippi, biex nagħmel ix-xogħol taʼ pijunier hemmhekk. Jien u l-pijunier żagħżugħ li kont naħdem miegħu ffaċċjajna l-vjolenza mill-marmalji f’din il-belt. Mid-dehra, il-pulizija tal-lokal kienu qed jappoġġaw lil dawn in-nies! L-istess ġralna meta morna fl-inkarigu li kien imiss, ġewwa Columbus, fil-Mississippi. Ħafna bojod kienu jobogħduna għax konna nippridkaw lil nies taʼ kull razza u nazzjonalità. Ħafna kienu jemmnu li konna qed inxewxu lin-nies kontra l-istat. Wieħed minn dawn kien il-kmandant taʼ waħda mid-diviżjonijiet tal-Leġjun Amerikan (American Legion), li hija organizzazzjoni patrijottika ferm. Mhux darba u tnejn li xewwex lil gruppi taʼ nies inkorlati biex jattakkawna.
L-ewwel darba li attakkawna f’Columbus, ċorma nies ġew warajna waqt li konna qed noffru r-rivisti fit-toroq. Rassewna maʼ vetrina taʼ ħanut u nġabret folla nies biex tara x’kien qed jiġri. Ftit wara ġew il-pulizija u ħaduna lejn il-qorti. In-nies imxew warajna sal-qorti, u qalulna quddiem l-uffiċjali kollha preżenti li jekk nitilqu minn dak il-post sa ċerta data konna se nitilqu bil-ġilda tagħna sħiħa. Jekk nitilqu wara dik id-data kienu se jqaxxruna ħajjin! Ħsibna li jkun aħjar jekk nitilqu mill-belt għal ftit żmien. Imma wara xi ftit ġimgħat, erġajna morna lura u bdejna nippridkaw mill-ġdid.
Ftit wara ġew fuqna grupp taʼ tmint irġiel li ġagħluna nidħlu f’żewġ karozzi. Ħaduna ġo bosk, neżżgħuna, u lagħbulna 30 daqqa biċ-ċintorin tiegħi stess! Kellhom l-ixkubetti u anki xi ħbula, u nistaʼ ngħid li verament konna mwerwrin. Ħsibt li kienu se jorbtuna u jitfgħuna fix-xmara. Qattgħulna l-letteratura u xerrduha maʼ l-art, u saħansitra kissrulna l-fonografu biċċiet maʼ zokk taʼ siġra.
Wara li tawna xebgħa, qalulna biex nerġgħu nilbsu u nibdew nidħlu iktar ’il ġewwa fil-bosk mingħajr ma nħarsu lura. Aħna u mexjin, ħsibna li veru kienu se jisparawlna u joqtluna jekk nażżardaw inħarsu lura—u ovvjament jgħadduha lixxa! Imma wara ftit minuti, smajniehom iqabbdu l-karozzi u jitilqu ’l hemm.
Darb’oħra, ġrew warajna ċorma nies inkorlati, u kellna norbtu ħwejjiġna m’għonqna u ngħumuha minn naħa għall-oħra tax-xmara biex naħarbu minnhom. Mhux wisq wara dan, ġejna arrestati fuq akkużi taʼ tixwix kontra l-istat. Qattajna tliet ġimgħat il-ħabs qabel m’għaddejna ġuri. Kulħadd f’Columbus kien semaʼ dwar il-ġuri. Lill-istudenti taʼ kulleġġ fil-qrib saħansitra tawhom permess jitilqu kmieni mill-iskola biex jiġu jaraw il-ġuri. Meta wasal il-jum mistenni, l-awla tal-qorti kienet maħnuqa bin-nies—lanqas kien hemm iktar wisaʼ fejn joqogħdu bil-qegħda! Fost dawk li ġew biex jixhdu favur l-Istat kien hemm żewġ qassisin, is-sindku, u l-pulizija.
Intbagħtu G. C. Clarke, avukat li kien wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, flimkien maʼ l-assistent tiegħu, biex jirrappreżentawna. Dawn talbu biex l-akkużi li konna xewwixna kontra l-istat jaqgħu minħabba li ma kienx hemm evidenza biżżejjed. L-avukat li kien qed jaħdem maʼ Ħuna Clarke, għalkemm ma kienx wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, qabeż għalina b’mod konvinċenti ferm. F’waqt minnhom qal lill-imħallef, “In-nies jgħidu li x-Xhieda taʼ Jehovah mġienen. Imġienen? Anki Thomas Edison kien miġnun!” Imbagħad ipponta sebgħu lejn bozza li kien hemm imwaħħla u qal, “Imma ħarsu ftit lejn dik il-bozza!” Kien hemm min kien jgħid li Edison, il-bniedem li vvinta l-bozza elettrika, kien miġnun, imma ħadd ma setaʼ jgħid li l-invenzjonijiet tiegħu ma kinux taʼ l-għaġeb.
Wara li semaʼ x-xiehda kollha, l-imħallef tal-qorti tad-distrett li kien qed jippresiedi qal lill-prosekutur: “M’għandek l-ebda traċċa t’evidenza li dawn xewxu kontra l-istat, u huma għandhom id-dritt jagħmlu dan ix-xogħol. Jekk ma jkollokx evidenza terġax iġġibhom f’din il-qorti għax tkun qed taħli l-ħin u l-flus taʼ l-Istat, u taħli l-ħin lili wkoll!” Konna rbaħna l-każ!
Imma wara li spiċċa kollox, l-imħallef sejħilna fil-kamra tiegħu. Kien jaf li r-raħal kollu ma kienx jaqbel mad-deċiżjoni tiegħu. Għalhekk tana l-parir: “Dak li għedt jien kien skond il-liġi, imma ħa nagħtikom il-parir tiegħi: Dabbru raskom minn hawn għax inkella joqtlukom!” Indunajna li kellu raġun, u għalhekk tlaqna minn dak il-post.
Minn hemm ngħaqadt maʼ Bennett u Velva, li kienu qed jaqdu bħala pijunieri speċjali fi Clarksville, ġewwa Tennessee. Ftit xhur wara tawna inkarigu biex naqdu f’Paris, ġewwa Kentucky. Sena u nofs wara, eżatt kif konna se nifformaw kongregazzjoni hemmhekk, jien u Bennett irċivejna stedina speċjali ferm.
Is-Servizz Missjunarju
Meta rajna l-istedina biex nattendu għat-tieni klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) għedna, ‘Bilfors li għandhom xi żball! Dan kif jistaʼ jkun li jistiednu lil żewġ aħwa fqar mill-Mississippi biex jattendu din l-iskola?’ Aħna immaġinajna li riedu xi nies taʼ skola, imma morna xorta waħda. Mitt student attendew dik il-klassi, u l-kors dam ħames xhur. Iggradwajna fil-31 taʼ Jannar, 1944, u kellna ħeġġa kbira biex naqdu f’art barranija. Imma f’dawk iż-żminijiet, biex tagħmel il-passaport u l-visa kien jieħu ħafna żmien, u għalhekk l-istudenti kienu jingħataw inkarigu temporanju fl-Istati Uniti. Wara li domna ftit taż-żmien naqdu bħala pijunieri f’Alabama u f’Ġeorġja, jien u Bennett fl-aħħar irċivejna l-inkarigu tagħna—il-Barbados, fl-Indji tal-Punent.
Peress li t-Tieni Gwerra Dinjija kienet għadha għaddejja, ix-xogħol u l-letteratura tax-Xhieda taʼ Jehovah kienu projbiti f’ħafna pajjiżi, inkluż fil-Barbados. Meta għaddejna mid-dwana t’hemmhekk, l-uffiċjali fetħulna l-bagalji u wara li għamlu tfittxija sabulna l-letteratura li konna ħbejna. Aħna ħsibna, ‘Daqshekk għamilna.’ Minflok, wieħed mill-uffiċjali sempliċement qalilna: “Jiddispjaċina li kellna nagħmlu tfittxija fil-bagalji tagħkom, imma xi ftit minn din il-letteratura hija projbita fil-Barbados.” Iżda, xorta waħda ħalliena ngħaddu, u ma ħadilna xejn mil-letteratura li kellna fuqna! Iktar tard, meta tajna xiehda lil xi uffiċjali governattivi, qalulna li ma kinux jafu għalfejn kien hemm projbizzjoni fuq il-letteratura fil-pajjiż. Ftit xhur wara, il-projbizzjoni fuq il-letteratura tneħħiet.
Fil-Barbados kellna ħafna suċċess fil-ministeru. Kellna minn taʼ l-inqas 15-il studju tal-Bibbja kull wieħed, u ħafna mill-istudenti pprogressaw spiritwalment. Konna nifirħu meta xi wħud kienu jiġu għal-laqgħat tal-kongregazzjoni. Madankollu, minħabba li għal xi żmien il-letteratura kienet projbita, l-aħwa t’hemmhekk ma kinux jafu kif kellhom jikkonduċu l-laqgħat. Imma, malajr ħarriġna xi ftit aħwa li kienu kapaċi għal dan. Kellna l-privileġġ li ngħinu ħafna mill-istudenti tagħna jibdew jaħdmu fil-ministeru Kristjan u li naraw il-kongregazzjoni tikber.
Irrabbu Familja
Wara xi 18-il xahar li kont ilni fil-Barbados, kelli bżonn nagħmel operazzjoni, u għalhekk mort lura l-Istati Uniti. Waqt li kont hemmhekk, iżżewwiġt waħda Xhud jisimha Dorothy, li qabel kont nikkomunika magħha permezz taʼ l-ittri. Jien u marti bdejna nagħmlu x-xogħol taʼ pijunier f’Tallahassee, ġewwa Florida, imma wara sitt xhur morna noqogħdu f’Louisville, ġewwa Kentucky, għax wieħed ħu fil-verità kien offrieli impjieg hemmhekk. Ħija Bennett kompla fis-servizz tiegħu fil-Barbados għal ħafna snin. Iktar tard hu żżewweġ oħt li kienet missjunarja wkoll u bdew jaqdu flimkien fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar f’dawk il-gżejjer. Wara xi żmien, kellhom jerġgħu lura l-Istati Uniti minħabba raġunijiet taʼ saħħa. Huma komplew jaqdu fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar fil-kongregazzjonijiet tal-lingwa Spanjola sa ma miet Bennett fl-1990, fl-età taʼ 73 sena.
Dorothy wildet l-ewwel tarbija tagħna fl-1950, li kienet tifla li semmejnieha Daryl. Kellna ħamest itfal. It-tieni wieħed, Derrick, miet meta kellu biss sentejn u nofs minħabba li kellu meninġite li teffettwa l-ispina tad-dahar. Imma fl-1956 kellna lil Leslie, u fl-1958 twieled Everett. Jien u Dorothy għamilna l-almu tagħna biex indaħħlu l-verità tal-Bibbja f’qalb uliedna. Konna dejjem nipprovaw nagħmlu l-istudju tal-Bibbja bħala familja kull ġimgħa u naraw kif se nagħmluh interessanti għal uliedna kollha. Meta kienu għadhom żgħar Daryl, Leslie, u Everett, konna nagħtuhom ftit mistoqsijiet kull ġimgħa biex jagħmlu riċerka fuqhom, imbagħad iwiġbuhom il-ġimgħa taʼ wara. Kienu wkoll jilagħbu taparsi qed jippridkaw minn dar għal dar. Wieħed minnhom kien jidħol fil-gwardarobba u jilgħabha taʼ l-inkwilin. L-ieħor kien jibqaʼ barra u jħabbat. Kienu jużaw termini tad-daħq biex taparsi jbeżżgħu lil xulxin, imma dan għenhom biex jiżviluppaw imħabba għax-xogħol taʼ l-ippridkar. Aħna konna nippridkaw magħhom regolarment ukoll.
Meta twieled Elton, it-tifel iż-żgħir tagħna, fl-1973, Dorothy kellha kważi 50 sena u jien kelli kważi 60. Fil-kongregazzjoni laqqmuna Abraham u Sara! (Ġenesi 17:15-17) Uliedna s-subien il-kbar taʼ spiss kienu jieħdu lil Elton fuq il-ministeru magħhom. Ħassejna li kien taʼ xiehda qawwija għan-nies meta jaraw familji sħaħ—aħwa subien u bniet, ġenituri u tfal—jaħdmu flimkien u jaqsmu l-veritajiet tal-Bibbja m’oħrajn. Ħut Elton is-subien kienu jtellgħuh darba kull wieħed fuq spallejhom u jagħtuh f’idu fuljett dwar il-Bibbja. In-nies kważi dejjem kienu jisimgħu meta kienu jiftħu l-bieb u jaraw lil dan id-daqsxejn taʼ tifel gustuż fuq spallejn ħuh il-kbir. Is-subien għallmu lil Elton jagħti l-fuljett lill-inkwilin wara li tispiċċa l-konversazzjoni, kif ukoll jgħid xi żewġ kelmiet. Kien b’dan il-mod li beda jippriedka.
Matul is-snin għenna lil diversi nies jitgħallmu dwar Jehovah. Fl-aħħar tas-snin 70, minn Louisville morna noqogħdu Shelbyville, f’Kentucky, biex naqdu f’kongregazzjoni fejn kien hemm il-bżonn. Fiż-żmien li konna hemmhekk, mhux biss rajna l-kongregazzjoni tikber, imma wkoll għenna biex tinstab biċċa art u biex tinbena Sala tas-Saltna. Iktar tard ġejna mitlubin biex naqdu f’kongregazzjoni oħra ftit ’il bogħod.
Inċertezzi fil-Ħajja tal-Familja
Kieku nixtieq ngħid li wliedna kollha baqgħu fit-triq taʼ Jehovah, imma dan ma kienx il-każ. Wara li kibru u telqu mid-dar, tlieta mill-erbaʼ wlied ħajjin tagħna ħallew it-triq tal-verità. Madankollu, Everett ħa l-eżempju tiegħi u beda jaqdi fil-ministeru full-time. Iktar tard hu qeda fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah fi New York u fl-1984 ġie mistieden jattendi għas-77 klassi taʼ Gilgħad. Wara l-gradwazzjoni mar jaqdi fl-inkarigu tiegħu ġewwa Sierra Leone, fl-Afrika tal-Punent. Fl-1988 iżżewweġ lil Marianne, pijuniera mill-Belġju. Huma għadhom jaqdu bħala missjunarji sal-lum.
Bħalma jistaʼ jimmaġina kull ġenitur, kien taʼ skuraġġiment kbir għalina li naraw lil tlieta minn uliedna jitilqu mill-verità. Dan għax nafu li dan il-mod taʼ ħajja jġib sodisfazzjon fil-ħajja issa u joffri t-tama sabiħa taʼ ħajja eterna fil-futur f’art magħmula ġenna. Xi kultant kont inwaħħal fija nnifsi. Imma sibt il-faraġ għax kont naf li saħansitra xi wħud mill-ulied spirti, jew anġli, taʼ Jehovah stess ma baqgħux jaqduh—u dan għalkemm Jehovah jiddixxiplina bl-imħabba u bi ħniena u qatt ma jagħmel żbalji. (Dewteronomju 32:4; Ġwann 8:44; Apokalissi 12:4, 9) Dan għenni nifhem li għalkemm il-ġenituri jaħdmu iebes biex jipprovaw itellgħu lil uliedhom fit-triq taʼ Jehovah, xi ftit minnhom xorta għandhom mnejn ma jaċċettawx il-verità.
Jeħtieġ li naddattaw ruħna għat-tbatijiet u l-problemi differenti li jinqalgħu fil-ħajja, l-istess bħal siġra li tixxengel ’l hawn u ’l hinn minħabba l-irjieħ qawwija. Tul is-snin tgħallimt li billi nistudja l-Bibbja u nattendi l-laqgħat b’mod regulari jistaʼ jkolli s-saħħa biex naddatta ruħi u nibqaʼ ħaj spiritwalment. Iktar ma nikber u nara l-iżbalji li għamilt fil-passat, iktar nipprova dejjem nara l-aspett pożittiv taʼ l-affarijiet. Wara kollox, jekk nibqgħu leali, esperjenzi bħal dawn jgħinuna biex nikbru spiritwalment. Jekk nitgħallmu minnhom, l-aspetti negattivi tal-ħajja jistgħu jkollhom ukoll in-naħa pożittiva tagħhom.—Ġakbu 1:2, 3.
Issa jien u Dorothy la baqgħalna s-saħħa u lanqas l-enerġija biex nagħmlu dak kollu li nixtiequ fis-servizz taʼ Jehovah. Imma ninsabu grati għall-appoġġ li jagħtuna l-għeżież ħutna Kristjani. Kważi f’kull laqgħa, l-aħwa jgħidulna kemm japprezzaw li aħna ninsabu fosthom. Barra minn hekk, huma jgħinuna b’kull mezz possibbli—saħansitra jagħmlulna xi tiswijiet fid-dar u fil-karozza tagħna.
Xi kultant inkunu nistgħu nieħdu sehem fix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju, u għadna nikkonduċu studji maʼ wħud interessati. Xi ħaġa li dejjem iġġibilna ferħ kbir hija meta nisimgħu mingħand it-tifel tagħna li qed jaqdi fl-Afrika. Xorta għadna nagħmlu l-istudju tal-familja, avolja issa qegħdin aħna t-tnejn biss. Ninsabu ferħanin li ddedikajna dawn is-snin kollha fis-servizz taʼ Jehovah. Hu jiżgurana li ‘mhux se jinsa dak li aħna għamilna u l-imħabba li wrejna lejn ismu.’—Lhud 6:10.
[Stampa f’paġna 25]
Jien, Velva, u Bennett meta għammidna Ted Klein fit-18 t’April, 1940
[Stampi f’paġna 26]
Maʼ marti, Dorothy, fil-bidu tas-snin erbgħin u fl-1997
[Stampa f’paġna 27]
It-taħdita pubblika “Il-Prinċep tal-Paċi,” reklamata fuq karozza tal-linja fil-Barbados
[Stampa f’paġna 27]
Ħija Bennett quddiem id-dar missjunarja