L-Ubbidjenza—Lezzjoni Importanti mit-Tfulija?
“IL-ĠENITURI jridu individwi, mhux tfal li jobdu.” Hekk kien jgħid it-titlu t’artiklu f’ġurnal. Dan ir-rapport kien ibbażat fuq ir-riżultati taʼ riċerka li saret fi New Zealand. Skond din, 22 fil-mija biss minn dawk li wieġbu “kienu tal-fehma li t-tfal għandhom jiġu mgħallmin l-ubbidjenza fid-dar.” Minn din ir-riċerka ħareġ ukoll li l-ġenituri llum jemmnu li hu ferm iktar importanti li lit-tfal tgħallimhom affarijiet bħalma huma l-manjieri tajbin, l-indipendenza, u r-responsabbiltà.
F’din l-era taʼ individwaliżmu u egoiżmu, ma nistagħġbux li l-biċċa l-kbira min-nies ma jħossux li l-ubbidjenza hija importanti u li għandhom jgħallmuha lit-tfal. Imma allura l-ubbidjenza mit-tfulija għandna sempliċement inwarrbuha bħala xi ħaġa barra minn żmienha u li m’għadhiex moda? Jew hi fil-fatt fost l-iktar lezzjonijiet importanti li t-tfal għandhom jitgħallmu għall-ġid tagħhom? Iktar importanti minn hekk, Alla Jehovah, li hu l-Oriġinatur taʼ l-arranġament tal-familja, kif iqisha l-ubbidjenza lejn il-ġenituri, u x’inhuma xi ftit mill-benefiċċji li joħorġu minn ubbidjenza bħal din?—Atti 17:28; Efesin 3:14, 15.
“Dan Hu s-Sewwa”
L-appostlu Pawlu kiteb hekk lill-kongregazzjoni Kristjana f’Efesu fl-ewwel seklu: “Intom it-tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom fil-Mulej, għax dan hu s-Sewwa.” (Efesin 6:1) B’hekk, ir-raġuni ewlenija għal ubbidjenza bħal din hija li din hi fi qbil mal-livell divin taʼ x’inhu sewwa. Bħalma poġġieha Pawlu, “dan hu s-Sewwa.”
Fi qbil maʼ dan, ninnotaw li l-Kelma t’Alla tiddeskrivi d-dixxiplina tal-ġenituri bl-imħabba bħala oġġett taʼ sbuħija, “kuruna sabiħa fuq rasek, u kullana taʼ ġieħ madwar għonqok,” kif ukoll bħala xi ħaġa ‘li togħġob lill-Mulej.’ (Proverbji 1:8, 9; Kolossin 3:20) B’kuntrast dirett, id-diżubbidjenza lejn il-ġenituri tqanqal id-diżapprovazzjoni divina.—Rumani 1:30, 32.
“Sabiex Ikollok ir-Riżq”
Pawlu wera li hemm mertu ieħor fl-ubbidjenza meta kiteb: “‘Weġġaħ ’il missierek u ’l ommok’, dan hu l-ewwel kmandament b’wegħda sabiex ikollok ir-riżq u tul għomrok fuq l-art.” (Efesin 6:2, 3; Eżodu 20:12) L-ubbidjenza lejn il-ġenituri b’liema modi tistaʼ tkun taʼ ġid għal dak li jkun?
L-ewwelnett, m’huwiex veru li l-ġenituri għandhom vantaġġ għax għandhom l-età u l-esperjenza? Għalkemm forsi ma tantx jidhru li jafu dwar il-kompjuters jew dwar xi suġġetti oħrajn li jiġu mgħallmin fl-iskola, huma jafu ħafna dwar x’taf tagħti l-ħajja u kif ilaħħqu mal-problemi li ġġib magħha. Iż-żgħażagħ, mill-banda l-oħra, huma neqsin minn dak il-ħsieb bilanċjat li jiġi mill-maturità. B’hekk, għandhom it-tendenza li jaqbdu u jiddeċiedu, ħafna drabi wara li sħabhom ikunu damu jagħmlulhom pressjoni biex iċedu, u dan ikunilhom taʼ ħsara ferm. B’mod realistiku, il-Bibbja tgħid: “Il-bluha b’għeruqha fil-qalb taʼ kull tifel.” X’inhu r-rimedju? “Bis-saħħa tat-twiddib taqlagħhielu ’l barra.”—Proverbji 22:15.
Ir-relazzjoni taʼ bejn il-ġenituri u l-ulied hija biss waħda mill-ħafna benefiċċji li jinkisbu permezz taʼ l-ubbidjenza. Biex is-soċjetà umana tiffunzjona bla xkiel u b’mod produttiv, irid bilfors ikun hemm il-kooperazzjoni, li fiha nfisha tirrikjedi ċertu ammont taʼ ubbidjenza. Per eżempju, fiż-żwieġ ikun hemm il-paċi, l-armonija, u l-ferħ meta kull wieħed ikun lest li jċedi, u mhux meta wieħed dejjem ikun irid li tgħaddi tiegħu bla ma jqis id-drittijiet u s-sentimenti tan-naħa l-oħra. Fuq il-post tax-xogħol, l-impjegati jridu jkunu lesti joqogħdu għal dak li jgħidilhom l-imgħallem biex tkun tistaʼ tirnexxi l-intrapriża jew in-negozju. Fejn jidħlu l-liġijiet u r-regolamenti governattivi, l-ubbidjenza mhux biss teħles lil dak li jkun minn xi piena imma twassal ukoll għal ċertu ammont taʼ sigurtà u protezzjoni.—Rumani 13:1-7; Efesin 5:21-25; 6:5-8.
Spiss jiġri li żgħażagħ li ma jobdux l-awtorità jispiċċaw imwarrbin mis-soċjetà. B’kuntrast, il-lezzjoni taʼ l-ubbidjenza li wieħed ikun tgħallem mit-tfulija tibqaʼ tiswielu taʼ ġid tul ħajtu kollha. Kemm jaqbillek li din titgħallimha mit-tfulija!
Il-Premju l-Kbir għall-Ubbidjenza
L-ubbidjenza mhux biss twassal biex ikun hemm relazzjonijiet taʼ ferħ fil-familja u benefiċċji oħra li jiswewlek għal għomrok kollu imma tipprovdi wkoll pedament fuqiex tistaʼ tinbena l-iktar relazzjoni vitali minnhom kollha, jiġifieri dik bejn il-bniedem u l-Ħallieq tiegħu. Bħala l-“Ħallieq Grandjuż” li fih hemm “l-għajn tal-ħajja,” Alla Jehovah jixraqlu bi dritt li jkollu l-ubbidjenza sħiħa tagħna.—Ekkleżjasti 12:1, NW; Salm 36:10 [36:9, NW].
Il-kelma “obdi” fid-diversi forom tagħha nsibuha iktar minn 160 darba fil-Bibbja. Iktar minn hekk, hemm mijiet taʼ referenzi għal-liġijiet, l-ordnijiet, il-kmandamenti, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji, u r-regolamenti t’Alla, li lkoll jesiġu s-sottomissjoni. Ma jibqgħalna ebda dubju li Alla jqis l-ubbidjenza bħala xi ħaġa neċessarja biex wieħed igawdi l-approvazzjoni tiegħu. Iva, l-ubbidjenza hija ingredjent li ma tistax tgħaddi mingħajru jekk trid tibni relazzjoni maʼ Jehovah. (1 Samwel 15:22) B’sogħba, it-tendenza naturali tal-bniedem ixxaqleb lejn id-diżubbidjenza u mhux lejn l-ubbidjenza. “Qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu,” tgħid il-Bibbja. (Ġenesi 8:21) Għalhekk, il-lezzjoni taʼ l-ubbidjenza wieħed irid jitgħallimha mhux biss fi tfulitu imma tul ħajtu kollha. Hemm premju kbir għal min jagħmel hekk.
Ftakar li, bħalma poġġieha l-appostlu Pawlu, il-kmand biex it-tfal jobdu lill-ġenituri fih wegħda doppja, jiġifieri, li “jkollok ir-riżq u tul għomrok fuq l-art.” (Korsiv tagħna.) Konferma taʼ din il-wegħda nsibuha fi Proverbji 3:1, 2: “Ibni, tinsiex it-tagħlim tiegħi, iżda żomm f’qalbek il-kmandamenti tiegħi; għax għomor twil u ħafna snin, u riżq tajjeb iġibulek.” Il-premju l-kbir għal min jobdi huwa relazzjoni persunali maʼ Jehovah issa u ħajja taʼ dejjem f’dinja ġdida mimlija paċi.—Apokalissi 21:3, 4.
[Stampi f’paġna 30, 31]
L-ubbidjenza ġġib relazzjonijiet taʼ ferħ fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, u maʼ Jehovah