“Jehovah Kien Tassew Ġeneruż Miegħi!”
F’LEJLA verament sabiħa f’Marzu taʼ l-1985, l-irġiel u n-nisa li kienu jaħdmu fid-Dipartiment tal-Kitba fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah fi New York, l-Istati Uniti, iċċelebraw okkażjoni sinifikanti ferm. Karl F. Klein kien għalaq 60 sena jaqdi fil-ministeru full-time. B’entużjażmu kbir, Ħuna Klein qal: “Jehovah kien tassew ġeneruż miegħi!” Hu qal li waħda mill-iskritturi favoriti tiegħu kienet Salm 37:4. Iktar tard, dawk kollha preżenti kellhom ukoll il-pjaċir li jisimgħuh idoqq il-vjolinċell.
Għall-15-il sena taʼ wara, Ħuna Klein kompla jaqdi fix-xogħol tiegħu bħala wieħed mill-membri tad-Dipartiment tal-Kitba u tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah. Imbagħad, fit-3 taʼ Jannar, 2001, fl-età taʼ 95 sena, Karl Klein temm fedelment il-ħajja tiegħu fuq din l-art.
Karl twieled il-Ġermanja. Il-familja tiegħu emigrat lejn l-Istati Uniti, u Karl trabba f’wieħed mid-distretti taʼ madwar Chicago, f’Illinois. Meta kienu għadhom żgħar, Karl u ħuh Ted, li kien iżgħar minnu, bdew jieħdu interess kbir fil-Bibbja. Karl tgħammed fl-1918, u l-affarijiet eċċitanti li kien semaʼ f’konvenzjoni taʼ l-Istudenti tal-Bibbja fl-1922 qanqlu ġewwa fih imħabba profonda għall-ministeru li ma birdet qatt. Ma kienx iħalli ġimgħa waħda tgħaddi mingħajr ma jieħu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar, u dan għamlu wkoll fl-aħħar ġimgħat taʼ ħajtu.
Karl sar membru tal-familja taʼ Betel fil-kwartieri ġenerali fl-1925 u għall-ewwel kien jaħdem fl-istamperija. Kien iħobb ħafna l-mużika, u għal xi snin kien idoqq il-vjolinċell fl-orkestra li kienet tieħu sehem f’xandiriet Kristjani fuq ir-radju. Wara dan, hu beda jaħdem fid-Dipartiment tas-Servizz, u bbenefika ferm speċjalment meta ħadem mill-qrib maʼ l-indokratur tad-dipartiment, T. J. Sullivan. Sadattant, Ted iżżewweġ u mar jaqdi bħala missjunarju f’Puerto Rico flimkien maʼ martu, Doris.
Għal nofs seklu, Karl Klein ħadem fid-Dipartiment tal-Kitba, u hemmhekk ta kontribut siewi ferm għaliex hu kien iħobb jagħmel ir-riċerki u kellu għarfien profond tal-Bibbja. Fl-1963, Karl iżżewweġ lil Margareta, missjunarja Ġermaniża li kienet taqdi fil-Bolivja. Bis-saħħa taʼ l-appoġġ li kienet tagħtih bl-imħabba kollha, speċjalment meta beda jkollu l-problemi tas-saħħa, hu baqaʼ jagħmel xogħol produttiv saħansitra meta kien taʼ età avanzata, minkejja li taʼ din l-età ħafna nies ikunu ilhom li rtiraw mix-xogħol. Peress li Karl kien jitkellem b’mod sinċier ħafna u, taʼ mużiċist li kien, kien ibaqbaq bl-entużjażmu, kulħadd kien jibqaʼ jiftakar it-taħditiet li kien jagħti fil-kongregazzjonijiet u fil-konvenzjonijiet. Mhux wisq qabel ma miet, hu kien mexxa d-diskussjoni dwar l-iskrittura tal-jum fil-Betel taʼ New York, u l-aħwa f’din il-familja kbira tgħidx kemm ferħu u bbenefikaw.
Ħafna minn dawk li jaqraw regolarment It-Torri taʼ l-Għassa se jiftakru r-rakkont tal-ħajja taʼ Ħuna Klein, rakkont interessanti dwar l-esperjenzi tiegħu li ġie pubblikat fil-ħarġa taʼ l-1 t’Ottubru, 1984. Żgur li se tieħu gost taqra jew terġaʼ taqra dan ir-rakkont, waqt li żżomm f’moħħok li min kitbu qattaʼ jerġaʼ ħmistax-il sena oħra jaqdi bħala Kristjan leali u devot.
Ħuna Klein, bħala wieħed mill-midlukin tal-Mulej, xtaq b’qalbu kollha li jirrenja flimkien maʼ Kristu fis-sema. Aħna għandna għalxiex nemmnu li Jehovah issa qatagħlu xewqtu.—Luqa 22:28-30.
[Stampa f’paġna 31]
Karl fl-1943 maʼ T. J. Sullivan u Ted u Doris
[Stampa f’paġna 31]
Karl u Margareta, f’Ottubru tas-sena 2000