Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Il-Bżonnijiet Spiritwali Tiegħu Ġew Sodisfati
IL-GŻIRA taʼ Ċipru tinsab fin-naħa tal-grigal tal-Baħar Mediterran. Fi żminijiet Bibliċi, Ċipru kien magħruf għar-ram u l-injam taʼ kwalità tajba. Pawlu u Barnaba xandru l-aħbar tajba tas-Saltna hemmhekk matul l-ewwel vjaġġ missjunarju tagħhom. (Atti 13:4-12) Illum, l-aħbar tajba għadha qed tħalli effett pożittiv fil-ħajja taʼ ħafna mill-abitanti taʼ Ċipru. Dan żgur li huwa minnu fil-każ taʼ Lucas, raġel li għandu ’l fuq minn erbgħin sena. Hu jgħid:
“Jien twelidt ġewwa familja taʼ sebat itfal u konna noqogħdu f’razzett li fih konna rrabbu l-baqar. Mindu kont żgħir kont inħobb naqra ħafna. L-iktar li kont inħobb naqra kienet l-Iskrittura Griega Kristjana li kelli f’daqsxejn taʼ ktieb li kien joqgħod fil-but. Meta kelli għaxar snin, jien u sħabi għaqqadna grupp żgħir għall-istudju tal-Bibbja. Madankollu, ma tantx domna għax xi nies mir-raħal li kienu akbar minna fl-età bdew jgħajruna li qed ngħidu l-ereżiji.
“Iktar tard, meta kont bdejt nistudja fl-Istati Uniti, iltqajt maʼ nies taʼ ħafna sfondi reliġjużi differenti. Dan reġaʼ qajjem ġewwa fija x-xewqa għal affarijiet spiritwali. Qattajt ħafna ġranet fil-librerija taʼ l-università nistudja dwar reliġjonijiet differenti. Żort ukoll ħafna knejjes differenti, iżda minkejja l-isforzi li għamilt, kont għadni m’iniex sodisfatt spiritwalment.
“Wara li spiċċajt l-istudji tiegħi, mort lura lejn Ċipru u aċċettajt xogħol bħala direttur taʼ laboratorju mediku. Raġel anzjan jismu Antonis, li kien wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, kien iżurni fuq il-post tax-xogħol. Iżda, iż-żjajjar tiegħu ġew innotati minn dawk tal-Knisja Ortodossa Griega.
“Ma damx ma ġie jżurni teologu u qalli biex ma nibqax inkellem lix-Xhieda taʼ Jehovah. Peress li mindu kont żgħir ġejt mgħallem li l-Knisja Ortodossa Griega kellha l-verità, jien aċċettajt dak li qalli u waqqaft iż-żjajjar taʼ Antonis u bdejt niddiskuti l-Bibbja mat-teologu. Żort ukoll ħafna monasterji f’Ċipru. Saħansitra għamilt vjaġġ lejn it-tramuntana tal-Greċja u żort il-Muntanja Athos, li hija meqjusa bħala l-iktar muntanja qaddisa fid-dinja Kristjana Ortodossa. Xorta waħda, il-mistoqsijiet tiegħi dwar il-Bibbja baqgħu bla tweġiba.
“Imbagħad tlabt lil Alla biex jgħinni nsib il-verità. Ftit wara dan, Antonis reġaʼ ġie jżurni fuq il-post tax-xogħol, u ħassejt li din kienet it-tweġiba għat-talba tiegħi. Għalhekk ma bqajtx immur għand it-teologu u bdejt nistudja l-Bibbja m’Antonis. Komplejt nagħmel progress, u f’Ottubru taʼ l-1997 issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah permezz tal-magħmudija fl-ilma.
“Marti u ż-żewġt ibniet il-kbar tagħna, li dak iż-żmien kellhom 14 u 10 snin, għall-ewwel kienu jopponu. Iżda minħabba l-kondotta tajba tiegħi, il-mara ddeċidiet li tattendi waħda mil-laqgħat fis-Sala tas-Saltna. Hi tgħidx kemm baqgħet impressjonata bil-qalb tajba tax-Xhieda u bl-interess persunali li huma wrew. Hi impressjonat ruħha l-iktar meta rat il-mod kif jużaw il-Bibbja. B’riżultat taʼ dan, marti u ż-żewġt ibniet il-kbar tagħna aċċettaw studju tal-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Immaġina x’ferħ kelli meta t-tlieta li huma tgħammdu fil-Konvenzjoni Distrettwali “Il-Kelma Profetika t’Alla” fl-1999!
“Iva, it-tfittxija tiegħi għall-verità ġiet sodisfata. Issa l-familja tagħna kollha, jien, il-mara u l-erbat itfal, ninsabu magħqudin fil-qima pura taʼ Jehovah.”