Bijografija
Naqdi Waqt li Nissagrifika Lili Nnifsi
KIF RAKKONTATA MINN DON RENDELL
OMMI mietet fl-1927 meta kelli biss ħames snin. Madankollu, il-fidi tagħha influwenzat lil ħajti bil-kbir. Kif kien possibbli dan?
OMMI kienet akkanita bħala membru tal-Knisja Ingliża meta żżewġet lil missieri, li kien suldat professjonali. Dan kien qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija. L-Ewwel Gwerra Dinjija faqqgħet fl-1914, u ommi ma qablitx mal-vigarju tagħha li juża l-pulptu bħala platform sabiex jiddaħħlu n-nies fl-armata. X’kienet ir-risposta tal-membru tal-kleru? “Mur id-dar, u toqgħodx tinkwieta fuq kwistjonijiet bħal dawn!” Din ir-risposta ma ssodisfathiex.
Fl-1917, fl-eqqel tal-gwerra, ommi marret tara l-“Photo-Drama of Creation.” Peress li kienet konvinta li kienet sabet il-verità, hi mill-ewwel telqet il-knisja tagħha biex tingħaqad maʼ l-Istudenti tal-Bibbja, kif kienu magħrufin ix-Xhieda taʼ Jehovah dak iż-żmien. Attendiet għal-laqgħat f’kongregazzjoni f’Yeovil, l-eqreb belt tar-raħal tagħna taʼ West Coker, fil-kontea Ingliża taʼ Somerset.
Ommi malajr qasmet il-fidi ġdida li kienet għadha kif sabet mat-tliet ħutha bniet. Membri iktar anzjani tal-kongregazzjoni taʼ Yeovil iddeskrivewli kif ommi u oħtha Millie b’mod żeluż kienu jduru bir-rota fit-territorju mifrux tagħna kollu kampanja huma u jqassmu l-kotba bħala għajnuna għall-istudju tal-Bibbja Studies in the Scriptures. Iżda, b’sogħba għall-aħħar 18-il xahar taʼ ħajjitha, ommi kienet mixħuta f’qiegħ taʼ sodda bit-tuberkulosi, marda li ma kienx hemm kura għaliha dak iż-żmien.
Kif Issagrifikajt Lili Nnifsi
Iz-zija Millie, li dak iż-żmien kienet qed tgħix magħna, daret b’ommi meta din mardet u ħadet ħsiebi u ħsieb oħti Joan li kellha sebaʼ snin. Meta mietet ommi, iz-zija Millie offriet minnufih li tieħu ħsiebna lilna t-tfal. Billi kien ferħan li kien se jeħles minn din ir-responsabbiltà, missieri mill-ewwel qabel li z-zija Millie tibqaʼ tgħix magħna għal dejjem.
Konna sirna nħobbuha liz-zija tagħna, u għalhekk konna ferħanin li kienet se tibqaʼ magħna. Imma għala ddeċidiet hekk? Ħafna snin wara, iz-zija Millie qaltilna li kienet taf li kellha l-obbligu li tibni fuq il-pedament li kienet poġġiet ommi—li tgħallem il-verità tal-Bibbja lili u lil Joan—hekk kif irrealizzat li din kienet xi ħaġa li missieri qatt ma kien se jagħmilha, għax ma kellu l-ebda interess fir-reliġjon.
Wara dan, sirna nafu wkoll li z-zija Millie kienet ħadet deċiżjoni oħra verament persunali. Sabiex tieħu ħsiebna sew, hi qatt ma kienet se tiżżewweġ. X’sagrifiċċju dak! Jien u Joan għandna kull raġuni biex inkunu grati ferm lejha. Dak kollu li għallmitna z-zija Millie u l-eżempju eċċellenti li ħallitilna bqajna ngħożżuhom.
Żmien taʼ Deċiżjoni
Jien u Joan attendejna l-iskola tal-Knisja Ingliża tar-raħal fejn iz-zija Millie ħadet waqfa soda mas-sinjora rigward l-edukazzjoni reliġjuża tagħna. Meta t-tfal l-oħra kienu jmorru l-knisja, aħna konna mmorru d-dar, u meta kien jiġi l-vigarju l-iskola biex jagħti xi istruzzjoni reliġjuża, konna noqogħdu għalina waħedna u ningħataw xi versi mill-Iskrittura biex nitgħallmuhom bl-amment. Dan swieli ħafna, għax dawn il-versi m’huma se jitħassru qatt minn moħħi.
Tlaqt mill-iskola meta kelli 14-il sena biex nieħu taħriġ li dam sejjer erbaʼ snin ġewwa fabbrika lokali fejn isir il-ġobon. Tgħallimt ukoll indoqq il-pjanu, u l-passatempi tiegħi kienu l-mużika u ż-żfin. Għalkemm il-verità tal-Bibbja kienet f’qalbi kienet għadha ma qanqlitnix. Imbagħad darba waħda f’Marzu taʼ l-1940, kien hemm Xhud anzjana li stidnitni mmur magħha għal assemblea fi Swindon, xi 110 kilometri ’l bogħod. Albert D. Schroeder, il-ministru li jippresiedi tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Britannja, ta t-taħdita pubblika. Kienet din l-assemblea li biddlitli ħajti.
It-Tieni Gwerra Dinjija kienet fl-eqqel tagħha. X’kont qed inwettaq f’ħajti? Iddeċidejt li mmur lura lejn is-Sala tas-Saltna taʼ Yeovil. Fl-ewwel laqgħa li attendejt, ġie introdott l-għoti taʼ xiehda fit-toroq. Minkejja l-għarfien limitat li kelli, offrejt biex nieħu sehem f’din l-attività, bi stagħġib taʼ ħafna hekk imsejħin ħbieb li meta kienu jgħaddu minn ħdejja kienu jwaqqgħuni għaċ-ċajt!
F’Ġunju taʼ l-1940, jien tgħammidt fil-belt taʼ Bristol. Fi żmien xahar sirt pijunier regulari—evanġelizzatur full-time. Kemm kont ferħan meta, ftit wara, oħti wkoll issimbolizzat id-dedikazzjoni tagħha permezz tal-magħmudija fl-ilma!
Ix-Xogħol taʼ Pijunier fi Żmien il-Gwerra
Sena wara li bdiet il-gwerra, irċivejt dokument li bih intgħażilt biex nidħol fl-armata. Talli kont reġistrat f’Yeovil bħala wieħed li joġġezzjona minħabba l-kuxjenza, kelli nidher quddiem tribunal fi Bristol. Kont ngħaqadt maʼ John Wynn bħala pijunier f’Cinderford, Gloucestershire, u wara f’Haverfordwest u Carmarthen, Wales.a Iktar tard, waqt smigħ tal-kawża f’qorti ġewwa Carmarthen, ġejt sentenzjat għal tliet xhur ħabs fi Swansea, flimkien maʼ multa taʼ kważi Lm17—somma kbira taʼ flus għal dak iż-żmien. Wara dan, weħilt tliet xhur oħra ħabs talli ma ħallastx din il-multa.
Fit-tielet smigħ tal-kawża staqsewni: “Ma tafx li l-Bibbja tgħid, ‘Agħtu lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari’?” “Iva,” weġibt, “napprezzah dan, imma nixtieq nispiċċah dan il-vers: ‘u lil Alla dak li hu taʼ Alla.’ Dan qed nagħmel jien.” (Mattew 22:21) Ftit ġimgħat wara, irċivejt ittra li fiha kien hemm miktub li kont meħlus mil-lieva.
Kmieni fl-1945 stidnuni biex ningħaqad mal-familja taʼ Betel f’Londra. Ix-xitwa taʼ wara, Nathan H. Knorr, li kien jieħu ħsieb biex jorganizza x-xogħol taʼ l-ippridkar mad-dinja kollha, u s-segretarju tiegħu, Milton G. Henschel, żaru Londra. Intgħażlu tmien aħwa żgħażagħ mill-Britannja għat-tmien klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) għal taħriġ missjunarju, u jien kont wieħed minnhom.
Inkarigi Bħala Missjunarju
Fit-23 taʼ Mejju, 1946, tlaqna mill-port żgħir taʼ Fowey f’Cornwall fuq vapur tal-merkanzija taʼ żmien il-gwerra. L-uffiċjal tal-port, il-Kaptan Collins, kien Xhud taʼ Jehovah, u hekk kif ħallejna l-moll, hu daqq is-sirena. Naturalment, ilkoll konna ferħanin imma fl-istess ħin xi ftit imdejqin hekk kif rajna x-xatt taʼ l-Ingilterra jisparixxi. Meta qsamna l-Atlantiku l-baħar kien imqalleb ħafna, imma 13-il ġurnata wara wasalna qawwijin u sħaħ fl-Istati Uniti.
Kienet esperjenza memorabbli li attendejt it-tmint ijiem taʼ l-Assemblea Teokratika internazzjonali Glad Nations fi Cleveland, Ohio, mill-4 sal-11 t’Awissu, 1946. Kien hemm preżenti tmenin elf delegat, inkluż 302 minn 32 pajjiż ieħor. F’din il-konvenzjoni ħarġet ir-rivista Awake!,b u ħareġ ukoll il-ktieb “Let God Be True” bħala għajnuna għall-istudju tal-Bibbja għall-folla entużjasta.
Iggradwajna minn Gilgħad fl-1947, u jien u Bill Copson ġejna assenjati biex immorru l-Eġittu. Imma qabel ma tlaqna, kelli l-opportunità li ningħata taħriġ tajjeb dwar l-uffiċċju minn Richard Abrahamson fil-Betel taʼ Brooklyn. Inżilna Lixandra, u malajr addattajt ruħi għall-istil taʼ ħajja tal-Lvant Nofsani. Madankollu, kienet sfida li nitgħallem l-Għarbi, u għalhekk kelli bżonn nuża l-fuljetti tat-testimonjanza b’erbaʼ lingwi.
Bill Copson dam hemmhekk sebaʼ snin, imma jien ma rnexxilix inġedded il-visa wara l-ewwel sena, u għalhekk kelli nitlaq. Inqis dik is-sena taʼ servizz missjunarju bħala l-iktar waħda produttiva taʼ ħajti. Kelli l-privileġġ li nikkonduċi iktar minn 20 studju tal-Bibbja fid-dar kull ġimgħa, u xi wħud minn dawk li tgħallmu l-verità dak iż-żmien għadhom ifaħħru lil Jehovah b’mod attiv. Mill-Eġittu ntbgħatt Ċipru.
Ċipru u Iżrael
Bdejt nistudja lingwa ġdida, il-Grieg, u nsir familjari mad-djalett tal-lokal. Ftit wara, meta Anthony Sideris intalab biex imur il-Greċja, jien inħtart biex nindokra x-xogħol f’Ċipru. Dak iż-żmien l-uffiċċju tal-fergħa taʼ Ċipru kien jieħu ħsieb ukoll lil Iżrael, u flimkien m’aħwa oħra, kelli l-privileġġ li minn żmien għal żmien immur inżur il-ftit Xhieda li kien hemm.
Fl-ewwel vjaġġ tiegħi lejn Iżrael, kellna assemblea żgħira f’restorant f’Haifa li għaliha attendew madwar 50 jew 60 ruħ. Billi sseparajna l-gruppi nazzjonali, ippreżentajna l-programm taʼ l-assemblea b’sitt lingwi differenti! F’okkażjoni oħra, f’Ġerusalemm stajt nuri film magħmul mix-Xhieda taʼ Jehovah, u tajt taħdita pubblika li tkellmu b’mod pożittiv dwarha f’gazzetta bil-lingwa Ingliża.
Dak iż-żmien kien hemm madwar 100 Xhud f’Ċipru, u kellhom jiġġieldu iebes minħabba l-fidi tagħhom. Il-marmalji mmexxijin mill-qassisin tal-Knisja Ortodossa Griega kienu jtellfulna l-assembleat, u li niġi ssottat bil-ġebel meta nkun qed nagħti xiehda fl-irħula kienet esperjenza ġdida għalija. Kelli nitgħallem naħrab malajr mill-post! Waqt oppożizzjoni vjolenti bħal din, il-fidi tagħna ssaħħet iktar meta ġew assenjati iżjed missjunarji fil-gżira. Dennis u Mavis Matthews flimkien maʼ Joan Hulley u Beryl Heywood ngħaqdu miegħi ġewwa Famagusta, filwaqt li Tom u Mary Goulden u Nina Constanti, Ċiprijotta mwielda f’Londra, marru Limassol. Fl-istess ħin, Bill Copson ġie trasferit ukoll f’Ċipru, u iktar tard ngħaqdu miegħu Bert u Beryl Vaisey.
Naddatta Ruħi għal Bidla fiċ-Ċirkustanzi
Sa tmiem l-1957, jien imradt u ma stajtx inkompli fl-inkarigu tiegħi bħala missjunarju. B’sogħba ddeċidejt li biex nerġaʼ nirkupra saħħti, kelli nirritorna lejn l-Ingilterra, fejn komplejt ix-xogħol bħala pijunier sa l-1960. Oħti u żewġha b’qalb tajba laqgħuni f’darhom, imma ċ-ċirkustanzi kienu nbidlu. Joan bdiet issib li l-affarijiet kienu qed isiru iktar diffiċli. Minbarra li kellha tieħu ħsieb żewġha u bintha, matul is-17-il sena li ma kontx hemm jien, hi bl-imħabba kollha kellha wkoll tieħu ħsieb missierna u z-zija Millie, li issa kienu xjuħ u ma jifilħux. Issa beda jidher il-bżonn li nsegwi l-eżempju taʼ ziti li nissagrifika lili nnifsi, u għalhekk bqajt m’oħti sakemm mietu ziti u missieri.
Kien ikun tassew faċli li nissetilja fl-Ingilterra, imma wara li striħajt ftit, ħassejt l-obbligu li nerġaʼ mmur naqdi fl-inkarigu tiegħi. Wara kollox, l-organizzazzjoni taʼ Jehovah ma nefqitx ħafna flus biex tħarriġni? Għalhekk, fl-1972 erġajt mort lejn Ċipru għal darb’oħra bħala pijunier.
Nathan H. Knorr ġie biex jagħmel xi arranġamenti għall-konvenzjoni tas-sena taʼ wara. Meta sar jaf li jien kont irritornajt, hu rrikkmanda li ninħatar bħala indokratur tas-circuit għall-gżira kollha, privileġġ li domt inwettqu erbaʼ snin. Madankollu, dan l-inkarigu kien ibeżżagħni ladarba kien ifisser li fil-biċċa l-kbira kelli nitkellem bil-Grieg.
Żmien taʼ Inkwiet
Kont ngħix fl-istess dar maʼ Paul Andreou, Xhud Ċiprijott li jitkellem bil-Grieg, ġewwa l-villaġġ taʼ Karakoumi, fil-lvant taʼ Kyrenia fuq il-kosta tat-tramuntana taʼ Ċipru. L-uffiċċju tal-fergħa taʼ Ċipru kien f’Nicosia, fin-nofsinhar tal-Muntanji taʼ Kyrenia. Fil-bidu taʼ Lulju taʼ l-1974 seħħ il-kolp taʼ stat li neħħa lill-President Makarios mill-pożizzjoni tiegħu. Jien kont Nicosia, u għalhekk stajt nara l-palazz tiegħu jinħaraq. Meta stajt nivvjaġġa mingħajr periklu, mort lura b’għaġla lejn Kyrenia, fejn konna qed nippreparaw għal assemblea tas-circuit. Jumejn wara smajt l-ewwel bomba taqaʼ fil-port, u rajt is-sema mimli bil-ħelikopters iġorru lit-truppi mit-Turkija li invadew il-pajjiż.
Peress li kont ċittadin Britanniku, is-suldati Torok ħaduni fuq in-naħa taʼ barra taʼ Nicosia, fejn ġejt interrogat mill-uffiċjali tal-Ġnus Magħquda li kkuntattjaw maʼ l-uffiċċju tal-fergħa. Imbagħad, imwerwer bil-biżaʼ kelli nimxi minn qalb il-wajers imħabblin tat-telefon u taʼ l-elettriku biex nasal għad-djar imwarrbin in-naħa l-oħra tal-post li kien newtrali. Kemm kont ferħan li l-linja tiegħi taʼ komunikazzjoni m’Alla Jehovah ma setgħetx tiġi interrotta! It-talb kollu li tlabt kien t’appoġġ għalija matul l-iktar esperjenzi taʼ niket f’ħajti.
Tlift kulma kelli, imma kont ferħan li l-uffiċċju tal-fergħa kien qed jipprovdili s-sigurtà. Madankollu, din is-sitwazzjoni ma tantx damet. Fi ftit ġranet, il-forzi li invadew kienu ħadu taħt il-kontroll tagħhom terz tat-tramuntana tal-gżira. Kulħadd kellu jitlaq minn Betel, u morna f’Limassol. Kont ferħan li stajt naħdem hemmhekk maʼ kumitat li ġie fformat biex jieħu ħsieb it-300 ħu u oħt li kienu ġew effettwati minn dan l-inkwiet u li ħafna minnhom kienu tilfu djarhom.
Iktar Inkarigi Differenti
F’Jannar taʼ l-1981, il-Ġemgħa li Tiggverna talbitni biex immur il-Greċja ħalli ningħaqad mal-familja taʼ Betel f’Ateni, imma sa tmiem is-sena mort lura lejn Ċipru u nħtart bħala koordinatur tal-Kumitat tal-Fergħa. Andreas Kontoyiorgis u martu, Maro, Ċiprijotti li kienu ntbagħtu minn Londra, kienu taʼ “faraġ kbir” għalija.—Kolossin 4:11.
Fl-1984, fit-tmiem taʼ żjara taż-żona minn Theodore Jaracz, irċivejt ittra mill-Ġemgħa li Tiggverna li kienet tgħid sempliċement: “Meta hu jispiċċa, nixtiquk takkumpanja lil Ħuna Jaracz lejn il-Greċja.” Ma ngħatat l-ebda raġuni, imma meta wasalna l-Greċja, inqrat ittra oħra mill-Ġemgħa li Tiggverna lill-Kumitat tal-Fergħa. F’din l-ittra kien hemm il-ħatra tiegħi bħala koordinatur tal-Kumitat tal-Fergħa f’dak il-pajjiż.
F’dan iż-żmien, il-Greċja kienet qed tiffaċċja l-apostasija. Kien hemm ukoll ħafna akkużi taʼ proselitiżmu illegali. Kuljum, in-nies taʼ Jehovah kienu qed jiġu arrestati u jittieħdu quddiem il-qrati. Xi privileġġ kien li nsir naf lill-aħwa li ssaportew u żammew l-integrità tagħhom waqt il-provi! Wara dan, xi każijiet kellhom jinstemgħu quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u spiċċaw b’riżultati meraviljużi li kellhom effett tajjeb fuq ix-xogħol taʼ l-ippridkar fil-Greċja.c
Waqt li kont qed naqdi fil-Greċja, stajt nattendi konvenzjonijiet memorabbli f’Ateni, f’Tessalonika, u fil-gżejjer taʼ Rodi u Kreta. Kienu erbaʼ snin mimlijin ferħ u frott, imma kienet se sseħħ bidla oħra—lura lejn Ċipru fl-1988.
Ċipru u Lura Lejn il-Greċja
Sakemm ma kontx f’Ċipru, l-aħwa kienu kisbu postijiet għal fergħa ġdida f’Nissou, ftit kilometri ’l bogħod minn Nicosia, u Carey Barber, mill-kwartieri ġenerali fi Brooklyn tax-Xhieda taʼ Jehovah, ta t-taħdita tad-dedikazzjoni. Issa, l-affarijiet kienu iktar setiljati fil-gżira u kont ferħan li rritornajt—imma din is-sitwazzjoni ma tantx damet.
Il-Ġemgħa li Tiggverna kienet approvat il-pjanijiet biex tinbena dar Betel ġdida fil-Greċja, xi kilometri lejn it-tramuntana t’Ateni. Peress li kont naf nitkellem kemm bl-Ingliż u kemm bil-Grieg, fl-1990 ġejt mistieden biex nerġaʼ mmur naħdem fuq il-bini l-ġdid bħala interpretu għall-familja taʼ qaddejja internazzjonali li kienu qed jaħdmu hemmhekk. Għadni niftakar il-ferħ li kont inħoss meta kont inkun fuq il-post tax-xogħol fis-sitta taʼ fil-għodu fis-sajf, waqt li nilqaʼ l-mijiet t’aħwa Griegi li kienu offrew ruħhom bħala volontieri biex jaħdmu flimkien mal-familja li tieħu sehem fil-kostruzzjoni! Dejjem se nibqaʼ ngħożż il-ferħ u ż-żelu tagħhom.
Il-qassisin Ortodossi Griegi u dawk li jappoġġawhom ipprovaw jidħlu fil-post u jfixklu x-xogħol tagħna, imma Jehovah semaʼ talbna, u ġejna protetti. Bqajt fuq dan il-proġett sakemm rajt id-dedikazzjoni tad-dar Betel il-ġdida fit-13 t’April, 1991.
Nappoġġa lil Oħti l-Għażiża
Is-sena taʼ wara rritornajt fl-Ingilterra għal btala, u qgħadt m’oħti u żewġha. B’sogħba, sakemm kont hemm, ir-raġel t’oħti tawh żewġ attakki tal-qalb u miet. Joan kienet appoġġatni b’ġenerożità kbira matul is-servizz missjunarju tiegħi. Bilkemm kienet tgħaddi ġimgħa li ma kinitx tiktibli xi ittra taʼ inkuraġġiment. X’barka hi għal kull missjunarju li jkollu kuntatt bħal dan! Issa kienet armla, b’nuqqas taʼ saħħa u kellha bżonn min jappoġġaha. X’kelli nagħmel?
Thelma, bint Joan, u żewġha kienu diġà qed jieħdu ħsieb lil waħda armla leali fil-kongregazzjoni tagħhom, waħda mill-kuġini tagħna li kienet qed tmut b’marda. Għalhekk, wara ħafna talb iddeċidejt li kelli nibqaʼ hemm biex inkun nistaʼ ngħin u nieħu ħsieb lil Joan. Dan l-aġġustament ma kienx faċli, imma jien privileġġat li naqdi bħala anzjan f’Pen Mill, waħda miż-żewġ kongregazzjonijiet taʼ Yeovil.
L-aħwa li qdejt magħhom barra minn pajjiżi għadhom iżommu kuntatt regulari miegħi bit-telefon u l-ittri, u jien tassew grat għal dan. Li kieku xi darba jkolli nesprimi x-xewqa li nirritorna lejn il-Greċja jew Ċipru, naf li ħuti mill-ewwel jibagħtuli l-biljett. Imma issa għandi 80 sena, u la l-vista t’għajnejja u lanqas saħħti m’għadha bħalma kienet qabel. Il-fatt li m’għadnix attiv bħalma kont qabel huwa frustranti, imma s-snin tiegħi taʼ servizz f’Betel għenuni niżviluppa ħafna drawwiet li huma utli għalija llum. Per eżempju, dejjem naqra l-iskrittura tal-jum qabel il-kolazzjon. Tgħallimt ukoll kif ningwalaha man-nies u nħobbhom—iċ-ċavetta għal suċċess fis-servizz missjunarju.
Hekk kif inħares lura lejn madwar 60 sena meraviljużi li qattajt infaħħar lil Jehovah, naf li l-ministeru full-time huwa l-aqwa protezzjoni u jipprovdi l-aħjar edukazzjoni. Nistaʼ nidwi b’qalbi kollha l-kliem taʼ David lil Jehovah: “Int sirt fortizza għalija, kenn tiegħi f’jum id-dwejjaq.”—Salm 59:17 (59:16, NW).
[Noti taʼ taħt]
a Il-bijografija taʼ John Wynn, “My Heart Overflows With Gratitude” (Qalbi Tfur bil-Gratitudni) dehret f’The Watchtower taʼ l-1 taʼ Settembru, 1997, paġni 25-8.
b Qabel kienet magħrufa bħala Consolation.
c Ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Diċembru, 1998, paġni 20-1, u The Watchtower taʼ l-1 taʼ Settembru, 1993, paġni 27-31; Awake! tat-8 taʼ Jannar, 1998, paġni 21-2, u tat-22 taʼ Marzu, 1997, paġni 14-15.
[Mappep f’paġna 24]
GREĊJA
Ateni
ĊIPRU
Nicosia
Kyrenia
Famagusta
Limassol
[Stampa f’paġna 21]
Ommi fl-1915
[Stampa f’paġna 22]
Fuq il-bejt tal-Betel taʼ Brooklyn fl-1946, jien (ir-rabaʼ wieħed mix-xellug) u aħwa oħra mit-tmien klassi taʼ Gilgħad
[Stampa f’paġna 23]
Maz-zija Millie wara li rritornajt l-ewwel darba fl-Ingilterra