Bijografija
Ferħana li Qdejt fix-Xogħol Globali t’Edukazzjoni mill-Bibbja
KIF RAKKONTATA MINN ANNA MATHEAKIS
Il-vapur kien qed jaqbad. Jekk jegħreq, dan il-vapur enormi twil 171 metru kien se jiġbidni miegħu u jidfinni taħt l-ilma. Bdejt ngħum b’kemm għandi saħħa biex insalva, niġġieled kontra l-kurrent qalil. L-uniku mod kif stajt nibqaʼ fil-wiċċ kien li nżomm maʼ ġakketta tas-salvataġġ li kienet liebsa mara oħra. Tlabt lil Alla għas-saħħa u l-kuraġġ. Ma stajt nagħmel xejn iktar.
KIENET is-sena 1971, u kont fi triqti lura lejn it-tielet inkarigu missjunarju li kelli, l-Italja. F’dak in-nawfraġju tlift kważi kulma kelli. Imma ma tliftx l-iktar affarijiet importanti—ħajti, il-fratellanza Kristjana taʼ mħabba, u l-privileġġ li naqdi lil Ġeħova. Dan il-privileġġ kien diġà ħadni fi tliet kontinenti differenti, u n-nawfraġju kien biss inċident wieħed f’ħajja mimlija ġrajjiet drammatiċi.
Jien twilidt fl-1922. Il-familja tiegħi kienet tgħix f’Rām Allāh, madwar għaxar mili ’l fuq minn Ġerusalemm. Il-ġenituri tiegħi kienu t-tnejn mill-gżira taʼ Kreta, imma missieri ġie mrobbi ġo Nazaret. Fost ħuti jien kont l-iżgħar minn tliet subien u żewġt ibniet. Il-familja tiegħi kienet mifnija bil-mewt tat-tieni wieħed minn ħuti s-subien, li għereq fix-Xmara Ġordan f’ħarġa maʼ taʼ l-iskola. Wara din it-traġedja ommi ma riditx toqgħod iktar ġo Rām Allāh, u għalhekk meta kelli tliet snin morna noqogħdu Ateni, fil-Greċja.
Il-Verità Biblika Tilħaq lill-Familja Tagħna
Ftit wara li wasalna l-Greċja, ħija l-kbir, Nikos, li dak iż-żmien kellu 22 sena, iltaqaʼ maʼ l-Istudenti tal-Bibbja, kif kienu magħrufin ix-Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-żmien. L-għarfien mill-Bibbja li ħa tah ferħ kbir u żelu jaħraq għall-ministeru Kristjan. Dan inkorla lil missieri, u għalhekk keċċa lil Nikos mid-dar. Madankollu, meta missieri kien jivvjaġġa lejn il-Palestina, jien, ommi, u oħti konna mmorru għal-laqgħat Kristjani maʼ Nikos. Il-kliem kollu entużjażmu li kienet tgħid ommi dwar l-affarijiet kollha li tgħallmet għadu jidwi ġo widnejja sa llum. Imma ftit wara, ħakmitha l-marda tal-kanċer u mietet fl-età taʼ 42 sena. Matul dak iż-żmien diffiċli, oħti, Ariadne, bi mħabba ħadet ħsieb il-familja tagħna. Għalkemm kienet għadha żgħira, għall-ħafna snin taʼ wara hi kienet bħal omm għalija.
Missieri dejjem ħadni miegħu l-Knisja Ortodossa meta kien Ateni, u wara li miet, bqajt immur il-knisja imma mhux daqshekk spiss. Maż-żmien, meta rajt li ma kienx hemm traċċa taʼ devozzjoni lejn Alla fil-knisja, ma bqajtx nattendi iktar.
Wara li miet missieri, irnexxieli nsib xogħol stabbli mal-ministeru tal-finanzi. Ħija, però, iddedika ħajtu għax-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna, u qeda għal ħafna snin fil-Greċja. Fl-1934 mar jgħix Ċipru. Dak iż-żmien, ma kienx hemm Xhieda taʼ Ġeħova mgħammdin fuq dik il-gżira, u għalhekk hu kellu l-privileġġ li jmexxi ’l quddiem ix-xogħol taʼ l-ippridkar hemmhekk. Wara li żżewweġ, il-mara tiegħu Galatia wkoll bdiet taqdi bħala ministru full-time għal ħafna snin.a Nikos spiss kien jibagħtilna kotba u rivisti bbażati fuq il-Bibbja, imma aħna rari konna niftħuhom. Hu baqaʼ jgħix Ċipru sakemm miet.
Il-Verità Ssir Parti minn Ħajti
Fl-1940, George Douras, Xhud żeluż f’Ateni li kien ħabib taʼ Nikos, ġie jżurna u stidinna biex ningħaqdu maʼ grupp żgħir għal studju tal-Bibbja f’daru. Aħna aċċettajna l-istedina minn qalbna. Ma domniex ma bdejna naqsmu dak li konna qed nitgħallmu maʼ oħrajn. L-għarfien mill-Bibbja li bdejna nieħdu qanqal lili u lil oħti biex niddedikaw ħajjitna lil Ġeħova. Ariadne tgħammdet fl-1942, u jien fl-1943.
Meta spiċċat it-tieni gwerra dinjija, Nikos stidinna biex immorru Ċipru, u għalhekk fl-1945 morna noqogħdu Nikosija. Kuntrarju għall-Greċja, ix-xogħol taʼ l-ippridkar ġewwa Ċipru ma kienx projbit. Fil-ministeru, mhux biss konna mmorru minn bieb għal bieb, imma konna nagħtu xiehda fit-toroq ukoll.
Sentejn wara, Ariadne kellha tmur lura l-Greċja. Hemmhekk iltaqgħet mar-raġel futur tagħha, li kien aduratur taʼ Ġeħova, u għalhekk baqgħet tgħix f’Ateni. Ftit wara, oħti u r-raġel tagħha ħeġġewni biex immur lura l-Greċja u naqdi fil-ministeru full-time fil-belt kapitali. Ladarba minn dejjem xtaqt naqdi bħala pijuniera, jien mort lura l-Greċja, fejn kien hemm iktar bżonn.
Jinfetħu Bibien Ġodda t’Opportunitajiet
Fl-1 taʼ Novembru, 1947, bdejt naqdi bħala pijuniera, u kont inqattaʼ 150 siegħa kull xahar fix-xogħol taʼ l-ippridkar. It-territorju tal-kongregazzjoni tagħna kien mifrux ħafna, u kien ikolli nimxi ħafna. Madankollu, gawdejt ħafna barkiet. Spiss, meta l-pulizija kienu jsibu xi Xhieda jippridkaw jew jattendu l-laqgħat kienu jarrestawhom. Fil-fatt, ma tantx damu biex arrestaw lili wkoll.
Ġejt akkużata bil-proselitiżmu, li dak iż-żmien kien offiża serja. Inqatgħetli sentenza għal xahrejn f’ħabs tan-nisa f’Averof ġewwa Ateni. Hemmhekk, diġà kien hemm Xhud oħra, u flimkien gawdejna sħubija Kristjana tassew sabiħa u inkuraġġanti minkejja li konna maqfulin. Wara li għaddejt is-sentenza, bil-ferħ komplejt ix-xogħol taʼ pijuniera. Ħafna minn dawk li studjajt il-Bibbja magħhom dak iż-żmien għadhom qaddejja leali taʼ Ġeħova sa llum, u dan iġibli ferħ kbir.
Fl-1949, irċivejt stedina biex nattendi s-16-il klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) ġewwa l-Istati Uniti, fejn dawk li jaqdu fis-servizz full-time jitħarrġu għax-xogħol missjunarju. Jien u qrabati konna se ntiru bil-ferħ. Ippjanajt biex fis-sajf taʼ l-1950 nattendi konvenzjoni internazzjonali fi New York City, u mbagħad nidħol Gilgħad.
Wara li wasalt l-Istati Uniti, kelli l-privileġġ li naqdi għal ftit xhur fix-xogħol tat-tindif fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova fi New York City. L-ambjent hemmhekk kien nadif, pjaċevoli, u inkuraġġanti, u kont imdawra b’aħwa rġiel u nisa li dejjem kellhom tbissima fuq wiċċhom. Dejjem se nibqaʼ ngħożż it-tifkira tas-sitt xhur li qattajt hemmhekk. Imbagħad, wasal iż-żmien biex nattendi l-Iskola taʼ Gilgħad, u l-ħames xhur taʼ studju intensiv u tagħlim li qattajt hemm taru qishom riħ. Aħna l-istudenti rrealizzajna kemm l-għarfien Skritturali huwa prezzjuż u sabiħ, u dan żidilna l-ferħ u x-xewqa tagħna biex naqsmu maʼ oħrajn l-għarfien tal-verità li jagħti l-ħajja.
L-Ewwel Inkarigu Missjunarju Tiegħi
Fl-iskola taʼ Gilgħad stajna nagħżlu lil min jakkumpanjana fl-inkarigu missjunarju tagħna qabel ma nirċivuh. Ruth Hemmig (issa Bosshard), oħt mill-aqwa, kienet is-sieħba tiegħi. Jien u Ruth tgħidx kemm fraħna meta rċivejna l-inkarigu tagħna f’Istanbul, it-Turkija—f’salib it-toroq bejn l-Asja u l-Ewropa! Konna diġà nafu li x-xogħol taʼ l-ippridkar kien għadu projbit f’dak il-pajjiż, imma konna ċerti li Ġeħova kien se jappoġġana.
Istanbul hija belt sabiħa b’ħafna razez u kulturi differenti. Hemmhekk sibna viżibilju taʼ swieq Torok li jbigħu minn kollox, l-aħjar ikel minn madwar id-dinja kollha, mużewijiet interessanti, postijiet mill-isbaħ, u xatt il-baħar li jsaħħrek. Iktar importanti minn hekk, sibna nies sinċieri li riedu jitgħallmu dwar Alla. Il-grupp żgħir taʼ Xhieda f’Istanbul kien magħmul l-iktar minn nies Armenjani, Griegi, u Lhud. Madankollu kien hemm ħafna iktar nazzjonalitajiet, u sibna li kien utli li nkunu familjari maʼ diversi lingwi, fosthom it-Tork. Konna nieħdu pjaċir ħafna niltaqgħu maʼ nies minn nazzjonalitajiet differenti li kienu bil-għatx għall-verità. Ħafna minn dawn għadhom jaqdu lil Ġeħova lealment.
Sfortunatament, Ruth ma setgħetx iġġedded il-permess biex toqgħod fil-pajjiż, u għalhekk ma kellhiex għażla oħra ħlief li titlaq. Hi għadha taqdi fis-servizz full-time ġewwa l-Isvizzera. Wara dawn is-snin kollha, għadni nimmissja l-kumpanija pjaċevoli u inkuraġġanti tagħha.
Immur f’Parti Oħra tad-Dinja
Fl-1963, il-permess tiegħi biex noqgħod it-Turkija ma ġġeddidx. Sibtha diffiċli biex inħalli warajja lil sħabi Kristjani li kont rajthom jagħmlu progress spiritwali huma u jitħabtu maʼ ħafna diffikultajiet. Sabiex iferrħuni ftit, qrabati bil-ġenerożità kollha ħallsuli l-passaġġ għal New York City biex inkun nistaʼ nattendi l-konvenzjoni hemmhekk. Sadattant, kont għadni ma rċivejtx l-inkarigu li kien imiss.
Wara l-konvenzjoni, ngħatajt inkarigu f’Lima, il-Perù. Flimkien maʼ oħt żagħżugħa, li kienet se takkumpanjani, minn New York mort dritt għall-inkarigu l-ġdid tiegħi. Tgħallimt l-Ispanjol u kont noqgħod fid-dar missjunarja li kienet tinsab fuq l-uffiċċji tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Kienet esperjenza sabiħa ħafna li nippriedka f’dak il-post u li nsir naf lill-aħwa rġiel u nisa lokali.
Inkarigu Ieħor, Lingwa Oħra
Hekk kif gerbeb iż-żmien, qrabati fil-Greċja bdew iħossu l-effetti tax-xjuħija u tan-nuqqas taʼ saħħa. Huma qatt ma ħeġġewni biex nieqaf mis-servizz full-time u mmur lura għall-‘ħajja normali’ sabiex ngħinhom. Però, wara ħafna ħsieb u talb, irrealizzajt li jkun aħjar jekk immur naqdi xi mkien iktar qrib il-familja. L-aħwa responsabbli bi mħabba qablu maʼ dan u tawni inkarigu fl-Italja, u qrabati offrew li jħallsuli l-ispejjeż biex immur hemm. Ġara li anki fl-Italja kien hemm bżonn kbir għal evanġelizzaturi.
Għal darb’oħra kelli nitgħallem lingwa ġdida—it-Taljan. L-ewwel inkarigu tiegħi kien fil-belt taʼ Foggia. Imbagħad intbgħatt Napli, fejn kien hemm iktar bżonn. It-territorju tiegħi kien Posilipo, wieħed mill-isbaħ postijiet f’Napli. Kien vast ħafna, u kien hemm pubblikatur tas-Saltna wieħed biss. Kont tassew nieħu pjaċir fix-xogħol, u Ġeħova għenni nibda ħafna studji tal-Bibbja. Maż-żmien, żviluppat kongregazzjoni kbira f’dawk l-inħawi.
Fost l-ewwel nies lokali li studjajt il-Bibbja magħhom kien hemm omm u l-erbat itfal tagħha. Hi u ż-żewġt ibniet tagħha għadhom jaqdu bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Studjajt ukoll maʼ koppja miżżewġa li kellha tifla żgħira. Il-membri tal-familja kollha għamlu progress fil-verità u lkoll issimbolizzaw id-dedikazzjoni tagħhom bil-magħmudija fl-ilma. Issa, it-tifla hija miżżewġa lil ħu li hu qaddej leali taʼ Ġeħova, u flimkien qegħdin jaqdu lil Ġeħova biż-żelu. Meta kont nistudja maʼ familja numeruża oħra, bqajt tassew impressjonata bil-qawwa tal-Kelma t’Alla. Meta qrajna diversi skritturi li juru li Alla ma japprovax il-qima permezz tax-xbihat, l-omm lanqas biss qagħdet tistenna li jispiċċa l-istudju. Ħabta u sabta qamet u ħelset mix-xbihat kollha li kellha fid-dar!
F’Perikli fil-Baħar
Meta kont nivvjaġġa bejn l-Italja u l-Greċja, dejjem kont immur bil-vapur. Normalment il-vjaġġ kien ikun sabiħ ħafna. Imma vjaġġ minnhom, fis-sajf taʼ l-1971, kien differenti. Kont qed nivvjaġġa lura lejn l-Italja fuq vapur tal-passiġġieri bl-isem Heleanna. Kmieni fl-għodwa tat-28 t’Awissu, il-kċina tal-vapur ħadet in-nar. In-nar beda jinfirex, u l-paniku fost il-passiġġieri kiber ukoll. In-nisa bdew iħossuhom ħażin, it-tfal bdew jibku, u l-irġiel bdew jilmentaw u jheddu bl-aħrax. In-nies bdew jiġru lejn kull naħa tal-vapur għad-dgħajjes tas-salvataġġ. Madankollu, ma kienx hemm biżżejjed ġkieket tas-salvataġġ, u l-mekkaniżmu li jniżżel id-dgħajjes fil-baħar ma ħadimx sew. Jien ma kellix ġakketta tas-salvataġġ, imma l-fjammi bdew dejjem jogħlew, u għalhekk l-unika ħaġa prattika li stajt nagħmel kienet li naqbeż il-baħar.
Hekk kif sibt ruħi fl-ilma, ilmaħt mara liebsa ġakketta tas-salvataġġ iżżomm fil-wiċċ ħdejja. Milli jidher ma kinitx taf tgħum, u għalhekk qbadtha minn idha biex niġbidha ’l bogħod mill-vapur li kien qed jegħreq. Il-baħar beda dejjem jitqanqal iktar, u l-ġlieda biex nibqaʼ fil-wiċċ bdiet tegħjini ħafna. Is-sitwazzjoni kienet tidher bla tama, imma jien bqajt nitlob bil-ħniena lil Ġeħova għall-kuraġġ, u dan tani s-saħħa. Ma stajtx ma niftakarx fin-nawfraġju li għadda minnu l-appostlu Pawlu.—Atti, kapitlu 27.
Hekk kif bqajt inżomm maʼ dik il-mara, iġġilidt mal-mewġ għal erbaʼ sigħat sħaħ, ngħum x’ħin inkun niflaħ u nitlob lil Ġeħova għall-għajnuna. Fl-aħħar, rajt dingi riesaq lejna. Lili salvawni, imma l-mara li kienet miegħi kienet diġà mietet. Meta wasalna fil-belt taʼ Bari, l-Italja, ħaduni fi sptar fejn irċivejt l-ewwel għajnuna. Kelli nibqaʼ lisptar għal xi ġranet, u ħafna Xhieda ġew iżuruni, u b’qalb tajba pprovdewli dak li kelli bżonn. L-imħabba Kristjana li wrew miegħi ħalliet impressjoni kbira fuq dawk li kienu fil-kamra miegħi fl-isptar.b
Wara li rkuprajt kompletament, ngħatajt inkarigu f’Ruma. Ġejt mitluba naħdem it-territorju taʼ negozju fiċ-ċentru tal-belt, u dan għamiltu għal ħames snin, bl-għajnuna taʼ Ġeħova. Għal iktar minn 20 sena, gawdejt il-ministeru fl-Italja, u sirt inħobb lin-nies Taljani.
Lura Minfejn Bdejt
Maż-żmien, is-saħħa taʼ Ariadne u r-raġel tagħha qalbet għall-agħar. Irrealizzajt li jekk immur noqgħod qribhom, stajt b’xi mod inpatti għal dak kollu li huma għamlu għalija b’tant imħabba. Irrid nammetti li kien taʼ qsim il-qalb għalija biex nitlaq mill-Italja. Madankollu, l-aħwa responsabbli taw il-kunsens tagħhom, u issa ili sa mill-1985 naqdi bħala pijuniera f’Ateni, fejn kont bdejt is-servizz full-time tiegħi fl-1947.
Kont nippriedka fit-territorju inkarigat lill-kongregazzjoni tiegħi stess, u jien staqsejt lill-uffiċċju tal-fergħa jekk stajtx nippriedka fit-territorju taʼ negozju fiċ-ċentru tal-belt. Dan bqajt nagħmlu għal tliet snin maʼ pijuniera li kienet takkumpanjani. Stajna nagħtu xiehda bir-reqqa lil nies li rari kont issibhom id-dar.
Madankollu, iktar ma jgerbeb iż-żmien, ix-xewqa tiegħi biex naqdi tibqaʼ dejjem tiġġedded imma s-saħħa fiżika tiegħi le. Issa r-raġel t’oħti jinsab rieqed fil-mewt. Ariadne, li għalija kienet bħallikieku omm, tilfet id-dawl t’għajnejha. Ngħid għalija, saħħti kienet tajba meta kont fis-servizz full-time. Iżda dan l-aħħar waqajt taraġ taʼ l-irħam u ksirt idi l-leminija. Imbagħad waqajt u ksirt l-għadam taʼ ġenbejja. Kelli niġi operata u nibqaʼ fis-sodda għal żmien twil. Issa ma nistax immur fejn irrid bil-libertà. Nuża bastun u nistaʼ noħroġ biss jekk xi ħadd jakkumpanjani. Xorta waħda, nagħmel l-aħjar li nistaʼ filwaqt li nittama li l-kundizzjoni fiżika tiegħi titjieb. Sa llum, is-sors primarju għall-ferħ u s-sodisfazzjon li nikseb għadu jiġi mis-sehem tiegħi fix-xogħol t’edukazzjoni mill-Bibbja, anki jekk b’mod limitat.
Meta niftakar fis-snin taʼ ferħ li qattajt fil-ministeru full-time, qalbi timtela bi gratitudni lejn Ġeħova. Hu, flimkien maʼ l-organizzazzjoni li għandu fuq l-art, ipprovda direzzjoni taʼ min joqgħod fuqha u assistenza prezzjuża, u dan għenni biex nuża l-potenzjal kollu tiegħi hekk kif qattajt ħajti naqdih. Ix-xewqa taʼ qalbi hija li Ġeħova jsaħħaħni biex inkompli fis-servizz tiegħu. Jien ferħana għas-sehem żgħir li tajt fix-xogħol globali t’edukazzjoni mill-Bibbja li qiegħed jidderieġi hu.—Malakija 3:10.
[Noti taʼ taħt]
a Ara paġni 73–89 tan-1995 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
b Għal iktar dettalji, ara l-Awake! tat-8 taʼ Frar, 1972, paġni 12-16.
[Stampa f’paġna 9]
Maʼ oħti, Ariadne, u żewġha, Michalis, meta kont se nitlaq għal Gilgħad
[Stampa f’paġna 10]
Ruth Hemmig u jien ngħatajna inkarigu f’Istanbul, it-Turkija
[Stampa f’paġna 11]
Fl-Italja, fil-bidu tas-snin 70
[Stampa f’paġna 12]
Illum, maʼ oħti, Ariadne