Bijografija
Determinata li Nibqaʼ Naqdi lill-Ħallieq Tiegħi
KIF RAKKONTATA MINN CONSTANCE BENANTI
Kollox ġara tassew malajr! Fi żmien sitt ijiem, Camille, it-tifla tagħna taʼ 22 xahar, qabadha deni qawwi u mietet. Ma flaħtx għan-niket tiegħi. Xtaqt immut ukoll. Alla għala ppermetta ħaġa bħal din? Ħassejtni mħawda.
Il-ĠENITURI tiegħi emigraw minn Castellammare del Golfo, belt fi Sqallija, l-Italja. Huma ġew fil-belt taʼ New York, fejn twilidt jien fit-8 taʼ Diċembru, 1908. Il-familja tagħna kienet magħmula minn missieri u ommi u t-tmint itfal tagħhom, ħames subien u tlett ibniet.a
Fl-1927, missieri, Santo Catanzaro, beda jattendi l-laqgħat taʼ grupp żgħir taʼ Studenti tal-Bibbja, kif kienu jissejħu dak iż-żmien ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Giovanni De Cecca, ħu Taljan li kien jaqdi fil-kwartieri ġenerali (imsejħin Betel) fi Brooklyn, New York, kien jagħmel il-laqgħat fl-inħawi tagħna, qrib New Jersey. Maż-żmien, missieri beda jippriedka u daħal fis-servizz full-time, u kompla f’dan ix-xogħol sakemm miet fl-1953.
Meta ommi kienet għadha żgħira, hi riedet tidħol soru, imma l-ġenituri tagħha ma ħallewhiex. Għall-ewwel, jien ġejt influwenzata minn ommi biex ma nistudjax il-Bibbja maʼ missieri. Però, ma domtx ma bdejt narah jinbidel. Hu sar iktar kalm, ħlejju, u kien hemm iktar paċi fil-familja. Dan għoġobni.
Sadanittant, jien iltqajt maʼ Charles, raġel taʼ l-età tiegħi li kien twieled fi Brooklyn. Il-familja tiegħu, bħal tiegħi, kienet ġiet minn Sqallija. Ma domniex ma tgħarrasna, u wara li ġie lura missieri mill-konvenzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Columbus, Ohio fl-1931, aħna żżewwiġna. Fi żmien sena, twieldet it-tifla tagħna Camille. Meta mietet ma stajtx insib faraġ. Ġurnata minnhom, Charles kien qed jibki u qalli: “Camille kienet it-tifla tiegħi daqskemm kienet tiegħek. Għala ma nkomplux għaddejjin b’ħajjitna, u nfarrġu lil xulxin?”
Naċċettaw il-Verità tal-Bibbja
Charles fakkarni li missieri kien tkellem dwar it-tama taʼ l-irxoxt fit-taħdita li ta fil-funeral taʼ Camille. “Int tassew temmen fl-irxoxt?” staqsejtu jien.
“Iva, nemmen!” wieġeb hu. “Għala ma nfittxux iktar dwar x’tgħid il-Bibbja?”
Dak il-lejl ma stajtx norqod. Fis-sitta taʼ fil-għodu, qabel ma missieri telaq għax-xogħol, mort u għedtlu li jien u Charles ridna nistudjaw il-Bibbja. Hu tgħidx kemm ħa pjaċir u għannaqni. Ommi, li kienet għadha fis-sodda, semgħetna nitkellmu. Hi staqsietni x’kien ġara. “Xejn,” għedtilha. “Jien u Charles sempliċement iddeċidejna li nistudjaw il-Bibbja.”
“Aħna lkoll għandna bżonn nistudjaw il-Bibbja,” wieġbet hi. Għalhekk, ilkoll kemm aħna, inkluż ħuti—il-11 li aħna—bdejna nistudjaw flimkien bħala familja.
L-istudju tal-Bibbja farraġni, u bil-mod il-mod in-niket u t-taħwid li kelli f’moħħi nbidlu f’tama. Sena wara, fl-1935, jien u Charles bdejna naqsmu l-veritajiet tal-Bibbja m’oħrajn. Fi Frar taʼ l-1937, wara li smajna taħdita fil-kwartieri ġenerali fi Brooklyn li wriet biċ-ċar is-sinifikat Skritturali tal-magħmudija bl-ilma, aħna tgħammidna f’lukanda fil-viċin flimkien maʼ ħafna oħrajn. Jien ħadt dan il-pass mhux biss għax kont qed nittama li xi darba nerġaʼ nara lil binti, imma wkoll għaliex xtaqt naqdi lill-Ħallieq tagħna li sirt naf u nħobb.
Nidħlu fil-Ministeru Full-Time
Meta kont nitkellem m’oħrajn dwar dak li tgħallimt kont inħoss ferħ u sodisfazzjon, speċjalment minħabba li f’dak iż-żmien ħafna kienu jwieġbu għall-messaġġ tas-Saltna u jagħtu sehemhom f’li jxandruh. (Mattew 9:37) Fl-1941, jien u Charles sirna pijunieri, kif jissejħu l-ministri full-time tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Ftit żmien wara, aħna xtrajna karavan, u Charles ħalla l-fabbrika tal-qliezet li kellha l-familja tagħna f’idejn ħija Frank. Ftit wara, kellna ferħa kbira meta rċivejna ittra biex tgħarrafna li konna ġejna inkarigati bħala pijunieri speċjali. Fil-bidu, aħna qdejna fi New Jersey, u iktar tard ġejna mibgħutin fl-istat taʼ New York.
Fl-1946, waqt konvenzjoni f’Baltimore, Maryland, intlabna nattendu laqgħa fejn kien hemm rappreżentanti speċjali tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Hemmhekk iltqajna maʼ Nathan H. Knorr u Milton G. Henschel. Huma kellmuna dwar ix-xogħol missjunarju u, b’mod partikulari, dwar ix-xogħol taʼ l-ippridkar fl-Italja. Huma stidnuna biex nikkunsidraw il-possibbiltà li nattendu l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead).
“Aħsbuha,” qalulna, “imbagħad agħtuna risposta.” Wara li ħriġna mill-uffiċċju, jien u Charles ħarisna lejn xulxin, dorna lura, u dħalna dritt lura fl-uffiċċju. “Aħna ħsibna dwarha,” għednielhom. “Lesti għal Gilgħad.” Għaxart ijiem wara, konna qed nattendu s-sebaʼ klassi taʼ Gilgħad.
Ix-xhur li fihom ġejna mħarrġin qatt ma se ninsewhom. L-iktar affarijiet li impressjonawna b’mod partikulari kienu l-paċenzja u l-imħabba taʼ l-għalliema, għaliex kienu qed jippreparawna għad-diffikultajiet li konna se niltaqgħu magħhom fil-qasam tal-lingwa barranija. Wara li ggradwajna f’Lulju taʼ l-1946, ġejna inkarigati biex immorru nippridkaw għal ftit żmien fil-belt taʼ New York, fejn kien hemm popolazzjoni kbira taʼ Taljani. Imbagħad waslet il-ġurnata eċċitanti! Fil-25 taʼ Ġunju, 1947, aħna tlaqna lejn l-Italja, l-inkarigu missjunarju tagħna.
Nibdew Nissetiljaw fl-Inkarigu Tagħna
Aħna vvjaġġajna fuq vapur li qabel kien jintuża għal skopijiet militari. Wara 14-il ġurnata fuq il-baħar, aħna waqafna fil-port Taljan taʼ Ġenova. Il-belt kienet għadha effettwata mit-tieni gwerra dinjija li kienet spiċċat biss sentejn qabel. Per eżempju, l-istazzjon tal-ferrovija lanqas ħġieġa waħda ma kellu minħabba l-bombi li niżlu. Minn Ġenova, aħna tlaqna b’ferrovija tal-merkanzija lejn Milan, fejn kien hemm dar tal-missjunarji u l-uffiċċju tal-fergħa.
Il-kundizzjonijiet li konna ngħixu fihom wara l-gwerra fl-Italja kienu miżeri ħafna. Kienu qed isiru sforzi biex jittellaʼ l-bini mill-ġdid, imma l-faqar kien mifrux maʼ kullimkien. F’qasir żmien, żviluppajt problema serja tas-saħħa. Skond tabib wieħed, qalbi tant kienet f’kundizzjoni ħażina li ħaseb li kien ikun aħjar għalija li mmur lura l-Istati Uniti. Jien grata għall-fatt li l-konklużjoni tiegħu kienet ħażina. Wara 58 sena, jien għadni naqdi fl-inkarigu tiegħi fl-Italja.
Wara biss ftit snin li konna ilna naqdu fl-inkarigu tagħna, ħuti fl-Istati Uniti riedu jipprovdulna karozza. Imma Charles b’qalb tajba rrifjuta l-offerta tagħhom, deċiżjoni li jien stajt nifhimha sew. Safejn konna nafu aħna, l-ebda Xhud fl-Italja ma kellu karozza dak iż-żmien, u Charles ħass li kien aħjar li aħna nżommu l-istess livell t’għajxien bħal dak taʼ ħutna l-Kristjani. Kien biss fl-1961 li ġibna karozza żgħira.
L-ewwel Sala tas-Saltna tagħna f’Milan kienet f’kantina bl-art mingħajr madum. Ma kienx hemm kamra tal-banju, u l-uniku ilma li kont tara kien ikun taħt saqajna meta kienet tagħmel ix-xita. Kellna wkoll il-kumpanija taʼ ġrieden żgħar jiġru ’l hemm u ’l hawn. Kien hemm żewġ bozoz li kienu jipprovdulna d-dawl matul il-laqgħat tagħna. Minkejja dawn l-inkonvenjenzi, kien inkuraġġanti li tara wħud sinċieri jiġu għal-laqgħat tagħna u eventwalment jingħaqdu magħna fil-ministeru.
Esperjenzi Bħala Missjunarji
Darba minnhom ħallejna l-ktejjeb Peace—Can It Last? maʼ wieħed raġel. Hekk kif konna se nitilqu, il-mara tiegħu, Santina, waslet mgħobbija bix-xiri. Kienet daqsxejn irrabjata, u bdiet tgħid li minħabba li kellha tmint itfal bniet x’tieħu ħsieb ma kellhiex ħin għalina. Meta rġajt żort lil Santina, żewġha ma kienx id-dar, u hi kienet qed taħdem is-suf. “M’għandix ħin nismaʼ,” qalet hi. “U fuq kollox, ma nafx naqra.”
Tlabt lil Ġeħova f’qalbi, u mbagħad staqsejtha jekk stajtx inħallasha biex taħdimli flokk għal żewġi. Ħmistax wara, kelli l-flokk, u jien u Santina bdejna nistudjaw il-Bibbja regolarment bl-għajnuna tal-ktieb “The Truth Shall Make You Free.” Santina tgħallmet taqra, u minkejja l-oppożizzjoni taʼ żewġha, hi għamlet progress u tgħammdet. Ħamsa mill-bniet tagħha saru Xhieda, u Santina għenet ukoll lil ħafna oħrajn biex jaċċettaw il-verità tal-Bibbja.
F’Marzu taʼ l-1951, flimkien maʼ żewġ missjunarji oħra—Ruth Cannonb u Loyce Callahan, li iktar tard iżżewġet lil Bill Wengert—ġejna trasferiti lejn Brescia, fejn ma kienx hemm Xhieda. Aħna sibna appartament bl-għamara, imma xahrejn wara, is-sid riedna nitilqu fi żmien 24 siegħa. Peress li ma kienx hemm Xhieda oħra f’dawk l-inħawi, ma kellna l-ebda għażla ħlief li mmorru f’lukanda, fejn qgħadna għal kważi xahrejn.
L-ikel tagħna kien limitat: kafè u pasti għall-kolazzjon, frott u galletti bil-ġobon għal nofsinhar, u frott u galletti bil-ġobon għal fil-għaxija. Minkejja l-inkonvenjenzi, aħna konna verament imberkin. Maż-żmien, sibna appartament żgħir, u għat-tifkira tal-mewt taʼ Ġesù fl-1952, attendew 35 persuna fil-kamra ż-żgħira li konna nużaw bħala Sala tas-Saltna.
Inkampaw maʼ l-Isfidi
Matul dak iż-żmien, il-kleru xorta kien għad għandu qawwa kbira fuq in-nies. Per eżempju, waqt li konna qed nippridkaw fi Brescia, xi subien ġew imqabbdin mill-qassis biex jitfgħulna l-ġebel. Minkejja dan, maż-żmien, 16-il persuna bdew jistudjaw il-Bibbja magħna u fi żmien qasir kollha saru Xhieda. U min kien hemm fosthom? Wieħed mis-subien li kienu heddewna li jitfgħulna l-ġebel! Issa hu qed jaqdi bħala anzjan f’waħda mill-kongregazzjonijiet fi Brescia. Fl-1955, meta tlaqna minn Brescia, 40 pubblikatur tas-Saltna kienu qed jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar.
Wara dan, qdejna għal tliet snin f’Leghorn (Livorno), fejn ħafna mix-Xhieda kienu nisa. Dan kien ifisser li bħala aħwa nisa, aħna ridna nieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tal-kongregazzjoni li normalment huma inkarigati lill-irġiel. Imbagħad morna Ġenova, fejn konna bdejna fil-bidu, 11-il sena qabel. Sa dakinhar, kien hemm biss kongregazzjoni waħda. Is-Sala tas-Saltna kienet fl-ewwel sular tal-bini fejn kellna l-appartament tagħna.
Hekk kif wasalna Ġenova, jien bdejt studju maʼ mara li żewġha qabel kien boxer u kien jieħu ħsieb gym tal-boxing. Il-mara għamlet progress spiritwali u ma damitx ma saret oħtna Kristjana. Madankollu, ir-raġel tagħha kien jopponi u baqaʼ jagħmel hekk għal żmien twil. Imbagħad hu beda jmur il-laqgħat maʼ martu. Minflok ma kien jidħol is-sala, hu kien joqgħod bil-qiegħda barra jismaʼ. Iktar tard, wara li tlaqna minn Ġenova, sirna nafu li hu talab għal studju tal-Bibbja. Maż-żmien, hu tgħammed u sar indokratur Kristjan dħuli. Hu baqaʼ leali sa mewtu.
Jien studjajt il-Bibbja wkoll maʼ mara li kienet għarusa lil wieħed pulizija. Għall-bidu, hu wera ftit interess, imma wara li żżewġu l-attitudni tiegħu nbidlet. Hu kien jopponiha u hi waqfet tistudja. Meta iktar tard reġgħet bdiet tistudja l-Bibbja, żewġha heddidha u qalilha li jekk xi darba kien se jsibna nistudjaw, hu kien se joqtolna t-tnejn li aħna. Imma hi għamlet progress spiritwali u saret Xhud mgħammda. M’għandniex xi ngħidu, hu qatt ma qatilna. Fil-fatt, xi snin wara, meta kont qed nattendi assemblea f’Ġenova, xi ħadd avviċinani minn warajja, għattieli għajnejja b’idejh, u staqsieni jekk stajtx naqtaʼ min kien. Ma stajtx ma nibkix meta rajt lir-raġel taʼ dik il-mara. Wara li għannaqni, hu qalli li kien issimbolizza d-dedikazzjoni tiegħu lil Ġeħova u li kien tgħammed dakinhar stess!
Mill-1964 sa l-1972, kelli l-privileġġ li mmur maʼ Charles meta kien iżur lill-kongregazzjonijiet ħalli jibnihom spiritwalment. Aħna qdejna kważi fit-tramuntana taʼ l-Italja kollha—fil-Piemonte, fil-Lombardija, u fil-Liguria. Imbagħad erġajna bdejna naqdu bħala pijunieri ħdejn Firenze u iktar tard f’Vercelli. Fl-1977 kien hemm biss kongregazzjoni waħda f’Vercelli, imma meta tlaqna fl-1999, kien hemm tliet kongregazzjonijiet. Dik is-sena jien għalaqt 91 sena, u ġejna mħeġġin biex immorru fid-dar missjunarja f’Ruma, bini żgħir u sabiħ fi nħawi iktar kwieti.
Okkażjoni Oħra taʼ Dwejjaq
F’Marzu taʼ l-2002, Charles, li dejjem kellu saħħtu tajba, marad ħabta u sabta. Saħħtu marret għall-agħar sakemm miet fil-11 taʼ Mejju, 2002. Għal 71 sena bkejna flimkien matul żminijiet koroh u fraħna flimkien meta rċivejna barkiet. Il-mewt tiegħu kienet telfa kbira u mimlija niket għalija.
Ħafna drabi nġib quddiem għajnejja lil Charles liebes il-ġlekk, il-qalziet, u l-kappell tiegħu tas-snin tletin. Nara t-tbissima tiegħu, jew bħallikieku nkun qed nismaʼ d-daħqa familjari tiegħu. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova u grazzi għall-imħabba taʼ ħafna aħwa rġiel u nisa Kristjani għeżież, għadu qed jirnexxili nissaporti dan iż-żmien ikrah. Qed nistenna bil-ħerqa dak iż-żmien meta se nerġaʼ nara lil Charles.
Inkompli fis-Servizz Tiegħi
L-aħjar ħaġa li qatt kelli f’ħajti kienet is-servizz lill-Ħallieq tiegħi. Matul is-snin, jien ‘ippruvajt u rajt kemm hu tajjeb il-Mulej.’ (Salm 34:9 [34:8, NW]) Ħassejt l-imħabba tiegħu u esperjenzajt kemm jieħu ħsiebi. Għalkemm tlift it-tarbija tiegħi, Ġeħova tani ħafna tfal spiritwali—imxerrdin maʼ l-Italja kollha—li ġabu ferħ lili u lilu.
L-iktar ħaġa li nħobb nagħmel hi li nitkellem m’oħrajn dwar il-Ħallieq tiegħi. Huwa għalhekk li jien għadni nippriedka u nikkonduċi studji tal-Bibbja. Kultant jiddispjaċini li ma nistax nagħmel iktar minħabba saħħti. Imma nirrealizza li Ġeħova jaf il-limitazzjonijiet tiegħi u li hu jħobbni u japprezza dak li nistaʼ nagħmel. (Marku 12:42) Jien nistinka biex napplika l-kliem taʼ Salm 146:2: “Nfaħħar il-Mulej tul ħajti kollha; ngħanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.”c
[Noti taʼ taħt]
a L-esperjenza taʼ ħija Angelo Catanzaro ġiet pubblikata fil-Watchtower taʼ l-1 t’April, 1975, paġni 205-7.
b Għall-bijografija tagħha, ara The Watchtower taʼ l-1 taʼ Mejju, 1971, paġni 277-80.
c Oħtna Benanti mietet fis-16 taʼ Lulju, 2005, meta kien qed jiġi mħejji dan l-artiklu. Kellha 96 sena.
[Stampa f’paġna 13]
Camille
[Stampa f’paġna 14]
Fil-ġurnata tat-tieġ tagħna, 1931
[Stampa f’paġna 14]
Ommi, li għall-bidu ma kinitx interessata, qablet li aħna lkoll għandna nistudjaw il-Bibbja
[Stampa f’paġna 15]
Maʼ Ħuna Knorr fil-gradwazzjoni taʼ Gilgħad, fl-1946
[Stampa f’paġna 17]
Maʼ Charles ftit qabel mewtu