Ma Konniex Beżgħanin—Ġeħova Kien Magħna
Kif rakkontata minn Egỵptia Petridou
Fl-1972, ix-Xhieda madwar Ċipru nġabru f’Nicosia biex jisimgħu taħdita speċjali minn Nathan H. Knorr, li għal ħafna snin sa dakinhar kien ħa t-tmexxija fix-xogħol tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Hu mill-ewwel għarafni, u saħansitra qabel ma kelli ċans nintroduċi ruħi, staqsieni: “Għandek xi aħbarijiet mill-Eġittu?” Jien kont iltqajt maʼ Ħuna Knorr 20 sena qabel fil-belt taʼ Lixandra fejn kont ngħix ġo l-Eġittu.
JIEN twilidt f’Lixandra fit-23 taʼ Jannar, 1914, l-akbar fost erbat itfal. Trabbejna tefgħa taʼ ġebla ’l bogħod mill-baħar. Dak iż-żmien Lixandra kienet belt sabiħa b’ħafna razez u kulturi differenti, magħrufa għall-arkitettura u l-istorja tagħha. Minħabba li l-Ewropej tħalltu maʼ l-Għarab, aħna t-tfal tgħallimna nitkellmu bil-Franċiż, bl-Għarbi, bl-Ingliż, u bit-Taljan, kif ukoll bil-lingwa tal-familja tagħna, il-Grieg.
Wara li ggradwajt mill-iskola, sibt xogħol f’ħanut tal-ħwejjeġ tal-moda Franċiża, fejn kont nieħu pjaċir niddisinja u nħit ilbiesi eleganti għan-nisa taʼ klassi għolja fis-soċjetà. Jien kont ukoll bniedma reliġjuża ħafna u kont nieħu gost naqra l-Bibbja, avolja ftit li xejn kont nifhem minn dak li kont naqra.
Madwar dan iż-żmien—f’nofs is-snin 30—iltqajt maʼ żagħżugħ mill-aħjar li kien minn Ċipru. Theodotos Petrides, wrestler mill-aqwa, imma li kien tgħallem ukoll is-sengħa taʼ dolċier u kien jaħdem f’ħanut magħruf tal-pasti. Theodotos ħa grazzja miegħi, tfajla magħmula żgħira b’xagħarha skur. Spiss kien jiġi jkantali kanzunetti Griegi romantiċi taħt it-tieqa tiegħi. Iżżewwiġna fit-30 taʼ Ġunju, 1940. Dak kien żmien sabiħ. Konna ngħixu f’appartament taħt l-appartament t’ommi. L-ewwel tifel tagħna, John, twieled fl-1941.
Nitgħallmu Veritajiet Bibliċi
Għal xi żmien, Theodotos kien ħassu li ma kienx kuntent bir-reliġjon li konna nħaddnu, u beda jistaqsi xi mistoqsijiet dwar il-Bibbja. Mingħajr ma kont naf, ix-Xhieda taʼ Ġeħova kienu bdew jistudjaw il-Bibbja miegħu. Darba minnhom, waqt li kont id-dar bit-tarbija tagħna, waħda mara ħabbtitli l-bieb u tatni kard tat-testimonjanza b’messaġġ mill-Bibbja. Biex inkun edukata, waqaft u bdejt naqraha. Imbagħad offrietli xi letteratura mill-Bibbja. Lanqas temmen, kienu l-istess kotba li Theodotos kien ġab miegħu d-dar!
“Iva, għandi dawn il-kotba,” jien għedtilha. “Jekk jogħġbok idħol ftit.” Lanqas laħqet daħlet li ma bdejtx nistaqsi lil din ix-Xhud, Eleni Nicolaou, mistoqsija wara l-oħra. Bil-paċenzja kollha, hi użat il-Bibbja biex twiġibni. Jien ħadt pjaċir. F’daqqa waħda, bdejt nifhem il-messaġġ tal-Bibbja. Matul pawsa li kellna fil-konversazzjoni tagħna, Eleni għarfet ritratt tar-raġel tiegħi. “Dak ir-raġel nafu!” qalet. Is-sigriet taʼ Theodotos inkixef. Jien inħsadt. Theo kien qed imur il-laqgħat Kristjani mingħajri—saħansitra mingħajr ma qalli! Meta Theodotos ġie d-dar dakinhar għedtlu: “Dak il-post li mort nhar il-Ħadd li għadda—din il-ġimgħa jien ġejja miegħek!”
Fl-ewwel laqgħa li mort, grupp taʼ madwar għaxra min-nies kienu qed jiddiskutu l-ktieb Bibliku taʼ Mikea. Jien daħħalt f’qalbi dak kollu li smajt! Minn dakinhar ’l hemm, kull nhar taʼ Ġimgħa fil-għaxija George u Katerini Petraki kienu jżuruna sabiex jistudjaw il-Bibbja magħna. Missieri u ħafna minn ħuti opponew l-istudju tagħna max-Xhieda, imma oħti kienet tolleranti, avolja qatt ma saret Xhud. Madankollu, ommi ħaddnet il-verità tal-Bibbja. Fl-1942, ommi, Theodotos, u jien tgħammidna fil-baħar f’Lixandra b’simbolu tad-dedikazzjoni tagħna lil Ġeħova.
Ħajjitna Titħarbat
Fl-1939, bdiet it-tieni gwerra dinjija, u din ma damitx ma ħraxet. Sal-bidu tas-snin 40, il-Ġeneral Ġermaniż Erwin Rommel u t-truppi tiegħu bit-tankijiet tal-gwerra kienu f’El Alamein, post fil-viċin, u Lixandra kienet mimlija b’nies militari tal-Britannja. Aħna bdejna naħżnu l-ikel. Imbagħad, Theodotos intalab jieħu ħsieb ħanut ġdid tal-ħelu li l-imgħallem tiegħu kellu f’Port Taufiq viċin is-Swejz, u għalhekk morna noqogħdu hemmhekk. Żewġ Xhieda li kienu jitkellmu bil-Grieg ġew ifittxuna. Għalkemm ma kinux jafu l-indirizz tagħna, huma ppridkaw minn dar għal dar sakemm sabuna.
Sakemm konna f’Port Taufiq, studjajna l-Bibbja maʼ Stavros u Giula Kypraios u t-tfal tagħhom, Totos u Georgia, u huma saru ħbieb kbar tagħna. Stavros tant kien jieħu pjaċir jistudja l-Bibbja li hu kien idawwar l-arloġġi kollha tad-dar tiegħu siegħa lura ħalli nitilfu l-aħħar ferrovija lura d-dar, u b’hekk indumu hemm iktar. Id-diskussjonijiet tagħna kienu jibqgħu sejrin sa tard bil-lejl.
Domna sena u nofs ngħixu f’Port Taufiq, imbagħad morna lura Lixandra meta ommi mardet. Hi mietet leali lejn Ġeħova fl-1947. Għal darb’oħra, ħassejna kif Ġeħova saħħaħna permezz tas-sħubija inkuraġġanti taʼ ħbieb Kristjani maturi. Aħna stajna wkoll nuru ospitalità lill-missjunarji li kienu fi triqithom lejn l-inkarigi tagħhom f’pajjiżi barranin meta l-vapuri li kienu qed ibaħħru fuqhom kienu jidħlu għal ftit fil-port taʼ Lixandra.
Ferħ u Inkwiet
Fl-1952, twieled it-tieni tifel tagħna, James. Bħala ġenituri, aħna rrikonoxxejna l-importanza li rrabbu t-tfal tagħna f’ambjent li fih setgħu jibbenefikaw spiritwalment, u għalhekk fid-dar tagħna kellna arranġamenti għal studju regulari tal-Bibbja u spiss konna nistiednu l-aħwa fis-servizz full-time. Għalhekk, it-tifel il-kbir tagħna, John, żviluppa mħabba għall-verità tal-Bibbja, u waqt li kien għadu żagħżugħ beda x-xogħol taʼ pijunier. Fl-istess ħin, hu kien jattendi l-iskola taʼ fil-għaxija ħalli jtemm l-edukazzjoni sekulari.
Ftit wara, sirna nafu li Theodotos kellu kundizzjoni serja tal-qalb u ngħata l-parir biex jieqaf jagħmel it-tip taʼ xogħol li kien qed jagħmel. It-tifel tagħna James kellu biss erbaʼ snin. X’konna se nagħmlu? Ma kienx Ġeħova wiegħed: “La tibżax, għax miegħek jien”? (Is. 41:10) Immaġina x’sorpriża ħadna u kemm kien taʼ ferħ għalina meta fl-1956 ġejna mistidnin biex naqdu bħala pijunieri f’Ismailia, viċin il-Kanal tas-Swejz! Is-snin taʼ wara kienu żminijiet diffiċli fl-Eġittu, u ħutna l-Kristjani kellhom bżonn l-inkuraġġiment.
Fl-1960, kellna nitilqu mill-Eġittu b’bagalja waħda kull wieħed. Morna noqogħdu Ċipru, il-gżira minfejn kien ġej ir-raġel tiegħi. Sa dan iż-żmien, Theodotos kien marid sew u ma setax jaħdem. Madankollu, ħu Kristjan qalbu tajba u l-mara tiegħu offrewlna noqogħdu f’dar li kellhom. B’dispjaċir, sentejn wara żewġi miet, u jien spiċċajt waħdi maʼ James, li kien għadu żgħir. John, li wkoll kien ġie joqgħod Ċipru, kien iżżewweġ u kellu l-familja tiegħu x’jieħu ħsieb.
Ħadu Ħsiebna fi Żmien Diffiċli
Imbagħad, Stavros u Dora Kairis qalulna li stajna noqogħdu magħhom. Inżilt għarkopptejja u rringrazzjajt lil Ġeħova talli għal darb’oħra ħa ħsieb il-bżonnijiet tagħna. (Salm 145:16) Meta Stavros u Dora ddeċidew li jbigħu d-dar tagħhom u jibnu dar ġdida b’Sala tas-Saltna fl-ewwel sular, b’qalb tajba huma bnew żewġ kmamar oħra għalija u għal James.
Eventwalment, James iżżewweġ, u hu u martu qdew bħala pijunieri sakemm kellhom l-ewwel tarbija. Iktar tard kellhom tlett itfal oħra. Fl-1974, sentejn wara ż-żjara memorabbli taʼ Ħuna Knorr, f’Ċipru nqalaʼ xi inkwiet politiku.a Ħafna nies, inkluż xi Xhieda, ħarbu minn djarhom u reġgħu bdew ħajja mill-ġdid xi mkien ieħor. Ibni John kien wieħed minnhom. Hu mar jgħix il-Kanada maʼ martu u t-tliet uliedu. Madankollu, fl-istess perijodu, konna ferħanin meta rajna ż-żjieda fin-numru taʼ pubblikaturi tas-Saltna f’Ċipru.
Meta bdejt nieħu l-pensjoni, setaʼ jkolli sehem akbar fil-ministeru. Imma xi ftit tas-snin ilu, tatni puplesija ħafifa u kelli mmur noqgħod maʼ ibni James u l-familja tiegħu. Iktar tard, meta saħħti marret lura, kelli nidħol l-isptar għal diversi ġimgħat, u mbagħad mort noqgħod f’dar tax-xjuħ. Minkejja l-uġigħ li ma jaqtaʼ qatt, jien nagħti xiehda lil dawk li jaħdmu hemm, lill-pazjenti, u lil dawk li jiġu jżuru lill-pazjenti. Inqattaʼ ħafna ħin nistudja waħdi u bl-għajnuna mimlija qalb tajba taʼ ħuti spiritwali, jirnexxili nattendi l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni li qiegħed fil-viċin.
Faraġ fi Xjuħiti
Jien nitfarraġ meta nismaʼ dwar uħud li jien u Theodotos kellna l-privileġġ li ngħinuhom. Ħafna minn uliedhom u t-tfal tat-tfal tagħhom qed jaqdu fil-ministeru full-time—xi wħud fl-Awstralja, il-Greċja, l-Ingilterra, l-Isvizzera, u l-Kanada. Illum, ibni John u l-mara tiegħu jgħixu l-Kanada mat-tifel tagħhom. It-tifla l-kbira tagħhom u r-raġel tagħha huma pijunieri. It-tifla ż-żgħira tagħhom u r-raġel tagħha, Linda u Joshua Snape, ġew mistidnin biex jattendu l-124 klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead).
Ibni James u l-mara tiegħu issa qed jgħixu l-Ġermanja. Tnejn minn uliedhom qed jaqdu f’Betel—wieħed f’Ateni, il-Greċja, u l-ieħor f’Selters, il-Ġermanja. It-tifel iż-żgħir tagħhom, it-tifla tagħhom, u żewġha jaqdu bħala pijunieri fil-Ġermanja.
Kemm għandna stejjer x’nirrakkontawlhom lil ommi u lill-għażiż Theodotos meta jerġgħu jiġu rxoxtati! Huma se jkunu ferħanin ħafna la jkunu jafu x’wirt spiritwali mill-aqwa ħallew lill-familja tagħhom.b
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-Awake! tat-22 t’Ottubru, 1974, paġni 12-15.
b Sakemm kien qed jitħejja dan l-artiklu għal din il-pubblikazzjoni, Oħtna Petridou mietet fl-età taʼ 93 sena.
[Kumment f’paġna 24]
Għal darba oħra, ħassejna kif Ġeħova saħħaħna permezz tas-sħubija inkuraġġanti taʼ ħbieb Kristjani maturi
[Mappa f’paġna 23]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara l-pubblikazzjoni)
ĊIPRU
NICOSIA
IL-BAĦAR MEDITERRAN
EĠITTU
KAJR
Lixandra
El Alamein
Ismailia
Swejz
Il-Port Taufiq
Il-Kanal tas-Swejz
[Sors]
Based on NASA/Visible Earth imagery
[Stampa f’paġna 23]
Maʼ Theodotos fl-1938
[Stampa f’paġna 25]
Ibni James maʼ martu
[Stampa f’paġna 25]
Ibni John maʼ martu