Tiflaħ Iktar mid-Deheb Fin
ID-DEHEB huwa mfittex ħafna għas-sbuħija tiegħu u għax ma jispiċċax malajr. Huwa mixtieq ħafna għax jibqaʼ jleqq u bla tbajjaʼ x’aktarx għal dejjem. Dan għaliex id-deheb jiflaħ għall-ilma, l-ossiġnu, il-kubrit, u kważi għal kull ħaġa oħra. Ħafna oġġetti tad-deheb li nstabu f’vapuri mgħarrqa u f’postijiet oħra xorta baqgħu jleqqu anki wara mijiet taʼ snin.
Taʼ interess, madankollu, il-Bibbja tgħid li hemm xi ħaġa li tiflaħ iktar u “li tiswa aktar mid-deheb li jintemm, u li hu ppruvat bin-nar.” (1 Pietru 1:7, Saydon) Id-deheb “ippruvat,” jew irfinut, bin-nar u b’metodi oħrajn jistaʼ jsir pur sa 99.9 fil-mija. Madankollu, anki d-deheb irfinut jintemm, jew jinħall, meta jiġi f’kuntatt maʼ l-aqua regia (royal water), taħlita li fiha tliet kwarti aċidu idrokloriku u kwart aċidu nitriku. Għalhekk, il-Bibbja hija korretta xjentifikament meta tgħid li ‘d-deheb jintemm.’
B’kuntrast, fidi Kristjana vera ssalva ’l dak li jkun. (Lhud 10:39) Il-bnedmin jistgħu joqtlu persuna li għandha fidi b’saħħitha, bħalma għamlu lil Ġesù Kristu. Imma dawk li għandhom fidi ġenwina jingħataw din il-wegħda: “Ibqaʼ fidil sal-mewt, u jien nagħtik il-kuruna tal-ħajja.” (Apokalissi 2:10) Dawk li juru fidi sal-mewt jibqgħu fil-memorja t’Alla, u hu se jirxoxtahom. (Ġwann 5:28, 29) L-ebda ammont taʼ deheb ma jistaʼ jagħmel dan. Verament, f’dan l-aspett, il-fidi tiswa ħafna iktar mid-deheb. Sabiex il-fidi jkollha valur daqshekk mill-aqwa, trid tgħaddi mill-provi, jew mit-tiġrib. Fil-fatt, Pietru qal li huwa dan ‘it-tiġrib tal-fidi’ li jiswa iktar mid-deheb. Ix-Xhieda taʼ Jehovah bil-qalb kollha lesti jgħinuk tistudja l-Bibbja sabiex int trawwem u żżomm fidi soda f’dak Alla veru, Jehovah, u f’Ibnu, Ġesù Kristu. Skond Ġesù, din tfisser “il-ħajja taʼ dejjem.”—Ġwann 17:3.