Darba Konna Lpup—Issa Sirna Nagħaġ!
Meta jien u Sakina konna żgħar, konna ġirien. Sakina kien fiha tifla u jien kont magħmula żgħira u rqiqa. Spiss konna nitlewmu u ngħajru lil xulxin, iżda darba kellna ġlieda serja. Minn dak in-nhar ’il quddiem, la qatt erġajna tkellimna u lanqas sellimna lil xulxin. Maż-żmien, it-tnejn li aħna morna noqogħdu xi mkien ieħor u ma bqajniex f’kuntatt.
Fl-1994 bdejt nistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, u bil-mod il-mod il-personalità tiegħi nbidlet. Erbaʼ snin wara meta kont qed nattendi għall-jum t’assemblea speċjali tagħna f’Bujumbura, il-Burundi, bqajt mistagħġba meta ltqajt maʼ Sakina. Ħadt pjaċir li kienet hemm, iżda t-tislima tagħna kienet daqsxejn bierda. Iktar tard dak in-nhar, ma stajtx nemmen lil għajnejja meta rajtha hemm fost il-kandidati għall-magħmudija! Hi wkoll kienet inbidlet kompletament. Ma kinitx għadha dik il-persuna ġellieda li magħha spiss kont nargumenta. Kemm ħadt gost x’ħin rajtha tagħti evidenza pubblika tad-dedikazzjoni tagħha lil Alla billi tissottometti ruħha għall-magħmudija taʼ l-ilma!
Meta telgħet mill-ilma, mort niġri biex ngħannaqha u b’leħen baxx għedtilha f’widnitha: “Tiftakar kemm konna niġġieldu?” “Iva,” qaltli, “niftakar, imma dak kien fil-passat. Issa jien persuna ġdida.”
Aħna t-tnejn ferħanin li sibna l-verità tal-Bibbja li tgħaqqad lin-nies. Din għenitna nbiddlu l-personalitajiet tagħna qishom taʼ lpup għal dawk bħal taʼ nagħaġ li jappartjenu lir-Ragħaj il-Kbir, Alla Jehovah. Verament, il-verità tal-Bibbja tbiddel il-ħajjiet.