LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 9/1 pp. 14-18
  • Kif Tistaʼ l-Paċi taʼ Kristu Jkollha l-Kontroll fi Qlubna?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tistaʼ l-Paċi taʼ Kristu Jkollha l-Kontroll fi Qlubna?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Meta Niffaċċjaw l-​Inġustizzji
  • Meta Ninħakmu mill-​Ansjetà
  • Negħlbu l-​Limitazzjonijiet Tagħna
  • Magħqudin fil-​Paċi taʼ Kristu
  • Itfgħu l-​ansjetà kollha tagħkom fuq Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Itfaʼ l-Anzjetà Kollha Tiegħek fuq Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Ħalli “l-Paċi t’Alla” Tgħasses lil Qalbek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • X’tgħid il-Bibbja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 9/1 pp. 14-18

Kif Tistaʼ l-​Paċi taʼ Kristu Jkollha l-​Kontroll fi Qlubna?

“Ħalli s-​sliem taʼ Kristu jsaltan [‘jikkontrolla,’ “NW”] fi qlubkom, dak is-​sliem li għalih kontu msejjħa biex issiru ġisem wieħed.”—KOLOSSIN 3:15.

1, 2. “Is-​sliem taʼ Kristu” b’liema mod għandu l-​kontroll fil-​qalb taʼ Kristjan?

IL-​KELMA kontroll tinstemaʼ kerha għal ħafna nies għax din tfakkarhom f’min iħobb jaħqar u juża lin-​nies għall-​iskopijiet tiegħu. It-​twissija li Pawlu jagħti lil sħabu Kristjani f’Kolossi biex iħallu l-​paċi taʼ Kristu tikkontrolla fi qlubhom, forsi tinstemaʼ li m’hijiex raġunevoli għal xi wħud. (Kolossin 3:15) Mhux kulħadd għandu l-​libertà taʼ l-​għażla? Għala għandna nħallu lil xi ħaġa jew lil xi ħadd ikollu l-​kontroll fi qlubna?

2 Pawlu ma kienx qed jgħid lill-​Kolossin biex iċedu l-​libertà taʼ l-​għażla. It-​terminu Grieg tradott “kontroll” f’Kolossin 3:15 għandu konnessjoni mal-​kelma arbitru, l-​uffiċjal li kien jippremja lill-​atleti fil-​kompetizzjonijiet tal-​qedem. Il-​kompetituri kellhom ċertu ammont taʼ libertà, basta ma jiksrux ir-​regoli tal-​logħba, imma fl-​aħħar mill-​aħħar, kien l-​arbitru li jiddeċiedi min kien segwa r-​regoli u minħabba f’hekk ikun rebaħ il-​kompetizzjoni. Bl-​istess mod, aħna għandna l-​libertà li nieħdu ħafna deċiżjonijiet fil-​ħajja, imma waqt li nagħmlu dan, is-​sliem taʼ Kristu dejjem għandu jkun “arbitru”—jew kif jittraduċiha Edgar J. Goodspeed, “il-​prinċipju li jaħkem” fi qlubna.

3. X’inhu “s-​sliem taʼ Kristu”?

3 X’inhu dan “is-​sliem taʼ Kristu”? Hu stat taʼ trankwillità, kalma minn ġewwa, li aħna niksbu meta nsiru dixxipli taʼ Ġesù u nsiru nafu li aħna maħbubin u approvati minn Alla Jehovah u minn Ibnu. Meta Ġesù kien wasal biex iħalli lid-​dixxipli tiegħu, hu qalilhom: “Nagħtikom is-​sliem tiegħi . . . Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżżaʼ.” (Ġwann 14:27) Għal kważi 2,000 sena, il-​membri midlukin tal-​ġisem taʼ Kristu gawdew din il-​paċi, u llum sħabhom, in-​“nagħaġ oħra,” qed igawduha wkoll. (Ġwann 10:16) Din il-​paċi għandha tkun qawwa li tikkontrolla fi qlubna. Meta nkunu għaddejjin minn xi prova ħarxa, din tistaʼ tgħinna biex ma nħallux il-​biżaʼ jegħlibna jew iġagħalna ninkwetaw bla bżonn. Ejja naraw kemm hu minnu dan meta niffaċċjaw l-​inġustizzji, meta ninħakmu mill-​ansjetà, u meta nħossuna li m’aħniex denji.

Meta Niffaċċjaw l-​Inġustizzji

4. (a) Ġesù x’esperjenza kellu taʼ l-​inġustizzja? (b) Il-​Kristjani kif aġixxew meta sfaw vittmi taʼ l-​inġustizzji?

4 Is-​Sultan Salamun għamel din l-​osservazzjoni: “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-​ħsara.” (Koħèlet 8:9) Ġesù kien jaf kemm kien minnu dan il-​kliem. Waqt li kien fis-​sema, hu ra l-​inġustizzji kbar li l-​bnedmin kienu qed jagħmlu lil xulxin. Fuq l-​art, hu sofra personalment l-​akbar inġustizzja li qatt saret meta hu, bniedem bla dnub, ġie akkużat li qal dagħwa u kkundannawh għall-​mewt bħala kriminal. (Mattew 26:​63-66; Mark 15:27) Illum għadhom isiru ħafna inġustizzji, u l-​Kristjani veri tgħidx kemm sofrew, għax huma ‘mibgħudin mill-​ġnus kollha.’ (Mattew 24:9) Madankollu, minkejja l-​esperjenzi tal-​biżaʼ fil-​kampijiet tal-​konċentrament tan-​Nazi u fil-​kampijiet taʼ xogħol iebes tas-​Sovjetiċi, minkejja li sfaw vittmi t’attakki vjolenti minn marmalji, t’akkużi foloz, u gideb li qalgħu kontrihom, il-​paċi taʼ Kristu dejjem żammithom sodi. Huma imitaw lil Ġesù, li dwaru naqraw: “Meta għajjruh ma weġibx bit-​tagħjir; meta bata ma heddidx imma ħalla f’idejn l-​Imħallef ġust.”—1 Pietru 2:23.

5. Meta nisimgħu b’xi inġustizzja li naħsbu li tkun saret fil-​kongregazzjoni, x’għandna nikkunsidraw qabel kollox?

5 Fuq skala ferm iktar żgħira, għandu mnejn li aħna naħsbu li xi ħadd ma ġiex trattat b’ġustizzja fil-​kongregazzjoni Kristjana. F’dan il-​każ, nistgħu nħossuna bħalma ħassu l-​appostlu Pawlu, li qal: “Min hu dak li jsib min ifixklu, u jien ma nħossnix imbaqbaq?” (2 Korintin 11:29) X’nistgħu nagħmlu? Aħna għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘Veru li saret inġustizzja?’ Taʼ spiss ma nkunux nafu l-​fatti kollha. Forsi qed naġixxu b’dan il-​mod wara li nkunu smajna xi ħaġa mingħand xi ħadd li jgħid li jaf eżatt x’ġara u ma ġarax. Mela mhux taʼ b’xejn li l-​Bibbja tgħid: “Min hu [“bla esperjenza,” NW] jemmen kollox.” (Proverbji 14:15) Għalhekk, hemm bżonn li noqogħdu attenti.

6. Kif nistgħu nirreaġixxu għal dawk li jidhru qishom inġustizzji fil-​kongregazzjoni?

6 Iżda, nassumu li aħna personalment sfajna vittma taʼ dik li kienet tidher qisha inġustizzja. Xi ħadd li jkollu l-​paċi taʼ Kristu f’qalbu kif jirreaġixxi? Għandu mnejn inħossu li għandna nkellmu lill-​individwu li naħsbu li għamlilna din l-​inġustizzja. Wara dan, minflok ma niddiskutu l-​kwistjoni maʼ kulmin ikun lest li jismagħna, għala ma nħallux kollox f’idejn Jehovah waqt li nitolbuh dwarha u nuru fiduċja fih li hu żgur se jieħu ħsieb li ssir il-​ġustizzja? (Salm 9:11 [9:​10, NW]; Proverbji 3:5) Jistaʼ jagħti l-​każ li meta nagħmlu hekk, se nkunu kuntenti li nsolvu l-​kwistjoni f’qalbna u ‘nibqgħu siekta.’ (Salm 4:5 [4:​4, NW]) Fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi, tapplika din it-​twissija taʼ Pawlu: “Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-​Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.”—Kolossin 3:13.

7. X’għandna dejjem niftakru meta nittrattaw maʼ ħutna?

7 Iżda, nagħmlu x’nagħmlu rridu niftakru li waqt li aħna ma nistgħux nikkontrollaw dak li ġara, nistgħu nikkontrollaw ir-​reazzjoni tagħna. Meta naħsbu li saret xi inġustizzja u nitilfu l-​bilanċ, dan jistaʼ jkollu effett taʼ ħsara fuq il-​paċi tagħna iktar milli jkollha l-​inġustizzja nfisha. (Proverbji 18:14) Nistgħu saħansitra nitfixklu u ma nibqgħux nassoċjaw mal-​kongregazzjoni sakemm naraw li tkun saret ġustizzja. Is-​salmista kiteb li għal dawk li jħobbu l-​liġijiet taʼ Jehovah “ma hemm ebda tfixkil.” (Salm 119:165) Il-​verità hi, li kulħadd isofri mill-​inġustizzji xi darba jew oħra. Qatt tħalli xi esperjenza kerha ttellfek milli taqdi lil Jehovah. Minflok, ħalli l-​paċi taʼ Kristu jkollha kontroll f’qalbek.

Meta Ninħakmu mill-​Ansjetà

8. X’inhuma xi affarijiet li jikkaġunaw l-​ansjetà, u l-​ansjetà għal xiex tistaʼ twassal?

8 L-​ansjetà hija parti mill-​ħajja f’dawn l-​aħħar jiem. (2 Timotju 3:1) Veru li Ġesù qal: “Tinkwetawx ruħkom [jew, tkunux ansjużi] għall-​ħajja, x’se tieklu, anqas għall-​ġisem, x’se tilbsu.” (Luqa 12:22) Imma mhux l-​ansjetà kollha tiġi minħabba tħassib fuq l-​affarijiet materjali. Lot kien “mifni” minħabba l-​ħażen taʼ Sodoma. (2 Pietru 2:7) Pawlu tgħidx kemm kellu ansjetà dwar il-​kongregazzjonijiet kollha. (2 Korintin 11:28) Ġesù tant kien f’agunija fil-​lejl taʼ qabel mewtu li “l-​għaraq sarlu bħal qtar tad-​demm iċarċar sa l-​art.” (Luqa 22:44) Jidher ċar li mhux l-​ansjetà kollha hija evidenza taʼ fidi dgħajfa. Madankollu, hu x’inhu dak li jikkaġuna l-​ansjetà, jekk din tkun qawwija u tieħu fit-​tul, tistaʼ tisirqilna l-​paċi. L-​ansjetà ħakmet lil xi wħud, u ġagħlithom iħossuhom m’humiex kapaċi jkomplu jlaħħqu mar-​responsabbiltajiet involuti biex jaqdu lil Jehovah. Il-​Bibbja tgħid: “L-​inkwiet [“tħassib ansjuż,” NW] ikiddha qalb il-​bniedem.” (Proverbji 12:25) Allura, x’nistgħu nagħmlu jekk aħna nħossuna mkiddin bl-​ansjetà?

9. X’inhuma xi passi prattiċi li nistgħu nieħdu biex intaffu l-​ansjetà, imma liema affarijiet li jikkaġunaw l-​ansjetà ma nistgħux neħilsu minnhom?

9 F’xi sitwazzjonijiet, forsi nkunu nistgħu nieħdu passi prattiċi. Jekk l-​ansjetà tkun ġejja minn xi problema taʼ saħħa, nagħmlu tajjeb li nieħdu l-​passi meħtieġa biex insolvuha, għalkemm din għandha tkun deċiżjoni persunali.a (Mattew 9:12) Jekk inħossuna mtaqqlin minn ħafna responsabbiltajiet, forsi jkun possibbli għalina li nerħu xi ftit minnhom f’idejn ħaddieħor. (Eżodu 18:​13-23) Iżda, xi ngħidu għal dawk—bħall-​ġenituri—li għandhom responsabbiltajiet kbar li ma jistgħux jitħallew f’idejn ħaddieħor? Xi ngħidu dwar Kristjan li s-​sieħba tiegħu topponilu? Xi ngħidu jekk familja għandha problemi finanzjarji serji jew qed tgħix f’pajjiż mifni bil-​gwerra? Huwa ovvju li ma nistgħux neħilsu minn kull ħaġa li tikkaġunalna l-​ansjetà f’din is-​sistema t’affarijiet. Però, xorta nistgħu nħarsu l-​paċi taʼ Kristu fi qlubna. Kif?

10. Liema żewġ modi hemm li bihom Kristjan jistaʼ jfittex serħan mill-​ansjetà?

10 Mod wieħed hu li tfittex il-​faraġ permezz tal-​Kelma t’Alla. Is-​Sultan David kiteb: “Meta joktor l-​hemm ġo qalbi, il-​faraġ tiegħek hennieli ruħi.” (Salm 94:19) Il-​“faraġ” taʼ Jehovah jinstab fil-​Bibbja. Jekk infittxu regolarment f’dan il-​Ktieb imnebbaħ, inkunu nistgħu niġu megħjunin biex inħarsu l-​paċi taʼ Kristu fi qlubna. Il-​Bibbja tistqarr: “Ħalli [“t-​tagħbija tiegħek,” KŻ] f’idejn il-​Mulej, u hu jgħinek u jwieżnek; hu qatt ma jħalli l-​ġust jitfixkel.” (Salm 55:23 [55:​22, NW]) Pawlu kellu l-​istess ħsieb meta kiteb: “Tħabbtu raskom b’xejn [jew, tkunux ansjużi]. Fit-​talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.” (Filippin 4:​6, 7) Talb sinċier u regulari se jgħinna nħarsu l-​paċi tagħna.

11. (a) Ġesù kif tana eżempju mill-​aħjar dwar it-​talb? (b) Kif għandna nqisuh it-​talb?

11 Ġesù kien eżempju eċċellenti f’dan. Kien hemm żmien meta kien idum is-​sigħat jitlob u jitkellem maʼ Missieru tas-​sema. (Mattew 14:23; Luqa 6:12) It-​talb għenu jissaporti l-​iktar provi ħorox. Fil-​lejl taʼ qabel mewtu, id-​dwejjaq li ħass kienu tassew kbar. Kif irreaġixxa? Hu talab “b’ħerqa akbar.” (Luqa 22:44) Iva, l-​Iben perfett t’Alla kien bniedem li jitlob. Mela, kemm iktar aħna, is-​segwaċi imperfetti tiegħu, għandna niħduha drawwa li nitolbu! Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu biex “dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu.” (Luqa 18:1) It-​talb huwa komunikazzjoni reali u essenzjali maʼ Dak li jafna iktar milli nafu lilna nfusna. (Salm103:14) Jekk irridu li nħarsu l-​paċi taʼ Kristu fi qlubna, aħna għandna ‘nitolbu bla heda.’—1 Tessalonikin 5:17.

Negħlbu l-​Limitazzjonijiet Tagħna

12. X’jistgħu jkunu r-​raġunijiet għala wieħed għandu mnejn iħossu mhux denju biżżejjed?

12 Jehovah jqis lil kull wieħed u waħda mill-​qaddejja tiegħu bħala teżor, xi ħaġa prezzjuża. (Ħaggaj 2:​7, Saydon) Minkejja dan, ħafna jsibuha diffiċli li jaċċettawha din. Xi wħud jistgħu jħossuhom skuraġġiti minħabba l-​età, l-​obbligi tal-​familja li dejjem jiżdiedu, jew minħabba li saħħithom tkun qed tmajna. Oħrajn għandhom mnejn iħossuhom żvantaġġati minħabba li jkunu ġejjin minn ambjent li ma tantx hu sabiħ. Jerġaʼ oħrajn għandhom mnejn ikunu mdejqin minħabba xi żbalji li jkunu għamlu fil-​passat, billi ma jħossux li Jehovah qatt jistaʼ jaħfrilhom taʼ dak li jkunu għamlu. (Salm 51:5 [51:​3, NW]) X’jistaʼ jsir meta xi ħadd iħossu hekk?

13. Liema faraġ hemm għal dawk li ma jħossuhomx denji biżżejjed?

13 Il-​paċi taʼ Kristu se tiżgurana mill-​imħabba taʼ Jehovah. Jistaʼ jerġaʼ jkollna din il-​paċi fi qlubna billi nirriflettu fuq il-​fatt li Ġesù qatt ma qal li hu jkejjel kemm niswew billi jqabbel dak li nagħmlu aħna maʼ dak li jagħmel ħaddieħor. (Mattew 25:​14, 15; Mark 12:​41-44) Hu enfasizza li l-​lealtà hija l-​iktar ħaġa importanti. Lid-​dixxipli qalilhom: “Min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-​aħħar, dan isalva.” (Mattew 24:13) Ġesù nnifsu kien “imżeblaħ” mill-​bnedmin, madankollu ma kellu ebda dubju li Missieru kien iħobbu. (Isaija 53:3; Ġwann 10:17) U lid-​dixxipli tiegħu qalilhom li huma wkoll kienu maħbubin. (Ġwann 14:21) Biex jenfasizza dan, Ġesù qal: “Żewġ għasafar tal-​bejt m’hux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-​art mingħajr ir-​rieda taʼ missierkom. Intom imbagħad sa x-​xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-​bejt.” (Mattew 10:​29-31) Kemm jiżgurana dan il-​kliem mill-​imħabba taʼ Jehovah!

14. Liema ċertezza għandna li Jehovah jqis lil kull wieħed u waħda minna bħala prezzjużi?

14 Ġesù qal ukoll: “Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-​Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja.” (Ġwann 6:44) Ladarba kien Jehovah li ġibidna biex insegwu lil Ġesù, bilfors li jridna nsalvaw. Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Anqas Missierkom li hu fis-​smewwiet ma jrid li jintilef wieħed minn dawn iż-​żgħar.” (Mattew 18:14) Għalhekk jekk qed taqdih b’qalb sħiħa, int tistaʼ tkun kuntent bl-​għemil tajjeb tiegħek. (Galatin 6:4) Jekk tħossok mifni mill-​iżbalji tal-​passat, kun ċert li lil dawk li jindmu minn qalbhom, Jehovah se jaħfrilhom “ħafna.” (Isaija 43:25; 55:7) Jekk għal xi raġuni jew oħra tħossok skuraġġit, ftakar li “qrib il-​Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.”—Salm 34:19 [34:​18, NW].

15. (a) Satana kif jipprova jisirqilna l-​paċi tagħna? (b) Liema fiduċja għandu jkollna f’Jehovah?

15 Satana tgħidx kemm jixtieq jisraqhielek il-​paċi. Hu l-​perċimes responsabbli għad-​dnub li writna li lkoll kemm aħna qed nissieltu miegħu. (Rumani 7:​21-24) Żgur li hu jridek tħoss li minħabba l-​imperfezzjoni tiegħek, is-​servizz tiegħek qatt ma jistaʼ jogħġob lil Alla. Qatt tħalli lix-​Xitan jaqtagħlek qalbek! Oqgħod attent mill-​makakkeriji tiegħu, u ladarba taf bihom, kun determinat li tissaporti. (2 Korintin 2:11; Efesin 6:​11-13) Ftakar, “Alla hu aqwa mill-​kuxjenza [jew, qalb] tagħna, u hu jaf kollox.” (1 Ġwann 3:20) Jehovah ma jarax biss in-​nuqqasijiet tagħna. Hu jara wkoll il-​motivi u l-​intenzjonijiet tagħna. Mela, ikseb faraġ mill-​kliem tas-​salmista: “Il-​Mulej ma jitlaqx il-​poplu tiegħu, ma jħallix il-​poplu, il-​wirt tiegħu.”—Salm 94:14.

Magħqudin fil-​Paċi taʼ Kristu

16. B’liema mod m’aħniex waħedna hekk kif nagħmlu ħilitna biex nissaportu?

16 Pawlu kiteb li għandna nħallu l-​paċi taʼ Kristu jkollha kontroll fi qlubna għaliex aħna konna ‘msejħin biex insiru ġisem wieħed.’ Il-​Kristjani midlukin li lilhom Pawlu kiteb kellhom is-​sejħa biex ikunu parti mill-​ġisem taʼ Kristu, bħalma għandhom il-​fdal tal-​midlukin illum. Sħabhom in-​“nagħaġ oħra” jinsabu magħqudin magħhom bħala “merħla waħda” taħt “ragħaj wieħed,” Ġesù Kristu. (Ġwann 10:16) Flimkien, il-​miljuni taʼ membri tal-​“merħla” mxerrdin mad-​dinja kollha qed iħallu l-​paċi taʼ Kristu jkollha kontroll fi qlubhom. Il-​fatt li nafu li m’aħniex waħedna jgħinna nissaportu. Pietru kiteb: “Iqfulu [lil Satana], sħaħ fil-​fidi. Intom tafu li ħutkom, mxerrdin fid-​dinja, qegħdin jaqsmu magħkom l-​istess tbatijiet tagħkom.”—1 Pietru 5:9.

17. Liema inċentiv għandna biex inħallu l-​paċi taʼ Kristu jkollha kontroll fi qlubna?

17 Mela, jalla lkoll kemm aħna nkomplu nkattru l-​paċi, waħda mill-​frott essenzjali taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla. (Galatin 5:​22, 23) Meta jasal iż-​żmien, lil dawk li jsibhom bla tebgħa, bla dnub, u fil-​paċi, Jehovah se jberikhom b’ħajja taʼ dejjem fuq l-​art magħmula ġenna, fejn se tgħammar il-​ġustizzja. (2 Pietru 3:​13, 14) Verament għandna għalfejn inħallu l-​paċi taʼ Kristu jkollha kontroll fi qlubna.

Tiftakar Int?

• X’inhi l-​paċi taʼ Kristu?

• Il-paċi taʼ Kristu kif jistaʼ jkollha kontroll fi qlubna meta niffaċċjaw l-​inġustizzji?

• Il-paċi taʼ Kristu kif tgħinna nittrattaw maʼ l-​ansjetà?

• Il-paċi taʼ Kristu kif tfarraġna meta nħossuna li m’aħniex denji?

[Nota taʼ taħt]

a F’xi każi, l-​ansjetà tistaʼ tiġi kaġunata minn problemi taʼ saħħa, bħalma hi d-​dipressjoni klinika.

[Stampa f’paġna 15]

Quddiem dawk li akkużawh, Ġesù reħa ruħu f’idejn Jehovah

[Stampa f’paġna 16]

Bħal tgħanniqa kbira taʼ missier li jħobb, il-​faraġ taʼ Jehovah jistaʼ jnaqqas l-​ansjetà tagħna

[Stampa f’paġna 18]

Huwa taʼ valur kbir f’għajnejn Alla meta aħna nissaportu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja