Nagħmlu l-Aħjar li Nistgħu!
“AGĦMEL l-aħjar li tistaʼ.” Dan il-parir prattiku ngħata lil wieħed missjunarju minn membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah. Imma għala ta dan il-parir bażiku lil wieħed li għandu ħafna esperjenza fil-ministeru? M’humiex il-biċċa l-kbira tal-missjunarji nies qalbiena li taʼ kuljum ikollhom iħabbtu wiċċhom maʼ insetti, sriep, sħana, mard, u diffikultajiet oħrajn?
Tabilħaqq, il-missjunarji tax-Xhieda taʼ Jehovah huma rġiel u nisa komuni. Huma Kristjani li l-imħabba kbira li għandhom lejn Jehovah u l-proxxmu tagħhom qanqlithom biex imorru jaqdu f’pajjiżi barranin. Huma qed jistinkaw biex jaqdu lil Jehovah bl-aħjar mod possibbli, fiduċjużi li hu se jsaħħaħhom.—Efesin 6:10.
Sabiex inkunu nafu iżjed dwar ix-xogħol missjunarju, ejja nimmaġinaw li qed inżuru dar tipika missjunarja fl-Afrika tal-Punent u nqattgħu l-ġurnata hemmhekk.
Ġurnata fix-Xogħol Missjunarju
Huma kważi s-sebgħa taʼ fil-għodu. Naslu d-dar missjunarja eżatt fil-ħin biex nieħdu sehem fid-diskussjoni taʼ l-Iskrittura tal-jum. L-għaxar missjunarji jifirħu bina u jagħmlulna l-wisaʼ mal-mejda biex noqogħdu bil-qiegħda magħhom. Hekk kif nibdew insiru nafu lil xulxin, waħda mill-missjunarji, li ilha s-snin fl-inkarigu tagħha, tibda tirrakkonta esperjenza tad-daħq li kellha fil-ministeru. Imma l-konversazzjoni tagħna tiġi fix-xejn x’ħin il-ħu li se jieħu ħsieb id-diskussjoni tal-ġurnata jfakkar lill-grupp ferrieħi li sar il-ħin biex jikkunsidraw l-Iskrittura tal-ġurnata. Id-diskussjoni se ssir bil-Franċiż. Għalkemm ma nafux nitkellmu b’dik il-lingwa, mill-mod kif jesprimu ruħhom il-missjunarji nistgħu nindunaw li dawn tgħallmuha sew il-lingwa, minkejja li kienu ġejjin minn pajjiżi oħrajn.
Id-diskussjoni fuq il-Bibbja tispiċċa billi tingħad talba mill-qalb, u mbagħad jibda l-kolazzjon. Hekk kif nieħdu porzjon abbundanti taʼ ċereali, il-missjunarju bil-qiegħda ħdejna jħeġġiġna biex inżidu miegħu ftit biċċiet tal-banana. Aħna nispjegawlu li ma nħobbuhiex il-banana, imma hu jwegħedna li se nibdlu fehmitna jekk induqu l-banana lokali. Għalhekk inżidu ftit biċċiet maċ-ċereali tagħna. Kemm għandu raġun! Din il-banana hija verament tajba—għandha togħma ħelwa qisha ġelat! Niġu aċċertati wkoll li l-ħobż tal-Franċiż li qed iservulna għadu ġej mill-forn kmieni dal-għodu minn ħanut żgħir li qiegħed eżatt faċċata tad-dar missjunarja.
Wara l-kolazzjon, se nqattgħu l-ġurnata maʼ koppja missjunarja, li se nsejħulhom Ben u Karen. Konna smajna dwar kemm dan it-territorju fil-punent taʼ l-Afrika qed jagħti l-frott, u issa ninsabu ħerqanin biex naraw jekk dan huwiex minnu.
Meta mmorru biex nirkbu l-karozza tal-linja, insibu daqs tużżana nies jistennew. Sħabna l-missjunarji ma jdumux ma jibdew konversazzjoni vivaċi fuq suġġett Bibliku maʼ waħda mara u t-tifel tagħha. Peress li ma nafux bil-Franċiż, kulma nistgħu nagħmlu hu li noqogħdu hemm u nitbissmu! Hekk kif il-mara qed taċċetta l-kopji tat-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!, tasal tal-linja, u mbagħad kulħadd jipprova jitlaʼ f’salt! Hekk kif nitħabtu biex nirkbu, ir-rassa tan-nies timbottana ’l quddiem. M’huwiex faċli li nibqgħu deħlin sa ġewwanett u nżommu l-bilanċ. Hekk kif ix-xufier jistartja l-karozza, aħna nitolbu li naslu b’wiċċ il-ġid. Kultant, il-karozza tieqaf f’daqqa u jerġgħu jitilgħu iktar nies—kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin qisna sardin. Aħna nħarsu u nitbissmu lejn il-passiġġieri l-oħra, u huma jitbissmulna lura. Kemm nixtiequ li nistgħu nikkomunikaw magħhom!
Waqt li nkunu għaddejjin bil-karozza tal-linja, nittawlu barra mit-tieqa biex naraw l-attività kbira li għaddejja fit-toroq. Żewġ nisa mexjin ħdejn xulxin iġorru t-tagħbija tagħhom fuq rashom. Waħda minnhom qed twieżen kaldarun kbir bl-ilma. Wieħed raġel qed jittama li jbigħ xi ornamenti żgħar li għandu mifruxin fuq kutra miftuħa fuq il-bankina. Kulfejn iddawwar wiċċek in-nies qegħdin jixtru jew ibigħu tistaʼ tgħid kulma jistaʼ jinbiegħ jew jinxtara.
F’daqqa waħda, Ben, li kien bil-wieqfa maġenbi, ħass xi ħaġa ttektek maʼ siequ. X’tistaʼ tkun? Veru li l-karozza tal-linja hi mimlija daqs bajda, imma għal darb’oħra jerġaʼ jħoss tektika oħra. Ben jirnexxilu jħares ’l isfel. Ġo xkora eżatt ħdejn saqajh hemm papra li kultant toħroġ rasha mill-ixkora u tagħtih daqqa b’munqarha! Ben jispjega li sid il-papra x’aktarx se jiħodha s-suq biex ibiegħha.
Meta naslu fit-territorju tagħna, insiru nafu bi pjaċir kbir għalina li konna qed inżuru raħal tipiku Afrikan. Meta naslu fl-ewwel dar, Ben iċapċap idejh bil-qawwi biex jiġbed l-attenzjoni taʼ l-inkwilin. Hekk “iħabbtu l-bibien” f’din il-parti tad-dinja. Jitfaċċa żagħżugħ u jispjega li għandu x’jagħmel imma jgħidilna biex nerġgħu ngħaddu iktar tard.
Fil-bieb li jmiss, niltaqgħu maʼ mara li titkellem b’ċertu djalett li Ben ma jifhmux. Hi ssejjaħ lil binha u tgħidlu biex jittraduċi dak li jrid jgħidilha Ben. Meta Ben jispiċċa, il-mara taċċetta browxer fuq suġġetti Bibliċi, u binha jwiegħed li jispjegahulha. Fit-tielet dar, insibu ħafna żgħażagħ bil-qiegħda fil-bitħa taʼ quddiem. Tnejn minnhom iqumu fil-pront minn posthom biex il-viżitaturi jkunu jistgħu joqogħdu bil-qiegħda. Imbagħad ikun hemm diskussjoni interessanti dwar l-użu tas-salib fil-qima, u jsiru arranġamenti biex id-diskussjoni tkompli fil-ġimgħa taʼ wara. Issa wasal il-ħin biex nerġgħu mmorru għand dak iż-żagħżugħ li ltqajna miegħu fl-ewwel dar u li kellu x’jagħmel. B’xi mod, dan diġà semaʼ dwar id-diskussjoni li kellna maʼ dawk iż-żgħażagħ fl-istess triq. Hu għandu ħafna mistoqsijiet fuq il-Bibbja u jitlob studju. Ben jiċċekkja l-iskeda tiegħu u jiftiehem miegħu biex jerġaʼ jmurlu l-ġimgħa taʼ wara fl-istess ħin. Fi triqitna lura lejn id-dar missjunarja għall-ikla taʼ nofsinhar, Ben u Karen jispjegaw li huma jridu joqogħdu attenti ħafna kif jippjanaw l-attività tagħhom taʼ l-istudju tal-Bibbja għax faċli jaqbdu ħafna studji u ma jkunux jistgħu jlaħħqu magħhom.
Aħna nifirħulhom kemm jafu jitkellmu bil-Franċiż. Ben jispjega li hu u Karen ilhom sitt snin jaqdu bħala missjunarji, u issa qed iħossuhom iktar familjari mal-lingwa Franċiża. Huma jassigurawna li ma kinitx xi ħaġa faċli li jitgħallmu lingwa ġdida, imma l-perseveranza tagħhom tat il-frott.
Fin-nofsiegħa, il-missjunarji kollha jinġabru madwar il-mejda għall-ikel. Insiru nafu li kuljum ikun hemm missjunarju differenti inkarigat biex jipprepara l-ikel taʼ fil-għodu u taʼ nofsinhar u biex jaħsel il-platti. Illum, waħda mill-missjunarji ppreparat ikla li tassew tiftaħlek l-aptit, tiġieġa u patata moqlija flimkien maʼ insalata tad-tadam—l-ispeċjalità tagħha!
X’inhuma l-pjanijiet taʼ Ben u Karen għal wara nofsinhar? Huma jispjegawlna li f’dan il-pajjiż kulħadd jistkenn mix-xemx bejn is-siegħa u t-tlieta taʼ wara nofsinhar, u għalhekk il-biċċa l-kbira tal-missjunarji jużaw dak il-ħin biex joqogħdu jistudjaw jew jistrieħu ftit. Xejn ma niskantaw meta Karen tgħidilna li l-missjunarji li jkunu ġodda ma tantx idumu ma jidraw din id-drawwa!
Wara li nistrieħu ftit, nerġgħu mmorru fil-ministeru taʼ l-għalqa. Ben qed ifittex raġel li wera interess fil-verità Biblika u li ilu jipprova jikkuntattjah. Dan reġaʼ m’huwiex id-dar, imma malli Ben iċapċap idejh joħorġu żewġ ġuvintur. Huma jgħidulna li l-inkwilin kien qalilhom dwar iż-żjajjar taʼ Ben u insista li jiksbu l-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja taʼ Dejjem bħala għajnuna għall-istudju tal-Bibbja. Aħna ferħanin ħafna li nħallulhom kopja taʼ dan il-ktieb. Imbagħad nirkbu l-karozza tal-linja li se tiħodna f’post fejn Karen għandha studju tal-Bibbja maʼ mara li wriet interess.
Hekk kif ngħaddu mit-toroq iffollati, Karen tgħidilna kif iltaqgħet maʼ din il-mara meta darba minnhom kienu fl-istess taxi maʼ diversi passiġġieri oħrajn. Karen tat fuljett lil din il-mara biex taqrah matul il-vjaġġ. Il-mara qratu u talbitha ieħor differenti. Dan qratu wkoll u saħansitra b’iktar interess. Meta waslu fejn kellhom jaslu, Karen għamlet arranġament biex iżżur lill-mara f’darha u bditilha studju tal-Bibbja effettiv fuq il-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna? Illum, Karen se tagħmel magħha l-ħames lezzjoni taʼ dan il-browxer.
Veru li ħadna gost f’din il-ġurnata li qattajna fil-ministeru taʼ l-għalqa, imma għad għandna xi mistoqsijiet dwar ix-xogħol missjunarju. Il-ħbieb tagħna jassigurawna li meta naslu d-dar se jippreparawlna xi ħaġa ħafifa x’nieklu u jwiġbulna l-mistoqsijiet tagħna.
Kif Ilaħħqu
Waqt li nagħmlu festa bil-bajd moqli, ħobż tal-Franċiż, u ġobon, insiru nafu iżjed dwar il-ħajja tal-missjunarji. It-Tnejn ġeneralment hija ġurnata li fiha l-missjunarji jistrieħu jew jagħmlu xi affarijiet persunali. Il-biċċa l-kbira tal-missjunarji jqattgħu xi ħin matul dik il-ġurnata jiktbu lill-qraba u lill-ħbieb. Għalihom ifisser ħafna li jisimgħu mingħand tad-dar, u l-missjunarji jieħdu gost jibagħtu u jirċievu l-ittri.
Ladarba l-missjunarji jgħixu u jaħdmu viċin xulxin huwa essenzjali li jżommu komunikazzjoni tajba billi jassoċjaw maʼ sħabhom il-missjunarji kif ukoll billi jiddiskutu affarijiet spiritwali. Għal dan l-għan, apparti li jżommu skeda regulari għal studju persunali tal-Bibbja, kull nhar taʼ Tnejn fil-għaxija l-missjunarji jistudjaw il-Bibbja kif ukoll ir-rivista t-Torri taʼ l-Għassa. Ben jgħidilna li meta missjunarji minn sfond differenti jgħixu flimkien, huwa normali li jinqalgħu xi differenzi żgħar. Madankollu, il-provvediment spiritwali taʼ l-istudju tal-familja jgħinhom iżommu atmosfera paċifika u magħquda. Hu jenfasizza wkoll il-ħtieġa li dak li jkun ma jagħtix importanza żejda lilu nnifsu.
L-umiltà wkoll hija essenzjali. Il-missjunarji jintbagħtu mhux biex jiġu moqdijin imma biex jaqdu. Il-ħbieb tagħna jinnotaw li waħda mill-iktar affarijiet diffiċli fi kwalunkwe lingwa hi li tgħid “Jiddispjaċini,” speċjalment meta wieħed ikun qed jiskuża ruħu għal xi ħaġa li qal jew għamel mingħajr intenzjoni. Ben ifakkarna fl-eżempju Bibliku t’Abigajl, li talbet skuża għall-imġiba goffa taʼ żewġha, u b’hekk ikkalmat sitwazzjoni li setgħet wasslet għal diżastru. (1 Samwel 25:23-28) L-abbiltà li ‘żżomm is-sliem’ għandha rwol importanti biex tkun missjunarju tajjeb.—2 Korintin 13:11.
Darba fix-xahar il-missjunarji jkollhom laqgħa biex jiddiskutu kwistjonijiet li jeffettwaw lill-familja, kif ukoll xi bidliet fl-iskeda. Wara, jieħdu pjaċir b’deżerta speċjali. Għalina, dan l-arranġament jidher mhux biss prattiku ħafna imma anki li jħajrek.
Meta nispiċċaw mill-ikel, noqogħdu nduru ftit mad-dar missjunarja. Ninnotaw li għalkemm id-dar ma fihiex lussu, il-missjunarji jikkooperaw flimkien biex iżommuha nadifa tazza. Għandhom friġġ, magna tal-ħasil, u fuqiex isajru. Karen tgħidilna li f’pajjiżi tropiċi, bħal dan fl-Afrika tal-Punent, jistaʼ jkollok ukoll l-arja kundizzjonata. Post xieraq fejn joqogħdu, ikel bnin, u prekawzjonijiet sempliċi kontra l-mard jgħinu lill-missjunarji jibqgħu f’saħħithom u effettivi.
Jiffokaw fuq l-Aspetti Pożittivi
Bqajna impressjonati b’dak kollu li rajna. Forsi għandna nidħlu għax-xogħol missjunarju? Kif nistgħu nkunu ċerti minn dan? Il-ħbieb tagħna jagħtuna xi punti dwar xiex naħsbu.
Jgħidulna li qabel xejn, il-missjunarji Kristjani ma jħarsux lejn dan is-servizz bħala avventura. Huma qed ifittxu wħud taʼ qalb onesta li jridu jitgħallmu dwar il-wegħdi meraviljużi t’Alla. Il-missjunarji jiddedikaw minn taʼ l-inqas 140 siegħa fix-xahar fil-ministeru taʼ l-għalqa, u għalhekk l-imħabba għall-ministeru hija neċessarja.
‘Imma xi ngħidu għas-sriep, il-gremxul, u l-insetti?’ nistaqsu aħna. Għalkemm il-missjunarji jistgħu jiltaqgħu magħhom f’ħafna mill-inkarigi tagħhom, Ben jgħidilna li maż-żmien dawn l-affarijiet jindraw. Hu jkompli jgħidilna li kull inkarigu missjunarju għandu s-sabiħ tiegħu, u maż-żmien, il-missjunarji jiffokaw fuq l-aspetti pożittivi taʼ l-inkarigu tagħhom. Il-kundizzjonijiet li għall-ewwel jarawhom bħala “differenti” ma jdumux ma jsiru komuni, u f’xi każi anki pjaċevoli. Waħda missjunarja, li għamlet snin sħaħ taqdi fl-Afrika tal-Punent qabel ma kellha terġaʼ tmur lura f’pajjiżha minħabba ċirkustanzi persunali, qalet li ħassitha iktar diffiċli li titlaq mill-inkarigu tagħha milli biex titlaq minn art twelidha snin qabel. L-inkarigu missjunarju tagħha kien sar id-dar tagħha.
Lest Int?
Ben u Karen tawna ħafna dwar xiex naħsbu. Xi ngħidu għalik? Qatt ħsibt dwar li taqdi bħala missjunarju f’art barranija? Jekk inhu hekk, forsi m’hijiex daqshekk impossibbli daqskemm kont taħseb. Waħda mill-ħtiġijiet ewlenin hi li jkollok l-imħabba għall-ministeru full-time u tieħu pjaċir tgħin lin-nies. Ftakar, il-missjunarji m’humiex xi eroj sovrumani imma rġiel u nisa komuni. Huma qed jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex iwettqu xogħol importanti ferm.
[Stampi f’paġna 27]
Kull ġurnata tibda b’diskussjoni dwar l-Iskrittura tal-jum
[Stampa f’paġna 29]
Il-ħajja bħala missjunarju tistaʼ tkun sodisfaċenti ferm
[Stampi f’paġna 29]
Xeni mill-Afrika