Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Ir-restrizzjonijiet fuq iż-żwieġ bejn il-qraba li nsibu fil-Liġi Mosajka sa liema punt japplikaw għall-Kristjani llum?
Il-Liġi li Jehovah ta lill-ġens taʼ Iżrael ma tidħolx fid-dettall dwar ċerimonji u proċeduri tat-tieġ. Madankollu, fiha xi projbizzjonijiet kontra ċerti żwiġijiet. Per eżempju, f’Levitiku 18:6-20 insibu lista taʼ relazzjonijiet projbiti li jinvolvu lil ‘qraba.’ Din is-silta tagħti ħafna dettalji dwar liema qraba m’għandhomx assolutament ikollhom relazzjonijiet sesswali bejniethom. M’għandniex xi ngħidu, il-Kristjani la huma taħt il-Liġi Mosajka u lanqas huma marbutin bid-digrieti tagħha. (Efesin 2:15; Kolossin 2:14) Imma dan ma jfissirx li l-Kristjani jistgħu sempliċement jinjoraw din il-kwistjoni meta jkunu qegħdin jagħżlu lil min se jiżżewġu. Hemm għadd taʼ raġunijiet għala dan huwa l-każ.
Biex nibdew, hemm il-liġijiet sekulari li jirregolaw iż-żwieġ bejn il-qraba, u l-Kristjani huma obbligati bażikament li jobdu l-liġijiet tal-pajjiż li jgħixu fih. (Mattew 22:21; Rumani 13:1) M’għandniex xi ngħidu, dawn il-liġijiet ivarjaw minn post għal ieħor. Il-biċċa l-kbira mil-liġijiet moderni taʼ dan it-tip huma bbażati primarjament fuq l-effetti ġenetiċi li jistgħu jirriżultaw. Huwa fatt magħruf li żwieġ bejn il-qraba għandu iktar probabbiltà li jesponi lit-tfal li jitwieldu fih għal mard u difetti ġenetiċi. Għal din ir-raġuni u minħabba li jridu ‘jobdu lill-awtorità taʼ fuqhom,’ il-Kristjani li jkunu se jiżżewġu jimxu mal-liġijiet taż-żwieġ taʼ pajjiżhom.
Imbagħad hemm il-kwistjoni taʼ x’inhu u x’mhux aċċettat fil-komunità fejn jgħix dak li jkun. Kważi kull kultura għandha regoli u drawwiet li jikkundannaw iż-żwieġ bejn individwi li huma membri taʼ l-istess familja, u rabtiet bħal dawn iqisuhom bħala żienja, u għalhekk projbiti. Avolja r-relazzjonijiet speċifiċi li huma projbiti jistgħu jvarjaw ħafna f’kulturi differenti, “bħala regola ġenerali, iktar ma tkun qrib ir-relazzjoni ġenetika bejn tnejn min-nies, iktar se jkun qawwi u emozzjonali s-sentiment li jipprojbixxi jew jiskuraġġixxi r-relazzjonijiet sesswali taʼ bejniethom,” tgħid The Encyclopædia Britannica. B’hekk, saħansitra meta ma jkunux involuti relazzjonijiet bejn membri taʼ l-istess familja, il-Kristjani ma jridux jaġixxu b’tali mod li jinjoraw għalkollox id-drawwiet stabbiliti jew il-mod xieraq kif taħsibha l-komunità, sabiex ma jġibux tmaqdir fuq il-kongregazzjoni Kristjana jew fuq l-isem t’Alla.—2 Korintin 6:3.
Lanqas m’għandna ninsew il-kuxjenza mogħtija lilna minn Alla. In-nies kollha jitwieldu b’sens taʼ dak li hu sewwa u dak li hu żbaljat, dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. (Rumani 2:15) Il-kuxjenza tagħhom tgħidilhom dak li hu normali u xieraq u dak li hu offensiv jew mhux naturali, sakemm ma tkunx ġiet mgħawġa jew twebbset bi prattiċi kontra n-natura. Jehovah irrefera għal dan il-fatt meta ta lill-Iżraelin il-liġi tiegħu kontra ż-żwieġ bejn il-qraba. Naqraw: “La tagħmlux bħalma jagħmlu fl-art taʼ l-Eġittu fejn kontu tgħammru, u tagħmlux bħalma jagħmlu fl-art taʼ Kangħan li se nġibkom fiha; timxux skond il-liġijiet tagħhom.” (Levitiku 18:3) Il-Kristjani jgħożżuha l-kuxjenza tagħhom ibbażata fuq il-Bibbja u ma jħalluhiex tiġi korrotta mill-mod mgħawweġ kif il-ġnus jiddeċiedu dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin.—Efesin 4:17-19.
Allura, x’nistgħu nikkonkludu? Waqt li l-Kristjani m’humiex taħt il-Liġi Mosajka, il-kuxjenza tagħhom tgħidilhom b’mod ċar li ż-żwieġ bejn il-membri taʼ l-istess familja—bħal per eżempju missier u bint, omm u iben, ħu u oħt—huwa inaċċettabbli għalkollox fil-komunità Kristjana.a F’każ li r-relazzjoni ġenetika taʼ bejn l-individwi tkun iktar imbiegħda, il-Kristjani jirrikonoxxu li hemm liġijiet u statuti li jiggvernaw iż-żwieġ legali u li hemm livelli li huma aċċettabbli soċjalment u kulturalment. Dawn irridu nqisuhom b’attenzjoni kbira sabiex inkunu nistgħu ngħixu fi qbil mat-twissija Skritturali: “Ħalli jkun iż-żwieġ tagħkom miżmum fil-ġieħ minn kulħadd.”—Lhud 13:4.
[Nota taʼ taħt]
a Għal diskussjoni dettaljata dwar is-suġġett, jekk jogħġbok ara l-artiklu “Incestuous Marriages—How Should Christians View Them?” (Żwiġijiet bejn il-Qraba—Kif Għandhom Iqisuhom il-Kristjani?) f’The Watchtower tal-15 taʼ Marzu, 1978, paġni 25-6.