Fis-Sigurtà Issa—Fis-Sigurtà għal Dejjem
GĦALA hija s-sigurtà taʼ spiss diffiċli biex tinstab, u jekk tinstab, għala tkun biss għal ftit żmien? Jistaʼ jkun li s-sens tagħna taʼ sigurtà huwa bbażat fuq l-immaġinazzjoni—fuq dak li nittamaw li niksbu pjuttost milli fuq dak li jistaʼ jinkiseb? Delużjoni bħal din tistaʼ tissejjaħ ħajja f’dinja tal-ħolm.
L-immaġinazzjoni ġġiegħel lill-moħħ iħalli warajh ir-realtà tal-ħajja bin-nuqqas taʼ sigurtà tagħha u jidħol f’kundizzjoni sabiħa u taʼ sigurtà, waqt li jinjora kull ħaġa li tistaʼ tħassar il-ħolma. Iżda, taʼ spiss il-problemi tad-dinja reali jtellfulna f’daqqa waħda din id-dinja tal-ħolm u mingħajr ebda ħniena, lil dak li jkun qed jgħix fil-ħolm iġibuh f’sensih u b’hekk ma jibqax iħossu tajjeb.
Ejja nikkunsidraw aspett wieħed fejn in-nies ifittxu s-sigurtà—il-post fejn jgħixu. Per eżempju, il-ħajja f’belt kbira għandha mnejn tidher li hi s-soluzzjoni taʼ kollox, u ġġagħlek timmaġina kemm pjaċiri se tgawdi, il-paga kbira li se ddaħħal, u d-dar lussuża li se jkollok. Iva, dan jistaʼ jidher li qed joffri s-sigurtà li wieħed tant kien ilu jistenna. Imma huwa dan realistiku?
Il-Post—Fil-Belt jew fil-Ħolm?
Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, qed isir ċertu reklamar biex iħajjar lil dak li jkun biex imur joqgħod fil-belt u dan jistaʼ jkun taʼ tentazzjoni għal dawk li jħallu l-immaġinazzjoni tiġri bihom. L-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw dan ir-reklamar mhux bilfors li jkunu interessati fis-sigurtà tiegħek imma, pjuttost, fil-bejgħ tagħhom. Huma jgħattu l-problemi li hemm fid-dinja reali b’xeni taʼ suċċess li juru s-sigurtà. B’hekk, is-sigurtà tiġi assoċjata mal-prodott li jkunu qed jagħmlu reklam tiegħu u mal-belt.
Ikkunsidra l-eżempju li ġej. Xi uffiċjali minn belt fl-Afrika tal-Punent poġġew xi kartelluni li kienu juru b’mod ċar li t-tipjip fir-realtà hu l-istess bħal li wieħed jeqred il-flus li jkun ħadem tant iebes għalihom. Dan kien parti minn kampanja li kienet twissi liċ-ċittadini tagħha kontra t-tipjip. Il-manifatturi u l-bejjiegħa tas-sigaretti opponew billi waħħlu kartelluni magħmulin b’sengħa kbira li kienu juru xeni li jolqtu l-għajn li fihom kienu jidhru nies ferħanin u taʼ suċċess bis-sigarett f’idhom. Iżjed minn hekk, kumpanija waħda tas-sigaretti ġagħlet lil xi wħud mill-ħaddiema tagħha jilbsu uniformijiet elaborati u brieret sbieħ tal-baseball biex iqassmu s-sigaretti liż-żgħażagħ fit-toroq, waqt li jinkuraġġuhom biex jipprovawhom. Ħafna minn dawn iż-żgħażagħ kienu ġew mill-irħula u, billi ma kienu jafu xejn dwar il-metodi taʼ reklamar makakk, ġew imqarrqin minn din l-istedina. Spiċċaw bil-vizzju tat-tipjip. Iż-żgħażagħ mill-irħula kienu ġew fil-belt biex ifittxu s-sigurtà sabiex jgħinu lill-familji tagħhom jew biex ikollhom suċċess finanzjarju. Minflok, kienu qed jarmu l-biċċa l-kbira tal-flus tagħhom li setgħu użaw għal skopijiet aħjar.
Ir-reklamar li jiddeskrivi ħajja taʼ suċċess fil-belt mhux dejjem jiġi min-negozjanti. Jistaʼ jiġi mit-tpaċpiċ tan-nies li jkunu marru joqogħdu fil-belt u li jħossuhom imbarazzati li jerġgħu jmorru lura lejn ir-raħal tagħhom. Minħabba li ma jkunux iridu jidhru li fallew, huma jibdew jiftaħru u jivvintaw kemm irnexxielhom jagħmlu flus u x’suċċessi kellhom mindu marru joqogħdu fil-belt. Madankollu, meta wieħed jifli iktar mill-qrib dak li qalu dwar il-pożizzjoni tagħhom isib li l-mod kif qed jgħixu ħajjithom fil-preżent m’huwiex aħjar minn dak li kellhom qabel fir-raħal tagħhom. Huma qed jissieltu finanzjarjament bħalma qed jagħmlu l-biċċa l-kbira taʼ dawk li jgħixu fil-belt.
B’mod speċjali fil-bliet il-kbar, dawk l-uħud ġodda li jmorru jfittxu s-sigurtà jaqgħu vittmi taʼ wħud bla skrupli. Għala? Ġeneralment, dan jiġri minħabba li ma kellhomx żmien jiżviluppaw ħbiberiji mill-qrib u għax jinsabu ’l bogħod mill-membri tal-familja. Għalhekk, m’għandhom lil ħadd li jagħtihom parir u li jistaʼ jgħinhom jevitaw il-perikli tal-ħajja materjalistika tal-belt.
Josué ma ġiex imħajjar biex ipejjep. Barra minn hekk, hu beda jirrealizza li dak li kienet titlob minnu l-ħajja tal-belt kien ferm iktar minn dak li kien kapaċi jimmaniġġa b’suċċess. Fil-każ tiegħu, fl-iktar ċirkustanzi favorevoli, l-unika ħaġa li l-belt setgħet tassew toffrilu kienet ħafna ħolm li ma twettaqx. Hu rrikonoxxa li ma kellux sigurtà ġenwina fil-belt; sempliċement li din il-ħajja ma kinitx tgħodd għalih. Ġie maħkum minn sens kbir taʼ vojt, inferjorità, u falliment, u maż-żmien umilja lilu nnifsu u mar lura lejn ir-raħal.
Kien qed jibżaʼ li se jiġi mwaqqaʼ għaċ-ċajt. Minflok, il-familja tiegħu u ħbiebu laqgħuh id-dar b’idejhom miftuħa. Grazzi għall-imħabba tal-familja tiegħu, l-ambjent familjari tar-raħal, u l-imħabba taʼ ħbiebu fil-kongregazzjoni Kristjana, hu malajr ħassu ħafna iktar fis-sigurtà milli kien iħossu fil-belt, fejn il-ħolm taʼ ħafna nies isir tal-biżaʼ. B’sorpriża għalih, billi ħadem iebes maʼ missieru fl-għelieqi, qalaʼ iktar flus għalih u għall-familja tiegħu milli kien jaqlaʼ li kieku baqaʼ fil-belt.
Il-Flus—X’Inhi l-Problema Vera?
Se jagħtuk il-flus sens taʼ sigurtà? Liz mill-Kanada tgħid: “Bħala żagħżugħa, kont naħseb li l-flus jeħilsuk mill-inkwiet.” Saret tħobb raġel li kien tat-tajjeb finanzjarjament. F’qasir żmien iżżewġu. Ħassitha hi fis-sigurtà? Liz tkompli: “Meta żżewwiġt, kellna dar sabiħa u żewġ karozzi, u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħna kienet tant tajba li setaʼ jkollna kulma tixtieq qalbna inkwantu għal affarijiet materjali, vjaġġi, u rikreazzjoni. Forsi tidher stramba imma xorta kont ninkwieta fuq il-flus.” Hi tispjega għaliex: “Kellna ħafna x’nitilfu. Jidher li iktar ma jkollok, inqas tħossok fis-sigurtà. Il-flus ma ħelsunix mill-inkwiet jew l-ansjetà.”
Jekk tħoss li m’għandekx biżżejjed flus biex tkun fis-sigurtà, staqsi lilek innifsek, ‘X’inhi l-problema vera? Hija tassew in-nuqqas taʼ flus, jew hija n-nuqqas taʼ maniġġar għaqli tal-flus?’ Waqt li tirrifletti dwar il-passat tagħha, Liz tgħid: “Issa nirrealizza li s-sors tal-problemi tal-familja tiegħi meta kont għadni tifla kien in-nuqqas taʼ ħila fl-immaniġġar tal-flus. Konna nixtru bid-dejn, u b’hekk dejjem kellna uġigħ taʼ ras biex naraw kif se nħallsuh. Dan kien iġibilna l-ansjetà.”
Madankollu, illum Liz u żewġha jħossuhom iktar fis-sigurtà, minkejja li għandhom inqas flus. Meta tgħallmu l-verità tal-Kelma t’Alla, huma waqqfu milli jisimgħu stqarrijiet li jħajru dwar il-flus u bdew jagħtu widen għall-għerf t’Alla, inkluż dan il-kliem: “Imma min jismaʼ lili jgħix moħħu mistrieħ [“fis-sigurtà,” NW], bla ebda tfixkil, bla biżaʼ tal-ħsara.” (Proverbji 1:33) Huma riedu li ħajjithom ikollha iktar sinifikat milli qatt setaʼ jagħtihom xi kont kbir fil-bank. Issa, bħala missjunarji f’pajjiż ’il bogħod, Liz u żewġha qed jgħallmu lin-nies sew għonja u sew foqra dwar li Alla Jehovah dalwaqt se jġib sigurtà ġenwina mad-dinja kollha. Din l-attività tagħti sodisfazzjon kbir u stabbilità li jiġu minn skop superjuri u l-aqwa valuri, mhux minn qligħ finanzjarju.
Ftakar din il-verità bażika: Li tkun għani m’Alla huwa iktar prezzjuż milli jkollok għana materjali. Fl-Iskrittura Mqaddsa kollha, l-enfasi titpoġġa, mhux fuq li jkollok l-għana materjali, imma li jkollok l-approvazzjoni taʼ Jehovah, xi ħaġa li nistgħu nżommuha jekk kontinwament nagħmlu r-rieda t’Alla bil-fidi. Kristu Ġesù inkuraġġiena biex ‘nistagħnew quddiem Alla’ u naħżnu ‘teżor fis-sema.’—Luqa 12:21, 33.
Il-Pożizzjoni —Fejn Se Tasal?
Jekk int taħseb li jekk tikseb pożizzjoni ogħla se jkollok iktar sigurtà, staqsi lilek innifsek: ‘Min fil-fatt bil-pożizzjoni għolja tiegħu kiseb sigurtà vera? Liema pożizzjoni rrid nilħaq biex nikseb dan?’ Karriera taʼ suċċess tistaʼ tqarraq bik u ġġagħlek tħoss sens taʼ sigurtà li jwasslek għal diżappunt jew, iktar agħar, għal waqgħa diżastruża.
L-esperjenzi stess juru li meta wieħed ikollu l-approvazzjoni t’Alla se jgawdi ħafna iktar sigurtà milli meta jkollu l-approvazzjoni tal-bniedem. Jehovah biss jistaʼ jagħti l-għotja taʼ ħajja eterna lill-bnedmin. Dan jinvolvi li isimna jkun miktub, mhux f’xi direttorju soċjali, imma fil-ktieb tal-ħajja t’Alla.—Eżodu 32:32; Apokalissi 3:5.
Meta twarrab daqsxejn ix-xewqat mhux realistiċi tiegħek, kif tqisha s-sitwazzjoni preżenti tiegħek, u x’tistaʼ tistenna onestament mill-futur? Ħadd m’għandu kollox. Kif poġġieha wieħed Kristjan għaqli, “Kelli nitgħallem li l-ħajja qatt m’hi dan U dak imma dan JEW dak.” Ieqaf għal ftit u aqra l-kaxxa “Ġiet Rakkontata f’Benin.”
Issa staqsi dawn il-mistoqsijiet: Liema għan, jew mira, huwa importanti f’ħajti? Liema hi l-iktar triq diretta biex nasal għal dan l-għan? Jistaʼ jkun li jien qbadt triq li hija itwal u bla sigurtà, u li dak li tassew irrid u li huwa verament possibbli jistaʼ jinkiseb permezz taʼ triq inqas komplikata?
Wara li ta parir dwar il-valur li għandhom l-affarijiet materjali mqabbel mal-valur taʼ l-affarijiet spiritwali, Ġesù qal li wieħed għandu jżomm għajnejh “sempliċi,” jew “iffokati” kif tpoġġiha n-nota taʼ taħt fin-New World Translation. (Mattew 6:22, NW) Hu wera b’mod ċar li l-affarijiet prinċipali fil-ħajja huma l-valuri u l-miri spiritwali li jiċċentraw madwar l-isem t’Alla u s-Saltna tiegħu. (Mattew 6:9, 10) Affarijiet oħra huma inqas importanti jew, bħallikieku, m’humiex fiċ-ċentru taʼ l-attenzjoni.
Ħafna mill-magni tar-ritratti llum jiffokaw awtomatikament fuq l-affarijiet li jinsabu kemm fil-bogħod u kemm fil-viċin. Għandek int it-tendenza li tagħmel hekk? ‘Tiffoka’ int kważi fuq kull ħaġa li tara—jiġifieri, tqisha bħala li hi importanti, mixtieqa, u li xi darba tistaʼ tinkiseb? Anki jekk forsi mhux f’kollox, il-mira importanti għall-Kristjani, is-Saltna, tistaʼ faċilment tintilef fil-geġwiġija taʼ ideat oħra, hekk kif kull idea tipprova tiġbed l-attenzjoni tiegħek. It-twissija qawwija taʼ Ġesù kienet: “Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.”—Mattew 6:33.
Fis-Sigurtà Issa u għal Dejjem
Aħna lkoll nistgħu noħolmu dwar li jkollna affarijiet aħjar kemm għalina nfusna u kemm għall-maħbubin tagħna. Madankollu, il-fatt li aħna imperfetti, ngħixu f’dinja imperfetta, u għandna ħajja mhux daqstant twila jġagħalna nillimitaw l-affarijiet li nistgħu b’mod realistiku nittamaw li niksbu. Kittieb Bibliku spjega eluf taʼ snin ilu: “Rajt ukoll taħt ix-xemx li ma tintrebaħx mill-ħfief it-tiġrija, lanqas mill-felħana t-taqbida. M’huwiex taʼ l-għorrief il-ħobż jew taʼ min jifhem il-ġid; lanqas taʼ min jinqalaʼ s-suċċess, iżda f’kollox jidħol iż-żmien u ċ-ċirkustanzi.”—Koħèlet 9:11.
Xi drabi, tant inkunu medhijin bir-rutina monotona tal-ħajja taʼ kuljum li ninsew inħarsu lejn l-iktar kwistjoni importanti dwar min aħna u x’tassew għandna bżonn sabiex inħossuna verament fis-sigurtà. Ikkunsidra dan il-kliem tal-qedem kollu għerf: “Min iħobb il-flus ma jixbax bil-flus, u min iħobb l-għana ma jixbax bil-qligħ. Dan ukoll hu frugħa. Il-ħaddiem, jiekol ftit jew jiekol wisq, jiġih ħelu l-irqad, imma l-għani x-xabaʼ ma jħallihx jieħu nagħsa.” (Koħèlet 5:9, 11 [5:10, 12, NW]) Iva, fejn tinsab is-sigurtà tiegħek?
Jekk is-sitwazzjoni tiegħek b’xi mod hi bħall-ħolma mhux realistika taʼ Josué, tistaʼ int tbiddel il-pjanijiet tiegħek? Dawk li tassew iħobbuk se jappoġġawk, sewwa sew bħalma għamlu l-familja taʼ Josué u ħbiebu fil-kongregazzjoni Kristjana. Tistaʼ ssib iktar sigurtà f’ambjent umli flimkien maʼ dawk li jħobbuk milli f’belt maʼ dawk li jistgħu jipprofittaw ruħhom minnek.
Jekk int diġà għandek bl-abbundanza, bħalma kellhom Liz u żewġha, tistaʼ tagħmel xi bidliet fil-mod kif qed tgħix biex tiddedika iktar ħin u enerġija ħalli tgħin lin-nies, sew għonja u sew foqra, jitgħallmu dwar is-Saltna, il-mezz li wieħed jikseb sigurtà vera?
Jekk ilek tipprova tilħaq xi pożizzjoni ogħla fis-soċjetà jew fuq ix-xogħol, forsi trid tirrifletti onestament fuq x’qed iqanqlek. Veru li xi vantaġġi persunali jistgħu jġibulek iktar ferħ f’ħajtek. Madankollu, kapaċi int iżżomm ruħek iffokat fuq is-Saltna—il-veru mezz biex wieħed jikseb sigurtà għal dejjem? Ftakar fil-kliem taʼ Ġesù: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Jekk tinvolvi ruħek fid-diversi attivitajiet tal-kongregazzjoni Kristjana, int se tesperjenza sigurtà sodisfaċenti.
Dawk li jpoġġu fiduċja sħiħa f’Jehovah u fis-Saltna tiegħu jgawdu sigurtà li tqawwi l-qalb issa u jħarsu ’l quddiem lejn sigurtà assoluta fil-futur. Is-salmista qal: “Nżomm il-Mulej dejjem quddiemi, għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet [“fis-sigurtà,” NW].”—Salm 16:8, 9.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]
Ġiet Rakkontata f’Benin
Din l-istorja ġiet rakkontata eluf taʼ drabi b’ħafna modi differenti. Ftit ilu, wieħed avanzat fl-età li kien jgħix fir-raħal taʼ Benin, fl-Afrika tal-Punent, irrakkonta l-verżjoni li ġejja lil xi żgħażagħ.
Sajjied imur lura d-dar bid-dgħajsa żgħira tiegħu u jiltaqaʼ miegħu espert barrani li qed jaqdi f’dan il-pajjiż li għadu qed jiżviluppa. L-espert jistaqsi lis-sajjied għala ġie lura daqshekk malajr. Hu jwieġeb li setaʼ baqaʼ iktar kieku ried imma kien qabad biżżejjed biex jieħu ħsieb il-familja tiegħu.
“U issa fuq kollox, x’se tagħmel bil-ħin kollu li għandek?” jistaqsi l-espert.
Is-sajjied iwieġeb: “Ħeqq, noqgħod nistad ftit. Nilgħab mat-tfal tiegħi. Wara nofs in-nhar, fl-eqqel tas-sħana, ilkoll nieħdu xi nagħsa. Fil-għaxija, nieklu flimkien. Iktar tard, niltaqaʼ maʼ ħbiebi biex nisimgħu ftit mużika, u affarijiet bħal dawn.”
L-espert iwaqqfu: “Ara, jien għandi l-lawrja taʼ l-università u studjajt dwar dawn l-affarijiet. Nixtieq ngħinek. Int trid iddum iżjed ħin tistad. B’hekk taqlaʼ iktar flus u fi ftit żmien tistaʼ tixtri dgħajsa akbar minn din li għandek. B’dgħajsa akbar, tkun tistaʼ taqlaʼ ħafna iktar flus u fi ftit żmien jistaʼ jkollok ħafna dgħajjes tas-sajd.”
“U mbagħad?” jistaqsi s-sajjied.
“Imbagħad, minflok tbigħ permezz taʼ xi pitkal, tkun tistaʼ tinnegozja direttament mal-fabbrika jew saħansitra inti stess ikollok il-fabbrika tiegħek fejn jiġi proċessat il-ħut. Tkun tistaʼ titlaq mir-raħal tiegħek u tmur Cotonou, jew Pariġi, jew New York u tmexxi kollox minn hemm. Tistaʼ tikkunsidra wkoll li tpoġġi l-ishma tan-negozju tiegħek fil-Borża tal-pajjiż u ssir sinjur.”
“Kemm jieħu żmien dan kollu?” jistaqsi s-sajjied.
“Forsi bejn 15 u 20 sena,” iwieġeb l-espert.
“U mbagħad?” ikompli s-sajjied.
“Dan ikun iż-żmien meta l-ħajja tibda tkun interessanti,” jispjega l-espert. “Imbagħad tkun tistaʼ tirtira. Tistaʼ titlaq mill-konfużjoni tal-belt u tmur f’xi raħal imwarrab.”
“U fl-aħħar mill-aħħar xi jkun ir-riżultat?” jistaqsi s-sajjied.
“Imbagħad ikollok il-ħin biex tmur tistad ftit, tilgħab mat-tfal tiegħek, wara nofs in-nhar fl-eqqel tas-sħana tieħu xi nagħsa, tiekol flimkien mal-familja, u iktar tard tiltaqaʼ flimkien mal-ħbieb biex tisimgħu ftit mużika.”
[Stampi f’paġna 7]
Il-promozzjoni ġġib sigurtà?
[Stampi f’paġna 8]
Sħabek il-Kristjani huma verament interessati fis-sigurtà tiegħek