M’Hemmx Fruntieri għad-Diżabilità
CHRISTIAN, li jgħix f’pajjiż Afrikan, inħataf minn xi suldati li pprovaw jisforzawh biex jissieħeb magħhom fl-armata, imma hu rrifjuta għax ma riedx imur kontra l-kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-Bibbja. Is-suldati mbagħad ħaduh f’kamp militari fejn, wara li sawtuh għal erbat ijiem, wieħed minnhom sparalu f’riġlu. Christian irnexxielu jasal l-isptar, imma kellhom jaqtgħulu riġlu mill-irkobba ’l isfel. F’pajjiż Afrikan ieħor, saħansitra tfal ċkejknin kellhom partijiet minn ġisimhom maqtugħin barra minn ribelli armati. U mill-Kambodja sal-Balkani, mill-Afganistan sa l-Angola, splussivi moħbijin fl-art ikomplu jisfiguraw u jimmankaw liż-żgħar u lill-kbar bl-addoċċ.
Ħafna diżabilitajiet jiġu kaġunati wkoll mill-aċċidenti u l-mard, bħad-dijabete. Anki s-sustanzi velenużi li hemm fl-ambjent jistgħu jikkaġunaw id-diżabilitajiet. Per eżempju, fl-inħawi qrib taʼ belt fl-Ewropa tal-Lvant, twieldu għadd taʼ tfal mingħajr il-parti t’isfel taʼ driegħhom tal-lemin. Dawn għandhom biss bħal boċċa ħierġa mill-minkeb. L-evidenza turi li din hija ħsara ġenetika kaġunata mit-tinġis kimiku. Għadd taʼ nies oħrajn għad għandhom il-partijiet kollha taʼ ġisimhom imma xorta waħda għandhom diżabilità minħabba l-paralisi jew xi marda oħra. Tabilħaqq, m’hemmx fruntieri għad-diżabilità.
Hu x’inhu l-kaġun, id-diżabilità tistaʼ tkissrek. Meta kellu għoxrin sena, Junior tilef il-parti t’isfel taʼ riġlu x-xellugi. Hu qal iktar tard: “Kelli ħafna diffikultajiet emozzjonali. Kont nibki ħafna minħabba l-fatt li kont naf li qatt ma kien se jerġaʼ jkolli riġli. Ma kontx naf x’se nagħmel. Kont imħawwad.” Madankollu, maż-żmien, l-attitudni taʼ Junior inbidlet ħafna. Hu beda jistudja l-Bibbja u tgħallem affarijiet li mhux biss għenuh ikampa imma wkoll tawh tama meraviljuża taʼ futur hieni preċiż hawnhekk fuq l-art. Jekk għandek xi diżabilità, tixtieq int li jkollok l-istess tama?
Jekk iva, jekk jogħġbok aqra l-artiklu li jmiss. Aħna nirrikkmandawlek li tfittex ir-referenzi taʼ l-Iskrittura fil-Bibbja tiegħek stess sabiex tkun tistaʼ tara għalik innifsek dak li l-Ħallieq għandu maħżun għal dawk li jitgħallmu dwar l-iskop tiegħu u jgħixu ħajjithom fi qbil miegħu.