Kif id-Diżabilità Se Tintemm
IMMAĠINA għajnejn l-għomja jaraw, widnejn it-torox jisimgħu kull ħoss, ilsien l-imbikkmin ikanta bil-ferħ, u saqajn iz-zopop sodi u jistgħu jippassiġġaw ’l hawn u ’l hinn! Hawnhekk m’aħniex qed nitkellmu dwar xi żvilupp ġdid fix-xjenza medika, imma dwar ir-riżultati taʼ l-intervent t’Alla għan-nom taʼ l-umanità. Il-Bibbja tbassar: “Mbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja, jinfetħu widnejn it-torox. Mbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.” (Isaija 35:5, 6) Imma kif nistgħu nkunu ċerti li se titwettaq din il-profezija verament taʼ l-għaġeb?
L-ewwelnett, meta Ġesù Kristu kien fuq l-art, hu attwalment fejjaq lil nies minn kull xorta taʼ mard u diżabilità. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira mill-mirakli tiegħu rawhom ħafna xhieda—saħansitra l-għedewwa tiegħu. Fil-fatt, għall-inqas f’każ wieħed, opponenti suspettużi investigaw bir-reqqa fejqan li sar minn Ġesù sabiex iwaqqgħulu ġieħu. Imma kollox baqaʼ f’wiċċhom, għax kulma għamlu kien li kkonfermaw il-miraklu tiegħu. (Ġwann 9:1, 5-34) Wara li Ġesù wettaq jerġaʼ miraklu ieħor li ħadd ma setaʼ jiċħdu, huma qalu b’diżappunt: “X’sejrin nagħmlu? Għax dan il-bniedem qiegħed jagħmel ħafna sinjali.” (Ġwann 11:47) Madankollu, in-nies komuni rreaġixxew aħjar, għax ħafna minnhom bdew ipoġġu l-fidi tagħhom f’Ġesù.—Ġwann 2:23; 10:41, 42; 12:9-11.
Il-Mirakli taʼ Ġesù —Dehra bil-Quddiem tal-Fejqan Globali
Il-mirakli taʼ Ġesù mhux biss urew li Ġesù kien il-Messija u l-Iben t’Alla imma wkoll fornew bażi għall-fidi fil-wegħdi tal-Bibbja li fil-futur il-bnedmin ubbidjenti se jitfejqu. Dawn il-wegħdi jinkludu l-profezija li hemm f’Isaija kapitlu 35, imsemmija fl-ewwel paragrafu. Isaija 33:24 jgħid dwar is-saħħa futura tal-bnedmin li jibżgħu minn Alla: “Ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” Bl-istess mod, Apokalissi 21:4 jwiegħed: “[Alla] jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel [il-provi u s-sofferenzi taʼ llum].”
In-nies jitolbu regolarment għat-twettiq taʼ dawn il-profeziji meta jirrepetu t-talba mudell taʼ Ġesù, li parti minnha tgħid: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.” (Mattew 6:10) Iva, ir-rieda t’Alla tinkludi l-art u l-umanità. Il-mard u d-diżabilità, għalkemm hemm raġuni għala tħallew, dalwaqt ma jeżistux iktar; m’humiex se jħassru ‘mirfes riġlejn’ Alla għal dejjem.—Isaija 66:1.a
Imfejqin Mingħajr Uġigħ jew Spejjeż
Kien x’kien il-mard li n-nies setaʼ kellhom, Ġesù fejjaqhom bla wġigħ, bla dewmien, u bla spejjeż. M’għandniex xi ngħidu, il-kelma dwar dan ġriet maʼ kullimkien, u malajr “bdew resqin lejh ġemgħat kbar taʼ nies, li kellhom magħhom zopop, għomja, mmankati, mbikkmin, u ħafna oħrajn; qegħduhomlu f’riġlejh, u hu fejjaqhom.” Kif irreaġixxew in-nies? Ir-rakkont taʼ Mattew, li ra x’ġara b’għajnejh stess, ikompli: “In-nies kollha baqgħu mistagħġba meta raw l-imbikkmin jitkellmu, l-immankati qawwijin u sħaħ, iz-zopop jimxu u l-għomja jaraw; u bdew jagħtu glorja lil Alla taʼ Iżrael.”—Mattew 15:30, 31.
Innota li dawk li tfejqu minn Ġesù ma kinux magħżulin bir-reqqa minn qalb il-folla—ingann użat mill-imposturi. Minflok, il-ħafna qraba u ħbieb tal-morda ‘qegħduhom f’riġlejn Ġesù, u hu fejjaqhom.’ Ejja issa nagħtu ħarsa lejn xi eżempji speċifiċi taʼ l-abbiltà li Ġesù għandu biex ifejjaq in-nies.
L-għomja: Waqt li kien Ġerusalemm, Ġesù ta d-dawl lil raġel li kien “agħma minn twelidu.” Dan ir-raġel kien magħruf sewwa fil-belt bħala tallab agħma. Mela tistaʼ timmaġina l-eċċitament u l-għagħa tan-nies meta rawh miexi ’l hawn u ’l hinn u jara! Madankollu, mhux kulħadd kien kuntent. Xi wħud mill-Fariżej, setta Lhudija li kienet prominenti u influwenti, kienu ddisprati biex isibu xi evidenza taʼ ingann min-naħa taʼ Ġesù peress li ftit qabel kien niggiżhom għax kixef il-ħażen tagħhom. (Ġwann 8:13, 42-44; 9:1, 6-31) Għalhekk, huma interrogaw lir-raġel li ġie mfejjaq, imbagħad lill-ġenituri tiegħu, u mbagħad mill-ġdid lir-raġel. Imma l-istħarriġ tal-Fariżej sempliċement ikkonferma l-miraklu taʼ Ġesù, u dan irrabjahom. Imħawwad minħabba r-raġunar mgħawweġ taʼ dawn l-ipokriti reliġjużi, ir-raġel imfejjaq innifsu qal: “Qatt fid-dinja ma nstemaʼ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed agħma mit-twelid. Li kieku dan ma kienx ġej mingħand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel.” (Ġwann 9:32, 33) Minħabba din l-espressjoni taʼ fidi sinċiera u intelliġenti, il-Fariżej “keċċewh ’il barra,” u dan donnu jfisser li dan ir-raġel li darba kien agħma tkeċċa mis-sinagoga.—Ġwann 9:22, 34.
It-torox: Waqt li Ġesù kien fid-Dekapoli, reġjun lejn il-lvant tax-Xmara Ġordan, in-nies “ġibulu wieħed, trux u mbikkem.” (Mark 7:31, 32) Ġesù mhux biss fejjaq lil dan l-individwu imma wkoll wera dehen profond rigward is-sentimenti tat-torox, li għandhom mnejn iħossuhom imbarazzati fil-folol. Il-Bibbja tgħidilna li Ġesù qabad lir-raġel trux u “ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies” u fejqu. Mill-ġdid, dawk li raw dan b’għajnejhom stess kienu “mimlijin bil-għaġeb” u qalu: “Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin.”—Mark 7:33-37.
Il-paralitiċi: Waqt li Ġesù kien Kafarnahum, in-nies resqu lejh b’raġel paralizzat mixħut fuq friex. (Mattew 9:2) Versi 6 sa 8 jiddeskrivu x’ġara. Ġesù qal lill-mifluġ: “‘Qum, aqbad il-friex u mur lejn darek.’ Dak qam u telaq lejn daru. In-nies, meta raw dan, beżgħu u qabdu jfaħħru lil Alla li ta setgħa bħal din lill-bnedmin.” Dan il-miraklu wkoll twettaq fil-preżenza kemm tad-dixxipli taʼ Ġesù u kemm taʼ l-għedewwa tiegħu. Innota li d-dixxipli, li ma kinux mogħmijin bil-mibegħda u l-preġudizzju, ‘faħħru lil Alla’ għal dak li raw b’għajnejhom.
Il-morda: “Resaq [fuq Ġesù] wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa, nxteħet għarkubbtejh quddiemu u qallu: ‘Jekk trid, tistaʼ tnaddafni.’ Mqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: ‘Irrid, kun imnaddaf.’ U minnufih il-lebbra marritlu.” (Mark 1:40-42) Innota li Ġesù ma fejjaqx lil dan l-individwu kontra qalbu imma kien imqanqal minn mogħdrija ġenwina. Immaġina li int kont lebbruż. Kif kont tħossok kieku xi ħadd fejqek minnufih u mingħajr uġigħ minn marda tal-biżaʼ li bil-mod il-mod kienet sfiguratlek ġismek u għamlitek imkeċċi mis-soċjetà? Bla dubju tistaʼ tifhem għala lebbruż ieħor li tfejjaq b’mod mirakoluż “inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr.”—Luqa 17:12-16.
L-imweġġgħin: L-aħħar miraklu taʼ Ġesù qabel m’arrestawh u sammruh maʼ zokk kien att taʼ fejqan. X’ħin ġew biex jieħdu lil Ġesù, bla ma ħasibha darbtejn, l-appostlu Pietru “kellu sejf, siltu, u darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija.” (Ġwann 18:3-5, 10) L-istess rakkont f’Luqa jgħidilna li Ġesù “messlu widintu u fejjqu.” (Luqa 22:50, 51) Mill-ġdid, dan il-ġest taʼ mogħdrija twettaq fil-preżenza tal-ħbieb kif ukoll taʼ l-għedewwa taʼ Ġesù—f’dan il-każ, dawk li arrestawh.
Iva, iktar ma neżaminaw il-mirakli taʼ Ġesù mill-qrib, iktar naraw kemm huma awtentiċi. (2 Timotju 3:16) U bħalma ssemma qabel, dan l-istudju għandu jsaħħilna l-fidi fil-wegħda t’Alla li jfejjaq lill-bnedmin ubbidjenti. Il-Bibbja tagħti definizzjoni tal-fidi Kristjana bħala ‘pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, il-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx.’ (Lhud 11:1) Jidher ċar li Alla ma jridniex nibilgħu kollox jew nittamaw f’xi xewqa bla temma imma jinkuraġġina biex nibnu fidi soda bbażata fuq l-evidenza. (1 Ġwann 4:1) Hekk kif inkunu qed niksbu din il-fidi, se nsibu li qegħdin insiru iktar sodi, f’saħħitna, u henjin spiritwalment.—Mattew 5:3; Rumani 10:17.
Il-Fejqan Spiritwali Jrid Jiġi l-Ewwel!
Ħafna nies li huma f’saħħithom fiżikament m’humiex henjin. Xi wħud saħansitra jipprovaw jikkommettu suwiċidju għaliex m’għandhomx tama għall-futur jew għaliex iħossu li m’għandhomx soluzzjoni għall-problemi tagħhom. Fil-fatt, dawn għandhom diżabilità spiritwali—kundizzjoni ferm iktar serja f’għajnejn Alla minn xi diżabilità fiżika. (Ġwann 9:41) Mill-banda l-oħra, ħafna li għandhom xi diżabilità fiżika, bħal Christian u Junior li ssemmew fl-artiklu taʼ qabel, jgħixu ħajja hienja u sodisfaċenti. Għala? Għaliex huma sodi spiritwalment u jieħdu l-enerġija tagħhom minn tama ċerta bbażata fuq il-Bibbja.
Meta rrefera għall-ħtieġa unika tagħna bħala bnedmin, Ġesù qal: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.” (Mattew 4:4) Iva, kuntrarju għall-annimali, il-bnedmin jeħtieġu xi ħaġa iktar minbarra ikel materjali. Peress li ġejna maħluqin fix-‘xbieha’ t’Alla, aħna neħtieġu l-ikel spiritwali—l-għarfien dwar Alla u kif niffittjaw fl-iskop tiegħu, kif ukoll li nagħmlu r-rieda tiegħu. (Ġenesi 1:27; Ġwann 4:34) L-għarfien dwar Alla jimlielna ħajjitna bl-iskop u bl-enerġija spiritwali. Iqegħdilna wkoll il-bażi għal ħajja eterna fuq l-art magħmula ġenna. “Din hi l-ħajja taʼ dejjem,” qal Ġesù, “li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.”—Ġwann 17:3.
Taʼ min jinnota li n-nies taʼ żmien Ġesù ma indirizzawhx bħala “Tabib” imma bħala “Għalliem.” (Luqa 3:12; 7:40) Għala? Għaliex Ġesù għallem lin-nies dwar is-soluzzjoni permanenti għall-problemi tal-bnedmin—is-Saltna t’Alla. (Luqa 4:43; Ġwann 6:26, 27) Dan il-gvern tas-sema f’idejn Ġesù Kristu se jaħkem l-art kollha kemm hi u jwettaq il-wegħdi Bibliċi kollha dwar il-fejqan sħiħ u dejjiemi taʼ bnedmin twajbin u taʼ l-art li hija d-dar tagħhom. (Apokalissi 11:15) Kien għalhekk li Ġesù, fit-talba mudell tiegħu, rabat il-miġja tas-Saltna maʼ li ssir ir-rieda t’Alla fuq l-art.—Mattew 6:10.
Għal ħafna individwi li jbatu minn xi diżabilità, il-fatt li tgħallmu dwar din it-tama eċċitanti bidlilhom id-dmugħ taʼ swied il-qalb fi dmugħ taʼ ferħ. (Luqa 6:21) Fil-fatt, Alla mhux biss se jelimina l-mard u d-diżabilità; hu se jħassar għalkollox dak li jikkaġuna s-sofferenza umana—id-dnub innifsu. Tabilħaqq, Isaija 33:24 u Mattew 9:2-7, li ġew kwotati qabel, jorbtu l-mard mal-kundizzjoni midinba tagħna. (Rumani 5:12) B’hekk, meta jintrebaħ id-dnub, il-bnedmin sa fl-aħħar se jgawdu “l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla,” ħelsien li jinkludi l-perfezzjoni tal-moħħ u tal-ġisem.—Rumani 8:21.
Dawk li huma relattivament b’saħħithom jistgħu faċilment ma jibqgħux japprezzaw is-sitwazzjoni tagħhom. Imma dan m’huwiex il-każ taʼ dawk li jafu x’jiġifieri li tgħix b’xi diżabilità. Huma jafu preċiż kemm huma prezzjużi s-saħħa u l-ħajja u kemm l-affarijiet jistgħu jinbidlu f’ħakka t’għajn u bla mistenni. (Koħèlet 9:11) Għalhekk, hija t-tama tagħna li dawk li jbatu minn xi diżabilità fost il-qarrejja tagħna jagħtu konsiderazzjoni speċjali lejn il-wegħdi meraviljużi t’Alla kif insibuhom fil-Bibbja. Ġesù ta ħajtu sabiex jiżgura t-twettiq taʼ dawn il-wegħdi. Liema garanzija aħjar jistaʼ jkollna?—Mattew 8:16, 17; Ġwann 3:16.
[Nota taʼ taħt]
a Għal diskussjoni dettaljata dwar għala Alla ppermetta s-sofferenzi, ara l-browxer Veru li Alla Jimpurtah Minna?, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.