Ħu Vantaġġ minn Ċirkustanzi Differenti
Pum, Jan, Dries, u Otto, erbaʼ anzjani Kristjani li jgħixu fl-Olanda, għandhom ħafna affarijiet jixtiebhu. Kollha huma miżżewġin u għandhom it-tfal. Ukoll, xi snin ilu, kollha kemm huma kellhom xogħol sekulari full-time u kienu jgħixu fi djar komdi. Però, kollha kemm huma waqfu mix-xogħol sekulari u bdew jużaw il-ħin u s-saħħa kollha tagħhom biex imexxu ’l quddiem l-interessi tas-Saltna. X’għenhom jagħmlu bidla bħal din? L-erbgħa li huma għamlu użu tajjeb minn ċirkustanzi differenti.
IĊ-ĊIRKUSTANZI li jinbidlu jeffettwaw kważi lil kulħadd maż-żmien. Ħafna bidliet, bħaż-żwieġ, it-tfal, u l-kura taʼ ġenituri avanzati, iġibu magħhom iktar responsabbiltajiet. Imma, xi ftit minnhom jipprovdulna iktar ħin biex inżidu fil-ministeru Kristjan tagħna. (Mattew 9:37, 38) Per eżempju, nistgħu nirtiraw mix-xogħol, jew inkella t-tfal tagħna jistgħu jitilqu mid-dar meta jikbru.
Iktar minn hekk, minkejja li huwa veru li ċ-ċirkustanzi tagħna jistgħu jinbidlu rridu jew ma rridux, xi Kristjani rnexxielhom joħolqu bidliet fiċ-ċirkustanzi tagħhom li fetħulhom opportunitajiet biex iżidu sehemhom fil-ministeru. Dan huwa eżatt dak li għamlu Pum, Jan, Dries, u Otto. Kif?
Meta t-Tfal Jitilqu mid-Dar
Xogħol Pum kien li jieħu ħsieb il-kotba taʼ negozju farmaċewtiku. Hu u martu Anny kemm-il darba qdew bħala pijunieri awżiljarji flimkien maż-żewġt itfal bniet tagħhom. Pum u Anny kienu jagħmlu wkoll arranġamenti għal sħubija bnina maʼ oħrajn li kienu fil-ministeru taʼ pijunier. “Dan ipproteġiena minn problemi li setgħu jinqalgħu minn tipi oħra taʼ sħubija,” jgħidu huma. Imħeġġin mill-eżempju tal-ġenituri tagħhom, iż-żewġt ibniet tagħhom saru pijunieri regulari malli spiċċaw l-iskola.
Meta wliedhom telqu mid-dar, Pum u Anny irrealizzaw li din il-bidla fiċ-ċirkustanzi tathom iktar libertà u finanzi u setgħu jaħtfu l-opportunità biex jivvjaġġaw lejn postijiet interessanti jew igawdu xi rikreazzjoni oħra. Madankollu, huma ddeċidew li minflok jagħmlu dan, jużaw dawn iċ-ċirkustanzi differenti biex iżidu fil-ministeru Kristjan tagħhom. Għalhekk, Pum talab permess mingħand l-imgħallem tiegħu biex jaħdem ġurnata inqas fil-ġimgħa. Wara, Pum irranġa biex ikun jistaʼ jibda x-xogħol fis-7:00 taʼ fil-għodu u jieqaf fis-2:00 taʼ wara nofsinhar. Ovvjament, inqas xogħol kien ifisser li jgħaddu b’inqas flus. Xorta waħda, huma rnexxielhom, u fl-1991, Pum ngħaqad mal-mara tiegħu bħala pijunier regulari.
Wara dan, Pum intalab biex ikun l-assistent inkarigat mis-Sala taʼ l-Assembleat tax-Xhieda taʼ Jehovah. Dik l-istedina kienet tfisser li t-tnejn li huma kellhom iħallu d-dar fejn kienu ilhom jgħixu 30 sena u jmorru joqogħdu f’appartament qrib is-Sala taʼ l-Assemblea. Huma hekk għamlu. Kien diffiċli dan? Anny tgħid li kulmeta kienet tibda tħossha ’l bogħod minn darha, kienet tistaqsi lilha nfisha, ‘Jiena bħall-mara taʼ Lot?’ Hi rrifjutat li ‘tħares lura.’—Ġenesi 19:26; Luqa 17:32.
Pum u Anny iħossu li d-deċiżjoni li ħadu ġabitilhom ħafna barkiet. Fost ħafna affarijiet oħrajn, jieħdu pjaċir bis-servizz tagħhom fis-Sala taʼ l-Assemblea, jagħmlu t-tħejjijiet għall-konvenzjonijiet distrettwali, u jiltaqgħu maʼ ħafna indokraturi tas-circuit (ministri li jivvjaġġaw) li jagħtu taħditiet fis-sala. Kultant, iżuru kongregazzjonijiet differenti meta Pum jaqdi bħala sostitut għall-indokratur tas-circuit.
Din il-koppja kif irnexxielha żżid is-servizz tagħha? Pum jgħid: “Meta ħajtek tinbidel radikalment, trid tkun determinat li tagħmel l-aħjar użu possibbli miċ-ċirkustanzi l-ġodda.”
Bdew Jgħixu Ħajja Iktar Sempliċi
Jan u l-mara tiegħu, Woth, għandhom tlett itfal. L-istess bħal Pum u l-familja tiegħu, Jan, għamel użu għaqli minn ċirkustanzi differenti. Għal snin sħaħ, Jan kellu xogħol b’paga tajba ġo bank u kien jipprovdi ħajja komda għall-familja tiegħu. Imma hu beda jħoss xewqa li dejjem tikber biex iżid fil-ministeru tiegħu. Hu jispjega: “Tul ħajti, l-apprezzament tiegħi għall-verità sar iktar profond, u l-imħabba tiegħi għal Jehovah kibret.” Għalhekk, fl-1986, Jan biddel iċ-ċirkustanzi tiegħu. Hu jgħid: “Ħadt vantaġġ mit-tibdil li sar fl-uffiċċju u bdejt naħdem inqas sigħat. Sħabi tax-xogħol laqqmuni Diwodo għax jien kont naħdem biss nhar taʼ dinsdag [it-Tlieta], woensdag [l-Erbgħa], u donderdag [il-Ħamis]. Is-salarju tiegħi naqas b’40 fil-mija. Begħt id-dar tagħna u xtrajt dgħajsa li konna nużawha bħala dar sabiex inkunu nistgħu naqdu fejn kien hemm l-iktar bżonn għall-pubblikaturi tas-Saltna. Iktar tard, ġiet l-opportunità li nirtira mix-xogħol kmieni. Id-dħul tiegħi niżel b’20 fil-mija oħra, imma fl-1993, stajt nibda naqdi bħala pijunier regulari.”
Illum, Jan huwa membru taʼ Kumitat taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet u qeda regolarment bħala indokratur tal-konvenzjoni. Minkejja li ma tantx tiflaħ, Woth taqdi bħala pijuniera awżiljarja minn żmien għal żmien. It-tlett itfal tagħhom issa żżewġu u flimkien maʼ l-imseħbin tagħhom, qed jaqdu bħala ministri żelużi tas-Saltna.
Jan u Woth kif irnexxielhom jaddattaw ruħhom għal livell t’għajxien iktar baxx? “Meta konna mhux ħażin,” iwieġeb Jan, “konna noqogħdu attenti li ma nsirux inħobbu żżejjed l-affarijiet materjali. Illum, jistaʼ jkun ftit skomdu li toqgħod tistenna xi ftit sakemm tkun tistaʼ takkwista xi ħaġa, imma l-barkiet spiritwali u l-privileġġi li ngħatajna jpattu bil-kbir.”
Bħal Jan u Woth, Dries u martu, Jenny, ukoll iddeċidew li jżommu ħajjithom sempliċi biex jiddedikaw iktar ħin għall-interessi tas-Saltna. Dries u Jenny qdew bħala pijunieri sakemm saru ġenituri. Imbagħad, biex jieħu ħsieb il-familja tiegħu, Dries ħadem bħala amministratur f’kumpanija kbira. L-imgħallmin tiegħu apprezzawh ħafna x-xogħol tiegħu u offrewlu promozzjoni. Madankollu, Dries irrifjuta l-promozzjoni għax li kieku aċċettaha kien ikun ifisser inqas ħin għal attivitajiet Kristjani.
Biex irabbu familja u jieħdu ħsieb omm Jenny li kienet marida, it-tnejn li huma kellhom jinvestu ħafna ħin u enerġija. Xorta waħda, huma komplew jikkultivaw spirtu taʼ pijunier. X’għenhom jagħmlu dan? Jenny tispjega: “Aħna kellna l-pijunieri joqogħdu magħna, konna nistiednu lill-pijunieri biex jieklu għandna, u konna nistiednu lill-indokraturi tas-circuit biex joqogħdu magħna.” Dries ikompli: “Żammejna l-ħajja sempliċi u evitajna li nimtlew bid-dejn. Iddeċidejna li qatt ma nidħlu f’negozju kbir jew nixtru dar, ħalli fil-futur dawn l-affarijiet ma jżommuniex lura.”
Id-deċiżjoni li ħadu Dries u Jenny biex joħolqu ċirkustanzi li jippermettulhom iktar ħin għall-interessi tas-Saltna kellha riżultati premjanti. Iż-żewġ subien tagħhom illum jaqdu bħala anzjani, u wieħed minnhom jaqdi bħala pijunier flimkien maʼ martu. Dries u Jenny qdew bħala pijunieri speċjali, u wara Jenny akkumpanjat lil żewġha fix-xogħol tas-circuit. Issa huma jinsabu f’Betel bħala volontieri, u Dries jaqdi bħala membru tal-Kumitat tal-Fergħa.
Irtirar Kmieni mix-Xogħol
Bħal Dries u Jenny, Otto u martu, Judy, kienu pijunieri qabel ma kellhom liż-żewġt itfal bniet tagħhom. Meta Judy kienet tqila bl-ewwel tarbija tagħhom, Otto sab xogħol bħala għalliem fi skola.
Meta t-tfal kienu qed jikbru, Otto u Judy kemm-il darba stiednu lill-pijunieri d-dar tagħhom sabiex b’hekk it-tfal tagħhom setgħu jaraw il-ferħ taʼ ħaddiema Kristjani full-time. Maż-żmien, it-tifla l-kbira saret pijuniera. Wara, hi attendiet l-Iskola taʼ Gilgħad u flimkien maʼ żewġha, issa taqdi bħala missjunarja f’art Afrikana. It-tifla l-oħra saret pijuniera fl-1987, u Judy ngħaqdet magħha.
Meta ċirkustanzi differenti kienu jippermettu lil Otto biex jaħdem inqas sigħat l-iskola, hu kien juża l-ħin żejjed biex jagħmel ix-xogħol taʼ pijunier. Maż-żmien, hu waqaf mix-xogħol kompletament. Illum, fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar, Otto juża l-abbiltà tiegħu bħala għalliem biex isaħħaħ spiritwalment lill-kongregazzjonijiet.
X’inhu l-parir li jagħti Otto lil dawk li jirtiraw kmieni mix-xogħol? “Meta tirtira, taqbadx u tiddeċiedi biex tiħodha bil-mod għal sena jew għal ċertu żmien. Faċli ħafna biex tidra ‘tiħodha bil-mod.’ U qabel ma tkun taf, tkun insejtu s-servizz taʼ pijunier. Minflok, ibda agħmel iktar xogħol fil-ministeru u fil-kongregazzjoni mill-ewwel.”
Uża l-Esperjenza li Ksibt fil-Ħajja
Veru, aħwa bħal Pum, Jan, Dries, u Otto m’għadx għandhom is-saħħa li kellhom meta kienu iżgħar. Imma issa huma għandhom iktar maturità, esperjenza, u għerf. (Proverbji 20:29) Jafu x’jiġifieri li tkun missier u billi ħadmu maʼ marthom, għandhom idea taʼ kemm hemm xogħol involut meta tkun omm. Flimkien man-nisa tagħhom, ħadu ħsieb il-problemi tal-familja u għamlu miri teokratiċi għal uliedhom. Otto jgħid: “Meta nagħti pariri bħala indokratur tas-circuit fi kwistjonijiet fejn tidħol il-familja, il-fatt li jien stess rabbejt familja jgħin ħafna.” Din l-istess esperjenza bħala missier issa tagħmlu membru utli tal-familja Betel, bil-ħafna ħaddiema żgħażagħ li hemm fiha.
Iva, l-għarfien li jiksbu mill-ħajja jgħin lil aħwa bħal dawn biex jieħdu ħsieb ħafna bżonnijiet differenti fil-kongregazzjonijiet. L-esperjenza li għandhom, biex ngħidu hekk, sennitilhom l-għodod tagħhom sabiex jużaw l-enerġija tagħhom bl-aħjar mod possibbli. (Koħèlet 10:10) Fil-fatt, dawn spiss jirnexxilhom jagħmlu x-xogħol f’inqas ħin minn uħud li huma iktar b’saħħithom fiżikament imma li għandhom inqas esperjenza.
Aħwa bħal dawn flimkien man-nisa tagħhom, huma eżempji tajbin għaż-żgħażagħ fost il-poplu taʼ Jehovah. Iż-żgħażagħ josservaw li koppji bħal dawn esperjenzaw personalment ħafna mill-isfidi u l-barkiet li huma rapportati fil-pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna. Huwa inkuraġġanti li tara rġiel u nisa li juru spirtu bħal dak taʼ Kaleb li, minkejja li kien avanzat fl-età, talab biex jagħmel inkarigu li kien jinvolvi sforz kbir.—Ġożwè 14:10-12.
Imita l-Fidi Tagħhom
Tistaʼ forsi timita l-fidi u l-azzjonijiet tal-koppji li ssemmew f’dan l-artiklu? Ftakar, huma għamlu l-verità bħala l-mod kif jgħixu ħajjithom. Żviluppaw f’uliedhom ix-xewqa li jkunu pijunieri. Dan għamluh billi, kif jgħid Jan, “kienu taʼ eżempju fl-imħabba għal Jehovah u l-organizzazzjoni tiegħu, billi għamlu arranġamenti għal sħubija tajba, u billi għallmu lil uliedhom ikunu kapaċi jmantnu lilhom infushom.” Ukoll, huma ħadmu u lagħbu flimkien bħala familja. “Normalment, meta konna nkunu fuq btala,” jiftakar Pum, “il-familja kollha kienet toħroġ fix-xogħol taʼ l-ippridkar fil-għodu, u wara nofsinhar konna nirrilassaw flimkien.”
Dawn il-Kristjani kienu wkoll jippjanaw bil-quddiem, ħalli meta ċ-ċirkustanzi tagħhom jinbidlu, kienu jkunu lesti biex jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni l-ġdida tagħhom. Huma għamlu miri u ħadu deċiżjonijiet li għenuhom jilħqu l-miri tagħhom iktar malajr. Raw kif jistgħu jaħdmu inqas sekularment u kienu lesti li jgħaddu b’inqas. (Filippin 1:10) In-nisa taw lil żwieġhom appoġġ sħiħ. Flimkien, kellhom xewqa qawwija biex jidħlu fil-‘bieb kbir miftuħ fejn jistgħu jaħdmu’ u, bħala riżultat ikunu jistgħu jgawdu barkiet kbar mingħand Jehovah.—1 Korintin 16:9; Proverbji 10:22.
Għandek inti wkoll xewqa biex tkabbar is-sehem tiegħek fil-ministeru? Jekk iva, jistaʼ jirnexxilek tagħmel dan propju billi tagħmel użu tajjeb minn ċirkustanzi differenti.
[Stampa f’paġna 20]
Pum u Anny jieħdu ħsieb is-Sala taʼ l-Assemblea
[Stampa f’paġna 20]
Jan u Woth jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar
[Stampa f’paġna 21]
Dries u Jenny jaqdu f’Betel
[Stampa f’paġna 21]
Otto u Judy jippreparaw għaż-żjara tal-kongregazzjoni li jmiss