Il-Valuri Spiritwali—X’Se Jsir Minnhom?
“Ħmistax-il koppja jattendu laqgħa [Kattolika] fil-għaxija li fiha jingħataw pariri lil dawk li jkunu se jiżżewġu. Mit-30 persuna preżenti, 3 biss jgħidu li għandhom fidi.”
La Croix, gazzetta Kattolika Franċiża.
IL-VALURI reliġjużi jinsabu fi kriżi. Fuq il-faċċata tal-ħarġa tat-12 taʼ Lulju, 1999, taʼ l-edizzjoni internazzjonali Newsweek, kien hemm il-mistoqsija: “Huwa Alla mejjet?” It-tweġiba tar-rivista kienet li għall-Ewropa tal-punent jidher li dan hu l-każ. F’rapport dwar is-sinodu tal-Knisja Kattolika li sar ġo Ruma f’Ottubru taʼ dik is-sena, il-gazzetta Franċiża Le Monde qalet: “Il-Knisja qed issibha diffiċli iktar minn qatt qabel li twassal il-messaġġ tagħha f’kultura li saret ‘allerġika’ għalih. . . . Fl-Italja, il-Kattoliċiżmu m’għadux daqshekk magħqud f’dak li jemmen u jipprattika. . . . Fil-Ġermanja, il-kwistjoni taċ-ċentri għall-pariri dwar l-abort qed tkompli tkabbar il-firda li hemm bejn il-papa u d-demokrazija li mhix lesta taċċetta stqarrijiet dittatorjali iktar. Xi osservaturi diġà qed jgħidu li l-pożizzjoni riskjuża li ħadet [l-Olanda] dwar il-morali u l-ewtanasja hija riżultat taʼ li m’għadhomx jipprattikaw il-valuri Kristjani.”
Is-sitwazzjoni hija l-istess kważi kullimkien. Fl-1999, l-Arċisqof taʼ Canterbury, George Carey, wissa li l-Knisja taʼ l-Ingilterra kienet “ġenerazzjoni waħda ’l bogħod mill-estinzjoni.” F’artiklu li jġib it-titlu “It-Tmiem taʼ l-Ewropa Kristjana,” il-gazzetta Franċiża Le Figaro qalet: “L-istess qed jiġri kullimkien. . . . In-nies għal darba wara l-oħra qed jesprimu d-dubji tagħhom dwar l-opinjonijiet etiċi u duttrinali.”
Inqas Parteċipazzjoni Reliġjuża
Fl-Ewropa, l-attendenza fil-knisja qed tonqos b’mod drastiku. Inqas minn 10 fil-mija mill-Kattoliċi Franċiżi jmorru l-quddies kull nhar taʼ Ħadd, filwaqt li minn 3 sa 4 fil-mija biss minn dawk li jgħixu f’Pariġi jmorru l-knisja regolarment. Attendenza simili jew saħansitra inqas ġiet osservata fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, u fil-pajjiżi Skandinavi.
L-awtoritajiet reliġjużi huma mħassbin serjament dwar in-nuqqas taʼ vokazzjonijiet. F’inqas minn seklu, in-numru taʼ qassisin fi Franza naqas b’mod drastiku, minn 14-il qassis kull 10,000 abitant għal inqas minn 1 kull 10,000 fi żmienna. Madwar l-Ewropa, l-età medja tal-qassisin qed tiżdied, u saħansitra f’pajjiżi bħall-Irlanda u l-Belġju qed jiġi notat li n-numru taʼ qassisin qed jonqos. Fl-istess ħin, in-numru taʼ tfal li jattendu l-klassijiet tal-katekiżmu qed jonqos, u dan qed iqajjem dubji serji dwar jekk il-Knisja Kattolika għandhiex l-abbiltà li ġġedded lilha nfisha.
Fejn tidħol ir-reliġjon, il-fiduċja donnha saret xi ħaġa tal-passat. Sitta fil-mija biss min-nies Franċiżi jemmnu li “l-verità tistaʼ tinstab biss f’reliġjon waħda,” imqabbla maʼ 15 fil-mija fl-1981 u maʼ 50 fil-mija fl-1952. L-apatija reliġjuża qed tinfirex. Il-persentaġġ taʼ nies li jgħidu li m’humiex membri t’ebda għaqda reliġjuża żdied minn 26 fil-mija fl-1980 għal 42 fil-mija fis-sena 2000.—Les valeurs des Français—Évolutions de 1980 à 2000 (Valuri Franċiżi—L-Iżvilupp mill-1980 sa l-2000).
Bidla Kbira fil-Valuri Morali
Il-kriżi fil-valuri hija evidenti wkoll fil-kwistjoni tal-morali. Bħalma diġà ssemma, ħafna minn dawk li jattendu l-knisja jirrifjutaw li jaċċettaw id-digrieti morali tal-knisja tagħhom. Huma ma jaqblux mal-ħsieb li l-mexxejja reliġjużi għandhom id-dritt jistabbilixxu l-livelli taʼ imġiba. L-istess folol li japprovaw il-waqfa tal-papa fuq id-drittijiet tal-bniedem jirrifjutaw li jobduh meta kliemu jolqot il-ħajjiet persunali tagħhom. Per eżempju, ħafna huma dawk li jinjoraw il-waqfa tiegħu kontra l-kontraċezzjoni, saħansitra ħafna koppji Kattoliċi.
Din l-attitudni teffettwa kemm lin-nies reliġjużi kif ukoll lil dawk li m’humiex, minn kull livell tas-soċjetà. Prattiċi li huma kundannati b’mod ċar fl-Iskrittura Mqaddsa huma tollerati. Għoxrin sena ilu, 45 fil-mija miċ-ċittadini Franċiżi ma kinux jittolleraw l-omosesswalità. Illum, 80 fil-mija jaċċettawha. Avolja l-maġġuranza huma favur il-fedeltà fiż-żwieġ, 36 fil-mija biss jikkundannaw relazzjonijiet barra ż-żwieġ bħala li qatt ma jistgħu jkunu ġustifikati.—Rumani 1:26, 27; 1 Korintin 6:9, 10; Lhud 13:4.
Balbuljata Reliġjuża
Fis-soċjetà tal-punent, kulħadd qed joħloq reliġjon għalih innifsu li fiha jassumi li għandu d-dritt jagħżel x’jemmen u x’ma jemminx. Ċerti duttrini huma aċċettati, filwaqt li oħrajn jiġu mwarrbin. Xi wħud isejħu lilhom infushom Kristjani waqt li jemmnu fir-riinkarnazzjoni, u oħrajn ma jsibuhiex bi tqila li jsegwu twemmin reliġjuż differenti fl-istess ħin. (Koħèlet 9:5, 10; Eżekjel 18:4, 20; Mattew 7:21; Efesin 4:5, 6) Il-ktieb Les valeurs des Français wera biċ-ċar li llum ħafna minn dawk li jemmnu qed jiżvijaw u qatt ma jerġgħu lura lejn il-knisja.
Però, din ix-xejra lejn iktar individwaliżmu reliġjuż m’hijiex mingħajr perikli. Jean Delumeau, studjuż taʼ l-istorja reliġjuża u membru taʼ l-Institut de France, jemmen li huwa impossibbli li wieħed jivvinta r-reliġjon tiegħu stess li tkun indipendenti minn kwalunkwe sistema stabbilita. ‘Il-fidi ma tistax tibqaʼ ħajja jekk ma jkollhiex l-għeruq fis-saħħa taʼ kredu speċifiku.’ Il-valuri spiritwali f’lokhom u l-prattiċi reliġjużi jridu jkunu fi qbil b’mod loġiku. Fejn jistaʼ jinsab qbil bħal dan fost dinja mifnija bil-bidliet?
Fil-paġni tagħha, il-Bibbja tfakkarna li huwa Alla li jistabbilixxi r-regoli aċċettabbli taʼ kondotta u moralità, għalkemm iħalli lill-bnedmin fil-libertà li jagħżlu jekk jimxux fuqhom jew le. Miljuni madwar id-dinja jirrikonoxxu li dan il-ktieb li tant ilu stmat huwa taʼ valur prattiku llum u huwa bħal ‘fanal għal riġlejhom, u dawl fil-mogħdija tagħhom.’ (Salm 119:105) Kif waslu għal din il-konklużjoni? Dan se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss.