LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 4/15 pp. 8-11
  • Meta l-Ippridkar Ikun Tant Memorabbli

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Meta l-Ippridkar Ikun Tant Memorabbli
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Respons Tajjeb
  • Uħud Akbar Jieħdu Sehem Ukoll
  • Respons Inkuraġġanti
  • L-​Oppożizzjoni Tittaffa
  • “Esperjenza taʼ l-​Għaġeb”
  • Ħsad Mimli Ferħ
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 4/15 pp. 8-11

Meta l-​Ippridkar Ikun Tant Memorabbli

“Ix-​xemx qed tikwi. Il-​mogħdija fil-​muntanji tidher li ma se tispiċċa qatt. Wara li rnexxielna negħlbu ħafna ostakli, fl-​aħħar wasalna fejn ridna: l-​iktar raħal imbiegħed. Il-​ferħ inessina l-​għeja meta nħabbtu fuq l-​ewwel bieb u tant jilqgħuna tajjeb. Sa fil-​għaxija, konna ħallejna l-​letteratura kollha li ġibna magħna u anki bdejna diversi studji tal-​Bibbja. In-​nies huma ħerqanin biex jitgħallmu. Issa jkollna nitilqu, imma nwegħduhom li se nerġgħu mmorru.”

ESPERJENZI bħal dawn huma komuni għal grupp taʼ ministri pijunieri fil-​Messiku. Dawn huma determinati li jieħdu sehem b’mod żeluż fit-​twettiq taʼ l-​inkarigu li Ġesù Kristu ta lid-​dixxipli tiegħu: “Tkunu xhieda tiegħi . . . sa truf l-​art.” (Atti 1:8) Fil-​Messiku, kampanji speċjali taʼ ppridkar—imsejħin rotot tal-​pijunieri—jiġu organizzati sabiex jintlaħqu territorji li m’humiex assenjati lil xi kongregazzjoni u li minħabba f’hekk, m’humiex qed jirċievu l-​aħbar tajba tas-​saltna regolarment. Ġeneralment, dawn huma territorji mwarrbin jew diffiċli biex tilħaqhom. Għajnuna qed tingħata wkoll lill-​kongregazzjonijiet iżolati li għandhom ħafna territorju xi jkopru.

Biex ikunu jistgħu jiddeterminaw liema partijiet tal-​pajjiż se jiġu inklużi fir-​rotot tal-​pijunieri, l-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah jeżamina l-​bżonnijiet tat-​territorju.a Ladarba dan ikun sar, gruppi taʼ pijunieri speċjali jiġu assenjati biex ikopru t-​territorju. Huma jiġu provduti b’vetturi li jkunu addattati għat-​toroq imħarbtin u mimlija ħofor. Dawn il-​vetturi jservu taʼ mħażen għal-​letteratura u meta jkun hemm bżonn anki bħala postijiet biex jorqdu fihom.

Respons Tajjeb

Minn Ottubru taʼ l-​1996, ġew mistiedna pubblikaturi oħrajn biex jieħdu sehem f’din l-​attività taʼ ppridkar, flimkien mal-​pijunieri speċjali. Pubblikaturi tas-​Saltna kif ukoll pijunieri regulari li huma lesti li jaqdu fejn hemm bżonn kbir, jieħdu sehem f’din il-​kampanja f’fażijiet differenti. Xi wħud jiġu assenjati f’kongregazzjonijiet matul ir-​rotta sabiex jieħdu ħsieb it-​territorju u jikkultivaw l-​interess li jsibu. Ħafna pubblikaturi żgħażagħ u pijunieri aċċettaw din l-​istedina u kellhom ħafna esperjenzi inkuraġġanti ferm.

Per eżempju, Abimael, żagħżugħ Kristjan li kellu impjieg tajjeb ħafna f’kumpanija tat-​telefons ċellulari ddeċieda li jieħu sehem fl-​attività taʼ ppridkar f’dawn ir-​reġjuni mwarrbin. Meta dawk li impjegawh saru jafu li kien se jitlaq mix-​xogħol, huma offrewlu promozzjoni u żjieda fil-​paga. Sħabu tax-​xogħol għamlulu pressjoni, billi insistew li kienet opportunità unika u li kienet bluha li jirrifjutaha. Minkejja dan, Abimael kien determinat li jappoġġa l-​kampanja speċjali taʼ ppridkar għal tliet xhur. Minħabba li tant ħa pjaċir f’dan is-​servizz, Abimael iddeċieda li jibqaʼ f’kongregazzjoni f’post imwarrab fejn hemm bżonn kbir taʼ pubblikaturi tas-​Saltna. Issa għandu impjieg modest u tgħallem iżomm ħajtu sempliċi.

Każ ieħor hu taʼ Julissa li kellha tivvjaġġa għal 22 siegħa fuq karozza tal-​linja għall-​inkarigu tagħha. Fl-​aħħar parti tal-​vjaġġ tagħha, tilfet l-​aħħar karozza tal-​linja li kien hemm dakinhar. Imma, kien hemm trakk li kien iġorr lill-​ħaddiema. Julissa rabbiet il-​kuraġġ u staqsiethom biex irikkbuha. M’għandniex xi ngħidu, hi beżgħet xi ftit, għax kienet l-​unika mara fost qabda rġiel. Meta bdiet tippriedka lil wieħed żagħżugħ, hi rrealizzat li hu kien wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah! “Mhux hekk biss,” tirrakkonta Julissa, “imma dak li kien qed isuq it-​trakk inzerta li kien anzjan fil-​kongregazzjoni li jien ġejt assenjata fiha!”

Uħud Akbar Jieħdu Sehem Ukoll

Madankollu, din l-​attività, m’hijiex biss għaż-​żgħażagħ. Adela, oħt akbar fl-​età, minn dejjem riedet tqattaʼ iktar ħin fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Ġietha l-​opportunità meta rċiviet stedina biex tieħu sehem f’din l-​attività speċjali taʼ ppridkar. Hi tirrakkonta: “Tant kemm ħadt pjaċir fl-​inkarigu tiegħi li tlabt lill-​anzjani fil-​kongregazzjoni biex iħalluni nibqaʼ hemm. Jien ferħana għax avolja kbira fl-​età, Jehovah xorta jistaʼ jużani.”

B’mod simili, imqanqla mill-​apprezzament għal Jehovah u mill-​imħabba għal għajrha, Martha li għandha 60 sena, għamlet lilha nfisha disponibbli għal din il-​kampanja. Meta rat li d-​distanza involuta u l-​art imħarbta tat-​territorju kienu qed ifixklu l-​grupp tagħha milli jilħqu lin-​nies kollha, xtrat karozza biex ikunu jistgħu jużawha l-​pijunieri. Il-​kontribuzzjoni taʼ din l-​oħt għamlitha possibbli biex ikopru iktar territorju u jaqsmu veritajiet tal-​Bibbja maʼ iktar nies.

Respons Inkuraġġanti

Il-​mira taʼ dawk li jieħdu sehem f’dawn il-​kampanji speċjali taʼ ppridkar hi li ‘jagħmlu dixxipli.’ F’dan l-​aspett, ir-​riżultati kienu eċċellenti. Nies li kienu jgħixu f’postijiet iżolati rċivew veritajiet tal-​Bibbja li jsalvaw il-​ħajjiet. (Mattew 28:​19, 20) Inbdew ħafna studji tal-​Bibbja. Dawn jieħdu ħsiebhom pubblikaturi li joqogħdu fil-​qrib jew evanġelizzaturi li baqgħu fit-​territorju. F’ċerti postijiet ġew organizzati gruppi taʼ pubblikaturi, u f’oħrajn ġew ifformati kongregazzjonijiet żgħar.

Magdaleno u l-​ħbieb tiegħu użaw it-​trasport pubbliku biex jaslu fit-​territorju iżolat fejn ġew assenjati. Waqt li kienu qed jivvjaġġaw, ħatfu l-​opportunità biex jippridkaw lis-​sewwieq. “Dan ir-​raġel qalilna li l-​ġimgħa taʼ qabel, xi Xhieda kienu marru d-​dar tiegħu waqt li hu ma kienx hemm. Meta rritorna, il-​membri tal-​familja tiegħu qalulu dak kollu li kienu semgħu. Aħna għednielu li ma konniex minn dak il-​post imma li ġejna minn diversi partijiet tal-​pajjiż biex nappoġġaw din il-​kampanja speċjali taʼ ppridkar u li lkoll kemm aħna ħallasna minn butna biex niġu. Impressjonat, is-​sewwieq qal li hu kien se jibda jistudja l-​Bibbja flimkien mal-​familja tiegħu dik il-​ġimgħa stess. Hu saħansitra kkontribwixxa għax-​xogħol billi ma ħadilniex flus għall-​vjaġġ.”

Magdaleno baqaʼ wkoll impressjonat ħafna bir-​respons tan-​nies li jgħixu fil-​muntanji Chiapas. “Jien u marti kellna l-​esperjenza li naqsmu l-​messaġġ tas-​Saltna maʼ grupp taʼ 26 żagħżugħ u żagħżugħa li jattendu l-​Knisja Presbiterjana. Kollha semgħu b’attenzjoni għal 30 minuta. Huma ħarġu l-​Bibbji tagħhom, u aħna stajna nagħtuhom xiehda bir-​reqqa dwar l-​iskopijiet taʼ Jehovah. Il-​maġġuranza tan-​nies għandhom Bibbji bil-​lingwa Tzeltal.” Inbdew numru taʼ studji tal-​Bibbja progressivi.

L-​Oppożizzjoni Tittaffa

Ċerta komunità f’Chiapas kienu ilhom ma jmorru jxandru l-​messaġġ tal-​Bibbja fiha għal iktar minn sentejn minħabba l-​oppożizzjoni taʼ ftit persuni. Teresa, evanġelizzatriċi full-time, innotat li xi wħud mill-​aħwa kienu qed jibżgħu jmorru jippridkaw f’dan ir-​raħal. “Imma ħaġa taʼ l-​iskantament, in-​nies kienu ħerqanin li jisimgħu. Meta spiċċajna nippridkaw, bdiet niżla xita bil-​qliel. Bdejna nfittxu fejn nistkennu u wasalna fid-​dar taʼ raġel ospitabbli jismu Sebastián, li ħalliena nidħlu ġewwa u nistkennu mix-​xita. X’ħin dħalna, jien staqsejtu jekk kienx ħabbatlu xi ħadd. Meta qalli li le, bdejt nagħtih xiehda u bdejna studju tal-​Bibbja permezz tal-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem.b Meta spiċċajna, Sebastián talabna bid-​dmugħ f’għajnejh biex nerġgħu mmorru ħalli nistudjaw miegħu.”

Grupp ieħor taʼ pijunieri li żaru Chiapas qalu: “Bl-​għajnuna taʼ Jehovah, kellna riżultati tajbin. Fl-​ewwel ġimgħa, bdejna 27 studju; fit-​tieni ġimgħa, stidinna lin-​nies biex jaraw il-​vidjo tagħna The Bible​—Its Power in Your Life (Il-Bibbja—Il-​Qawwa Tagħha f’Ħajtek). Kien hemm sittin li attendew. Kulħadd ħa pjaċir jara l-​vidjo. Fl-​aħħar, staqsejniehom jekk xtaqux jibdew studju tal-​Bibbja bħala grupp. B’sorpriża, żewġ gruppi taʼ studju ġew ifformati f’dan ir-​raħal.

“Wara li spiċċajna naħdmu t-​territorju assenjat lilna, erġajna morna nżuru r-​raħal biex insaħħu lil dawk interessati u biex naraw kif kienu mexjin il-​gruppi taʼ l-​istudju tal-​Bibbja li kienu ġew organizzati. Stidinna lil kulħadd għal-​laqgħa pubblika u għall-​istudju tat-​Torri taʼ l-​Għassa. Madankollu, ma kienx hemm post kbir biżżejjed fejn isiru l-​laqgħat. L-​individwu li offra daru għall-​grupp taʼ l-​istudju pponta lejn il-​bitħa wara d-​dar tiegħu u qal: ‘Nistgħu nagħmlu l-​laqgħat fil-​bitħa.’”

Fi tmiem il-​ġimgħa, kemm il-​pijunieri li kienu qed iżuru l-​post u kemm in-​nies interessati marru b’ħeġġa kbira biex jgħinu ħalli jirranġaw u jnaddfu l-​bitħa sabiex tkun tistaʼ tintuża għal-​laqgħat. Kien hemm 103 persuni li attendew għall-​ewwel laqgħa. Issa qed isiru 40 studju tal-​Bibbja f’dak ir-​raħal.

“Esperjenza taʼ l-​Għaġeb”

Minbarra li kellhom riżultati eċċellenti fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, dawk li ħadu sehem f’din l-​attività taʼ ppridkar ibbenefikaw bil-​kbir huma nfushom. María, pijuniera żagħżugħa li ħadet sehem f’waħda minn dawn il-​kampanji, esprimiet dak li ħasset b’dan il-​mod: “Kienet esperjenza taʼ l-​għaġeb għal żewġ raġunijiet. Il-​ferħ tiegħi fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar żdied, u r-​relazzjoni tiegħi maʼ Jehovah saret iktar intima. Darba meta konna telgħin muntanja, bdejna nħossuna għajjenin. Wara li tlabna lil Jehovah għall-​għajnuna, esperjenzajna dak li jgħid Isaija 40:​29-31: ‘Dawk li jittamaw fil-​Mulej jieħdu saħħithom.’ B’hekk irnexxielna naslu fejn xtaqna u studjajna man-​nies li tant laqgħuna b’ospitalità.”

Claudia, pijuniera żagħżugħa oħra taʼ 17-il sena, tgħidilna: “Jiena bbenefikajt ħafna. Tgħallimt inkun iktar effettiva fil-​ministeru, li ġabli ħafna ferħ, u li wassal biex jien nagħmel miri spiritwali. Ħassejtni wkoll immaturajt b’mod spiritwali. Id-​dar ommi kienet tagħmilli kollox hi. Issa, b’iktar esperjenza, sirt iżjed responsabbli. Per eżempju, qabel kont fitta żżejjed fl-​ikel. Imma issa, li kelli naddatta għal ċirkustanzi differenti, m’għadnix ingerger dwar l-​ikel. Dan it-​tip taʼ servizz għenni nikkultiva ħbiberiji verament tajbin. Aħna naqsmu dak kollu li jkollna u ngħinu lil xulxin.”

Ħsad Mimli Ferħ

X’inhuma r-​riżultati taʼ dan l-​isforz speċjali? Sal-​bidu tas-​sena 2002, kien hemm madwar 28,300 pijunier li ħadu sehem f’dawn ir-​rotot tal-​pijunieri. Dawn għamlu iktar minn 140,000 studju tal-​Bibbja, u qattgħu iktar minn żewġ miljun siegħa fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Biex jgħinu lin-​nies isiru jafu l-​veritajiet tal-​Bibbja, ħallew kważi 121,000 ktieb u kważi 730,000 rivista. M’hix xi ħaġa rari li pijunier jikkonduċi 20 jew iktar studji tal-​Bibbja.

Dawk li jintwerew din il-​qalb tajba huma verament grati għall-​isforz speċjali li qed isir biex huma jistgħu jintlaħqu bil-​messaġġ tal-​Bibbja. Minkejja l-​faqar tagħhom, ħafna jinsistu li l-​pubblikaturi jaċċettaw id-​donazzjonijiet tagħhom. Mara fqira taʼ 70 sena dejjem toffri xi ħaġa lill-​pijunieri li jżuruha. Jekk jirrifjutaw li jiħduha, taqbad tibki. Familja li hija fqira tgħid lill-​pijunieri full-time li l-​qroqqa biedet xi ftit bajd apposta għalihom, u tħeġġiġhom biex jiħduh.

Iktar importanti minn hekk, dawn in-​nies sinċieri juru apprezzament ġenwin għall-​affarijiet spiritwali. Per eżempju, mara żagħżugħa timxi waħedha għal tliet sigħat u nofs biex tattendi l-​laqgħat Kristjani, u ma titlef ebda waħda minnhom. Minkejja li għandha problemi b’irkopptejha, mara anzjana interessata vvjaġġat għal sagħtejn sħaħ biex tirċievi istruzzjoni mill-​Bibbja matul iż-​żjara taʼ l-​indokratur li jivvjaġġa. Xi wħud li kienu illetterati riedu jitgħallmu jaqraw u jiktbu sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw iktar mill-​edukazzjoni tal-​Bibbja. L-​isforzi tagħhom ġew imberkin bil-​kbir.

Fil-ktieb taʼ l-​Atti, Luqa jiddeskrivi viżjoni li kellu l-​appostlu Pawlu: “Ra raġel mill-​Maċedonja, wieqaf, jitolbu hekk: ‘Ejja l-​Maċedonja u għinna.’” Pawlu minn qalbu aċċetta l-​istedina. Illum, fil-​postijiet iżolati fil-​Messiku, ħafna wieġbu bl-​istess spirtu, billi għamlu lilhom infushom disponibbli biex jiddikjaraw l-​aħbar tajba “sa truf l-​art.”—Atti 1:8; 16:​9, 10.

[Noti taʼ taħt]

a Reċentement, iktar minn 8 fil-​mija mit-​territorju fil-​Messiku ma kienx qed isir regolarment mill-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Dan ifisser li hemm iktar minn 8,200,000 ruħ li jgħixu fi nħawi iżolati fejn l-​ippridkar hu limitat.

b Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampa f’paġna 9]

Ħafna Xhieda fil-​Messiku ħadu sehem fil-​kampanji speċjali taʼ ppridkar

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja