LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 6/15 pp. 26-29
  • Alessandru vi—Papa li Ruma Qatt Ma Tinsieh

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Alessandru vi—Papa li Ruma Qatt Ma Tinsieh
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Kif Kiseb il-​Poter
  • Xejn Aħjar minn Prinċpijiet Sekulari
  • Kritika taʼ l-​Imġiba bla Rażan tal-​Papa
  • Mistoqsijiet Serji
  • Hija Din il-​Kristjanità Vera?
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 6/15 pp. 26-29

Alessandru VI​—Papa li Ruma Qatt Ma Tinsieh

“BĦALA Kattoliċi, m’għandniex kliem biex nikkundannaw iktar bl-​aħrax lil Alessandru VI.” (Geschichte der Päpste seit dem Ausgang des Mittelalters [L-Istorja tal-​Papiet minn Tmiem il-​Medju Evu]) “Il-​ħajja privata tiegħu bl-​ebda mod ma tistaʼ tiġi skużata . . . Ikollna nammettu li dan il-​pontifikat ma jġib ebda unur lill-​Knisja. In-​nies taʼ żmien il-​familja Borgia, għalkemm kienu mdorrijin jaraw spettakli simili, ikkunsidraw l-​affarijiet ħżiena li għamlu l-​membri tal-​familja Borgia b’terrur li ma jitfissirx. L-​effetti tagħhom għadhom jinħassu saħansitra iktar minn erbaʼ sekli wara.”​—L’Église et la Renaissance (1449-​1517)(Il-Knisja u r-​Rinaxximent).

Dawn il-​kotba rispettati taʼ l-​istorja dwar il-​Knisja Kattolika Rumana għala joffru dawn il-​kummenti ħorox dwar il-​papa u l-​familja tiegħu? X’għamlu biex jistħoqqilhom kritika bħal din? Esibizzjoni li saret f’Ruma (Ottubru 2002–Frar 2003), intitolata I Borgia​—l’arte del potere (Il-familja Borgia​—l-​Arti tal-​Poter), offriet okkażjoni għal riflessjoni fuq il-​poter esklużiv li jgħid li għandu l-​papat, b’mod partikulari fuq il-​mod kif intuża minn Rodrigo Borgia, jew Alessandru VI (papa mill-​1492-1503).

Kif Kiseb il-​Poter

Rodrigo Borgia twieled fis-​sena 1431 ġewwa familja prominenti f’Játiva fis-​saltna t’Aragona, issa fi Spanja. Iz-​ziju tiegħu Alfonso de Borgia, isqof taʼ Valenzja, ħa ħsieb l-​edukazzjoni taʼ neputih. Hu għamel ċert li Rodrigo, li kien għadu adolexxent, jingħata benefizzji ekkleżjastiċi (karigi ekkleżjastiċi bil-​ħlas). Meta kellu 18-il sena, taħt il-​protezzjoni t’Alfonso, li s’issa kien sar kardinal, Rodrigo mar jgħix l-​Italja, fejn studja l-​liġi. Meta Alfonso sar Papa Calixtus III, hu laħħaq lil Rodrigo u lil neputi ieħor kardinali. Pere Lluís Borgia sar il-​gvernatur taʼ diversi bliet. Ftit wara, Rodrigo nħatar viċi-kanċillier tal-​knisja, pożizzjoni li baqaʼ jżomm taħt diversi papiet, u li għenitu jikseb ħafna karigi bil-​benefiċċji, ġid enormi, poter li ma bħalu, u ħajja lussuża daqs dik taʼ prinċep.

Rodrigo kien intelliġenti, kelliemi fluwenti, patrun taʼ l-​arti, u kapaċi jikseb l-​objettivi tiegħu. Madankollu, kellu għadd kbir taʼ relazzjonijiet illeċiti, u kellu erbat itfal minn mara li baqgħet miegħu għomru kollu, u iktar tfal minn nisa oħra. Għalkemm Papa Piju II ċanfru minħabba l-​kilba kbira tiegħu għad-​divertiment “immorali għall-​aħħar” u għall-​“pjaċiri sfrenati,” Rodrigo xorta kif kien baqaʼ.

Meta miet Papa Innoċenz VIII fis-​sena 1492, il-​kardinali tal-​knisja ltaqgħu biex jivvotaw għal suċċessur. M’hemm ebda dubju li Rodrigo Borgia rnexxielu jipperswadi lil sħabu l-​kardinali biex jivvotaw għalih billi offrielhom rikkezzi u karigi bi ħlas tajjeb. Ir-​riżultat tal-​laqgħa kien li hu ntgħażel bħala l-​Papa Alessandru VI. Kif ħallas għall-​voti tal-​kardinali? Billi tahom pożizzjonijiet ekkleżjastiċi, palazzi, kastelli, bliet, monasterji, u djoċesi bi dħul kbir. Mhux taʼ b’xejn li wieħed mill-​kittieba taʼ l-​istorja tal-​knisja sejjaħ lir-​renju t’Alessandru VI bħala “żmien taʼ diżunur u skandlu għall-​Knisja Rumana.”

Xejn Aħjar minn Prinċpijiet Sekulari

Bis-​saħħa tal-​poter spiritwali li kellu bħala l-​kap tal-​knisja, Alessandru VI għen biex titranġa t-​tilwima li kien hemm bejn Spanja u l-​Portugall dwar it-​territorju li kien għadu kif ġie skopert fl-​Amerika taʼ Fuq u t’Isfel. Bil-​poteri sekulari li kellu sar il-​kap taʼ l-​istati Papali li kellhom territorji fiċ-​ċentru taʼ l-​Italja, u hu ħakem saltnatu bil-​mod kif kien jaħkem kwalunkwe sovran ieħor taʼ żmien ir-​Rinaxximent. Ir-​renju t’Alessandru VI, bħal dawk tal-​papiet taʼ qablu u warajh, kien karatterizzat mill-​qerq, in-​nepotiżmu, u iktar minn qtil suspettuż wieħed.

Potenzi rivali ġġieldu għal territorji Taljani matul dawn iż-​żminijiet taʼ taqlib, u l-​papa ma qagħadx b’idu fuq żaqqu. Il-​manuvri u l-​alleanzi politiċi tiegħu, li kienu ġew stabbiliti u miksurin, saru bl-​għan li jżidulu l-​poter, jgħinu l-​karriera t’uliedu, u jgħollu l-​isem tal-​familja Borgia fuq kull isem ieħor. Ibnu Juan, li żżewweġ il-​kuġina tas-​sultan taʼ Castile, sar id-​duka taʼ Gandía, fi Spanja. Jofré, ibnu ieħor, iżżewweġ lin-​neputija tas-​sultan taʼ Napli.

Meta l-​papa kellu bżonn alleat biex isaħħaħ ir-​relazzjonijiet tiegħu maʼ Franza, hu kiser il-​wegħda li jżewweġ lit-​tifla tiegħu Lucrezia, li kellha 13-il sena, lil wieħed nobbli minn Aragona u minflok taha lil wieħed li kien jiġi mid-​duka taʼ Milan. Meta dak iż-​żwieġ ma kienx iktar vantaġġuż politikament, sab skuża biex jannullah, u Lucrezia kellha tiżżewweġ membru taʼ dinastija rivali, Alfonso t’Aragona. Sadanittant, ħu Lucrezia, Cesare Borgia, li kien ferm ambizzjuż u kiefer, ifforma alleanza maʼ Lwiġi XII taʼ Franza, u ż-​żwieġ reċenti t’oħtu maʼ dan in-​nobbli t’Aragona sar xi ħaġa taʼ mistħija. X’kienet is-​soluzzjoni? Sors wieħed jgħid li Alfonso, ir-​raġel sfortunat tagħha, “ġie ferut minn erbat irġiel li pprovaw joqtluh fuq it-​taraġ tal-​Bażilika taʼ San Pietru. Waqt li kien qed jirkupra, wieħed mill-​qaddejja taʼ Cesare fgah.” Minħabba li l-​papa xtaq alleanzi strateġiċi ġodda, hu rranġa għat-​tielet żwieġ taʼ Lucrezia, li issa kellha 21 sena, maʼ l-​iben tad-​duka setgħani, Ferrara.

Il-karriera taʼ Cesare ġiet deskritta bħala “storja taʼ korruzzjoni bla skrupli, miksija b’ħafna tixrid taʼ demm.” Għalkemm missieru laħħqu kardinal taʼ 17-il sena, iktar kien addattat għall-​gwerra milli għall-​knisja, għax kien makakk, ambizzjuż, u ftit kien hemm min hu korrott daqsu. Wara li rriżenja mill-​inkarigu ekkleżjastiku tiegħu, iżżewweġ prinċipessa Franċiża, b’hekk sar id-​duka taʼ Valentinois. Imbagħad, bl-​appoġġ taʼ truppi Franċiżi, beda kampanja t’assedju u taʼ qtil biex jieħu l-​Italja tat-​tramuntana taħt idejh.

Biex jiżgura ruħu mill-​appoġġ tal-​militar Franċiż sabiex Cesare jilħaq l-​objettivi tiegħu, il-​papa aċċetta li jsir id-​divorzju konvenjenti imma skandaluż li kien talab Lwiġi XII taʼ Franza. Dan imbagħad tah l-​opportunità li jiżżewweġ lil Anna taʼ Brittany, u b’hekk iżid id-​dukat tagħha mas-​saltna tiegħu. Fil-​fatt, xogħol wieħed taʼ referenza jgħid li l-​papa “ssagrifika r-​reputazzjoni tal-​Knisja u l-​prinċipji għoljin tagħha biex jikseb vantaġġi sekulari għall-​membri tal-​familja tiegħu.”

Kritika taʼ l-​Imġiba bla Rażan tal-​Papa

Minħabba l-​imġiba bla rażan tagħha, il-​familja Borgia kellha ħafna għedewwa u ġiet kritikata ferm. Il-​papa bażikament injora lil dawk li kkritikawh, imma wieħed li ma setax jiġi injorat kien Girolamo Savonarola. Dan kien patri Dumnikan, predikatur żeluż, u mexxej politiku ġewwa Firenze. Hu kkundanna l-​vizzji taʼ dawk taʼ madwar il-​papa kif ukoll il-​persuna u l-​politika tal-​papa nnifsu, u talab li jitneħħa mill-​kariga tiegħu u ssir riforma ekkleżjastika. Savonarola qal b’leħen irrabjat: “Intom mexxejja tal-​knisja, . . . bil-​lejl tmorru għand il-​konkubini tagħkom u fil-​għodu għas-​sagramenti tagħkom.” Iktar tard qal: “[Dawk il-​mexxejja] għandhom wiċċ taʼ mara żienja, u l-​isem li qegħdin jagħmlu qed jagħmel ħsara kbira lill-​Knisja. Ngħidilkom li dawn ma jemmnux fit-​twemmin taʼ Kristu.”

Sabiex jipprova jsikktu, il-​papa offra lil Savonarola l-​inkarigu taʼ kardinal, imma dan irrifjutah. Ma nafux jekk kinitx il-​politika tiegħu kontra l-​papa jew inkella l-​ippridkar tiegħu l-​kaġun li Savonarola spiċċa rovinat, skomunikat, arrestat, torturat u mġiegħel jagħmel qrara, u mbagħad mgħallaq u maħruq.

Mistoqsijiet Serji

Dawn il-​ġrajjiet storiċi jqajmu mistoqsijiet importanti. Kif jistgħu jiġu spjegati dawn l-​intriċċi u l-​kondotta taʼ papa? Il-​kittieba taʼ l-​istorja kif jispjegawhom? Hemm diversi linji taʼ raġunar.

Ħafna jemmnu li rridu naraw lil Alessandru VI fil-​kuntest storiku tiegħu. L-​attivitajiet politiċi u ekkleżjastiċi tiegħu suppost li kienu kundizzjonati mix-​xewqa li jħares il-​paċi, iżomm il-​bilanċ bejn żewġ pajjiżi rivali, isaħħaħ ir-​rabtiet taʼ ħbiberija m’alleati li kienu lesti li jiddefendu l-​papat, u jżomm il-​monarki tal-​Kristjaneżmu magħqudin flimkien kontra t-​theddida mit-​Torok.

Imma xi ngħidu dwar il-​kondotta tiegħu? Studjuż wieħed jgħid: “F’kull epoka tal-​Knisja kien hemm Kristjani ħżiena u qassisin mhux denji. Biex ħadd ma jibqaʼ xxokkjat b’dan, Kristu nnifsu bassru dan; saħansitra qabbel il-​Knisja tiegħu m’għalqa li fiha jikber qamħ tajjeb u ħaxix ħażin, jew maʼ xibka li fiha hemm ħut tajjeb u ħażin, sewwasew bħalma hu ttollera lil Ġuda fost l-​appostli tiegħu.”a

L-istess studjuż ikompli: “Eżatt bħalma montatura difettuża ma tnaqqasx il-​valur taʼ ġawhra, hekk ukoll id-​dnubiet taʼ qassis ma jistgħux fil-​fatt jippreġudikaw . . . id-​duttrini li jgħallem. . . . Id-​deheb jibqaʼ deheb kemm jekk l-​id li tqassmu tkun nadifa u kemm jekk le.” Ċertu kittieb taʼ l-​istorja Kattoliku jargumenta li l-​prinċipju li Kattoliċi sinċieri messhom segwew fil-​każ t’Alessandru VI huwa l-​parir li Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu rigward l-​iskribi u l-​Fariżej: ‘Kull ma jgħidulkom agħmluh iżda tagħmlux kif jagħmlu huma.’ (Mattew 23:​2, 3) Imma, sinċerament, raġunar bħal dan verament jikkonvinċik?

Hija Din il-​Kristjanità Vera?

Ġesù ħalla gwida sempliċi biex jittestja l-​kwalità taʼ dawk li jgħidu li huma Kristjani: “Mill-​frott tagħhom tagħrfuhom. Jaqaw jiġbru għeneb mix-​xewk, jew tin mill-​għollieq? Hekk kull siġra tajba frott tajjeb tagħmel, imma s-​siġra l-​ħażina frott ħażin tagħmel. Siġra tajba ma tistax tagħmel frott ħażin, anqas siġra ħażina ma tagħmilx frott tajjeb. . . . Għalhekk mill-​frott tagħhom tagħrfuhom.”—Mattew 7:​16-18, 20.

B’mod ġenerali, il-​mexxejja reliġjużi matul is-​sekli kif wettqu dawn il-​livelli tal-​mudell tal-​Kristjanità vera stabbilita minn Ġesù Kristu u murija mis-​segwaċi veri tiegħu u kif qed iwettquhom illum? Ejja nikkunsidraw biss żewġ oqsma​—l-​involviment politiku u l-​istil taʼ ħajja.

Ġesù ma kienx prinċep tad-​dinja. Tant għex ħajja modesta li, bħalma ammetta hu, lanqas biss kellu post “fejn imidd rasu.” Is-​Saltna tiegħu ma kinitx “taʼ din id-​dinja,” u d-​dixxipli tiegħu ma kellhomx ikunu ‘tad-​dinja bħalma hu ma kienx tad-​dinja.’ B’hekk, Ġesù rrifjuta li jinvolvi lilu nnifsu fl-​affarijiet politiċi taʼ żmienu.—Mattew 8:20; Ġwann 6:15; 17:16; 18:36.

Madankollu, m’huwiex veru li għal sekli sħaħ organizzazzjonijiet reliġjużi ħaduha drawwa li jitħabbu maʼ mexxejja politiċi biex jiksbu l-​poter u l-​gwadann materjali, għalkemm dan irriżulta f’sofferenza għan-​nies komuni? M’huwiex veru wkoll li ħafna mill-​membri tal-​kleru tagħhom jgħixu fil-​lussu, għalkemm ħafna min-​nies li suppost huma qed jimministrawlhom forsi huma foqra?

Ġakbu, ħu Ġesù mill-​omm qal: “Nies adulteri! Ma tafux li l-​ħbiberija mad-​dinja hija l-​għadu taʼ Alla? Min mela jrid isir ħabib tad-​dinja huwa għadu taʼ Alla.” (Ġakbu 4:4) Għala “għadu taʼ Alla”? L-​ewwel Ġwann 5:19 jgħid: “Nafu li aħna ġejjin minn Alla u li d-​dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin.”

Rigward il-​morali t’Alessandru VI, wieħed kittieb taʼ l-​istorja taʼ żmien il-​familja Borgia kiteb: “L-​istil taʼ ħajja tiegħu kien immorali għall-​aħħar. La mistħija ma kellu u lanqas sinċerità, la fidi u lanqas reliġjon. Hu kien maħkum minn regħba sfrenata, ambizzjoni żejda, kefrija ħarxa, u passjoni qawwija biex jara lil uliedu jimxu ’l quddiem.” M’għandniex xi ngħidu, Borgia ma kienx l-​uniku membru tal-​ġerarkija ekkleżjastika li aġixxa b’dan il-​mod.

L-Iskrittura xi tgħid dwar dan it-​tip taʼ mġiba? L-​appostlu Pawlu staqsa: “Ma tafux li l-​inġusti ma jirtuhiex is-​saltna taʼ Alla? La titqarrqux! La żienja, la . . . adulteri, la . . . rgħiba . . . ma jirtu s-​saltna taʼ Alla!”—1 Korintin 6:​9, 10.

Wieħed mill-​objettivi ċari taʼ din l-​esibizzjoni dwar il-​familja Borgia li saret reċentement f’Ruma kien “li jpoġġu lil dawn il-​persunaġġi kbar fil-​kuntest storiku tagħhom . . . , biex jifhmu imma ċertament mhux biex jaħfru jew jikkundannaw.” Infatti, dawk li żaru din l-​esibizzjoni setgħu jaslu għall-​konklużjonijiet tagħhom stess. Għalhekk, int għal liema konklużjoni wasalt?

[Nota taʼ taħt]

a Għal spjegazzjoni dettaljata taʼ dawn il-​parabboli, ara The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Frar, 1995, paġni 5-6, u t-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Settembru, 1992, paġni 7-​12.

[Stampa f’paġna 26]

Rodrigo Borgia, Papa Alessandru VI

[Stampa f’paġna 27]

Missier Lucrezia Borgia użaha biex ikabbar il-​poter tiegħu

[Stampa f’paġna 28]

Cesare Borgia kien ambizzjuż u korrott

[Stampa f’paġna 29]

Minħabba li Girolamo Savonarola ma setax jiġi msikket, hu spiċċa mgħallaq u maħruq

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja