Il-Qima Vera Tgħaqqad Familja
MARIA kellha 13-il sena meta hi u oħtha ż-żgħira, Lucy, semgħu dwar Jehovah mingħand xi ħadd li jiġi minnhom. Hu spjegalhom ukoll it-tama taʼ Ġenna fuq l-art. Tant qanqlilhom l-interess li huma marru miegħu s-Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Jehovah. Maria baqgħet impressjonata bit-tagħlim ċar li ngħata hemmhekk. Kien differenti ħafna mill-knisja, għax hemm ħlief ikantaw ma kinux! It-tfal ma damux ma bdew jistudjaw il-Bibbja maʼ waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah.
Ħuhom il-kbir, Hugo, kien interessat fil-filosofija u l-evoluzzjoni. Kien jgħid li hu ateu. Imma waqt li kien fis-servizz militari, hu qara l-ktieb Life—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation? a Hu sab it-tweġibiet għal mistoqsijiet li l-ebda reliġjon oħra ma setgħet tagħtih. Meta spiċċa s-servizz militari tiegħu, hu beda jsaħħaħ il-fidi ġdida tiegħu f’Alla billi studja l-Bibbja u attenda l-laqgħat maʼ ħutu l-bniet. Maria u Lucy tgħammdu fl-1992, sentejn wara li semgħu bil-verità għall-ewwel darba, u ħuhom tgħammed sentejn warajhom.
Sadanittant il-ġenituri tagħhom, li kienu devoti lejn tradizzjonijiet Kattoliċi, ftit li xejn urew interess fil-verità. Lix-Xhieda taʼ Jehovah kienu jarawhom fitti, għalkemm kienu jammiraw il-manjieri tajbin u l-ilbies modest tax-Xhieda żgħażagħ li kienu jiġu d-dar mat-tfal tagħhom. Barra minn hekk, meta kienu joqogħdu bil-qiegħda biex jieklu, it-tfal kienu jirrakkontaw l-affarijiet li jkunu tgħallmu fil-laqgħat, u dan kien iqanqal il-kurżità tal-ġenituri tagħhom.
Madankollu, il-ġenituri kienu t-tnejn interessati fis-seħer. Missierhom kien sakranazz u kien isawwat lil ommhom. Kienu kważi waslu biex jinfirdu. Imbagħad, il-missier qattaʼ ħmistax fil-ħabs minħabba kondotta ħażina waqt li kien fis-sakra. Waqt li kien il-ħabs, hu beda jaqra l-Bibbja. X’ħin beda jaqra, hu nnota l-kliem taʼ Ġesù rigward is-sinjal taʼ l-aħħar jiem. Dan qanqal ħafna mistoqsijiet f’moħħhom, u kemm il-missier kif ukoll l-omm marru s-Sala tas-Saltna u aċċettaw studju tal-Bibbja fid-dar. Meta bdew jitgħallmu l-verità, huma qerdu l-kotba kollha tagħhom dwar is-seħer u sabu serħan minn attakki demoniċi billi sejħu l-isem taʼ Jehovah. Bdew jagħmlu bidliet konsiderevoli fil-personalitajiet tagħhom.
Tistaʼ timmaġina kif ħassewhom Maria u Lucy meta raw lill-ġenituri tagħhom jiġu mgħammdin minn Hugo f’waħda mill-konvenzjonijiet distrettwali fil-Bolivja fl-1999! Għaddew xi disaʼ snin mindu Maria u Lucy semgħu l-ewwel darba dwar Jehovah u l-wegħdi tiegħu. Huma, flimkien maʼ Hugo, issa qegħdin jaqdu fil-ministeru full-time. Kemm huma ferħanin li l-qima vera għaqqdet lill-familja tagħhom!
[Nota taʼ taħt]
a Ippubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.