Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Eliżew għala talab għal “żewġ ishma” mill-ispirtu t’Elija?
Ftit qabel m’Elija temm l-inkarigu tiegħu bħala profeta f’Iżrael, il-profeta iżgħar minnu Eliżew talbu: “Ħa jkun hemm fija żewġ ishma mill-ispirtu tiegħek!” (2 Slaten 2:9) F’sens spiritwali, Eliżew milli jidher kien qed jitlob għal sehem doppju bħal dak li kien jingħata lill-ewwel imwieled. (Dewteronomju 21:17) Il-fatt li nikkunsidraw fil-qosor dan ir-rakkont se jgħinna biex inkunu nistgħu nifhmu ċar dan il-punt u nkunu nistgħu nisiltu lezzjonijiet minn dak li ġara.
Fi qbil mad-direzzjoni taʼ Jehovah, il-profeta Elija dilek lil Eliżew bħala s-suċċessur tiegħu. (1 Slaten 19:19-21) Għal madwar sitt snin, Eliżew qeda bħala l-qaddej leali t’Elija u kien determinat li jibqaʼ jagħmel dan sa l-aħħar. Anki fl-aħħar ġurnata li Elija qeda bħala profeta f’Iżrael, Eliżew ħadem mill-qrib maʼ l-għalliem tiegħu. Għalkemm Elija ħeġġeġ lil Eliżew biex ma jibqax isegwih, dan il-profeta iżgħar qallu għal tliet darbiet: “Ma nħallikx.” (2 Slaten 2:2, 4, 6; 3:11) Tabilħaqq, Eliżew qies lill-profeta akbar minnu bħala missieru spiritwali.—2 Slaten 2:12.
Madankollu, Eliżew ma kienx l-uniku iben spiritwali t’Elija. Elija u Eliżew issieħbu maʼ grupp taʼ rġiel li kienu magħrufin bħala “wlied il-profeti.” (2 Slaten 2:3) Ir-rakkont fit-Tieni Slaten jindika li dawn l-“ulied” ukoll kellhom relazzjoni mill-qrib maʼ missierhom spiritwali, Elija. (2 Slaten 2:3, 5, 7, 15-17) Madankollu, bħala s-suċċessur maħtur, Eliżew kien minn taʼ quddiem fost l-ulied spiritwali t’Elija—hu kien bħall-ewwel imwieled. F’Iżrael tal-qedem, l-ewwel imwieled letterali kien jirċievi żewġ ishma mill-wirt taʼ missieru, filwaqt li l-ulied subien l-oħra kienu jieħdu biss wieħed kull wieħed. Huwa għalhekk li Eliżew talab għal żewġ ishma mill-wirt spiritwali t’Elija.
Eliżew għala għamel din it-talba f’dan iż-żmien partikulari? Għaliex hu kien wasal biex jirċievi inkarigu tqil—dak li jieħu post Elija bħala profeta f’Iżrael. Eliżew irrealizza li sabiex iwettaq ir-responsabbiltajiet li kienu relatati maʼ dan l-inkarigu iebes, hu kellu bżonn qawwa spiritwali li kienet bil-wisq akbar mill-kapaċitajiet tiegħu stess, qawwa li Jehovah biss setaʼ jagħtih. Hu kellu jkun qalbieni bħalma kien Elija. (2 Slaten 1:3, 4, 15, 16) B’hekk, hu talab għal żewġ ishma mill-ispirtu t’Elija, spirtu taʼ kuraġġ u taʼ wieħed li ‘qalbu kienet tħeġġeġ għall-aħħar għall-Mulej’—kwalitajiet mixtiqin li jipproduċi l-ispirtu t’Alla. (1 Slaten 19:10, 14) Elija kif irreaġixxa?
Elija kien jaf li Eliżew talab xi ħaġa li hu ma kellu l-ebda dritt jagħtih, imma li Alla biss setaʼ jagħti. Għalhekk, b’modestja Elija qallu: “Ħaġa iebsa tlabtni. Jekk tarani nittieħed minn ħdejk, ikunlek hekk; jekk le, ma jkunlekx.” (2 Slaten 2:10) U, tabilħaqq, Jehovah ippermetta lil Eliżew jara lil Elija jitlaʼ f’riefnu. (2 Slaten 2:11, 12) Ix-xewqa t’Eliżew ġiet maqtugħa. Jehovah tah l-ispirtu li kellu bżonn sabiex jibda fl-inkarigu ġdid tiegħu u biex jiffaċċja l-provi li kienu se jiġu.
Illum il-ġurnata, il-Kristjani midlukin (li kultant jiġu msejħin bħala l-klassi t’Elija) u l-qaddejja t’Alla in ġenerali jistgħu jiksbu ħafna inkuraġġiment minn dan ir-rakkont Bibliku. Kultant, għandna mnejn inħossuna mtaqqlin u li m’aħniex kapaċi nwettqu xi inkarigu ġdid li ningħataw, jew għandu mnejn qed jonqsilna l-kuraġġ biex inkomplu fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna hekk kif niffaċċjaw l-indifferenza jew l-oppożizzjoni li qiegħda dejjem tiżdied fit-territorju tagħna. Madankollu, jekk nitolbu lil Jehovah għall-għajnuna, hu se jagħtina l-ispirtu qaddis ladarba għandna bżonnu biex inkampaw maʼ l-isfidi u ċ-ċirkustanzi li dejjem jinbidlu. (Luqa 11:13; 2 Korintin 4:7; Filippin 4:13) Iva, sewwasew bħalma Jehovah saħħaħ lil Eliżew għar-responsabbiltajiet itqal tiegħu, hu se jgħin lil kull wieħed u waħda minna, żgħar u kbar, sabiex inwettqu l-ministeru tagħna.—2 Timotju 4:5.