L-Isfida taʼ li Tħarreġ lit-Tfal Illum
TARD fil-għaxija, sid taʼ restorant qed iħejji biex jagħlaq il-ħanut u jitlaq lejn id-dar. F’ħin minnhom jidħlu żewġ nisa b’tifel u jordnaw ikla. Peress li jħossu għajjien mejjet, is-sid għandu aptit jgħidilhom li r-restorant magħluq, imma jiddeċiedi li jservihom xorta. Waqt li ż-żewġ nisa jitkellmu u jieklu, it-tifel joqgħod jiġri ’l hawn u ’l hemm fir-restorant, iwaqqaʼ l-gallettini fl-art u jfarrakhom b’saqajh. Omm it-tifel tiggostah minflok ma twaqqfu. Meta sa fl-aħħar il-klijenti jitilqu, is-sid eżawrit ikollu jnaddaf il-ħmieġ li ħallew warajhom.
Bħalma x’aktarx li taf, din is-sitwazzjoni tiġri fir-realtà u turi li f’ħafna familji, it-taħriġ tat-tfal m’huwiex sejjer tajjeb. Ir-raġunijiet ivarjaw. Xi ġenituri permissivi jħallu lil uliedhom jagħmlu li jridu, għax jaħsbu li t-tfal għandhom jitrabbew f’ambjent liberu. Jew inkella, għax tant kemm għandhom x’jagħmlu fil-ħajja, xi ġenituri ma jwarrbux ħin biex jagħtu lil uliedhom l-attenzjoni mill-qrib u t-taħriġ meħtieġ. Xi ġenituri jħossu li l-edukazzjoni taʼ wliedhom hija l-iktar ħaġa importanti, u allura jagħtu lil uliedhom libertà kważi bla limitu basta jġibu riżultati tajbin fl-iskola u jidħlu f’università prestiġjuża.
Madankollu, xi wħud jgħidu li l-valuri tal-ġenituri u tas-soċjetà in ġenerali jridu jitranġaw. Dawn jirraġunaw li t-tfal qed jinvolvu ruħhom f’kull tip taʼ kriminalità u li l-vjolenza fl-iskola qed tiżdied minn jum għal jum. Għalhekk, surmast taʼ skola f’Seoul, fir-Repubblika tal-Korea, enfasizza li l-prijorità għandha tkun li t-tfal jiġu edukati biex itejbu l-personalità tagħhom. Hu qal: “L-għoti taʼ l-għarfien jiġi wara li jkun ġie fformat karattru tajjeb.”
Ħafna ġenituri li jridu li wliedhom jidħlu l-università u jirnexxu fil-ħajja jagħlqu widnejhom għal dan il-kliem taʼ twissija. Jekk int ġenitur, x’tip taʼ persuni tixtieq li jkunu wliedek? Adulti b’sens taʼ moralità u responsabbiltà? Uħud li jagħdru lil ħaddieħor, li jafu jaddattaw ruħhom, u li għandhom ħarsa pożittiva? Jekk iva, jekk jogħġbok ikkunsidra l-artiklu li jmiss.