Ġenituri Waħedhom imma Ħafna Huma l-Isfidi
“Jien ngħaddi minn ħafna emozzjonijiet. Inqattaʼ ljieli sħaħ nibki fil-kamra tal-banju. Tgħidx kemm hu diffiċli għalija.”—JANET, OMM LI QED TRABBI TLETT ITFAL WAĦEDHA.
IR-RAĠUNIJIET li jwasslu biex xi familji jispiċċaw b’ġenitur wieħed huma ħafna. Xi familji jispiċċaw hekk minħabba l-gwerra, xi diżastru naturali, jew xi marda.
Il-ġenituri taʼ xi tfal jiddeċiedu li ma jiżżewġux lil xulxin. Per eżempju, fl-Isvezja kważi nofs it-tfal kollha jitwieldu barra miż-żwieġ. Id-divorzju wkoll joħloq familji b’ġenitur wieħed. Ir-riċerki juru li iktar minn 50 fil-mija mit-tfal Amerikani se jkunu jgħixu ġo familji b’ġenitur wieħed għal xi perijodu taʼ żmien fi tfulithom.
Nifhmu l-Isfidi
Ommijiet li ma jkunux ilhom li romlu għandhom piż partikulari xi jġorru. Huma jridu jerfgħu r-responsabbiltà tal-familja tagħhom waqt li jkunu għadhom imnikktin għat-telfa taʼ żwieġhom. Għandu mnejn jgħaddu xhur, jew anki snin biex jaddattaw ruħhom għal dan l-irwol, filwaqt li jridu jiffaċċjaw sfidi ekonomiċi kif ukoll ir-responsabbiltà li jikkonslaw lil uliedhom. L-omm li tkun romlot tistaʼ ssibha estremament diffiċli biex terfaʼ dawn ir-responsabbiltajiet miżjuda. Dan jistaʼ jħalli lit-tfal mingħajr attenzjoni u gwida xierqa mill-ġenitur fi żmien meta jeħtiġuhom l-iktar.
Ommijiet bla raġel li ma jkunux iżżewġu lil missier binhom jew binthom, taʼ spiss ikunu għadhom żgħar u mingħajr esperjenza. Jistaʼ jkun li ma kellhomx l-opportunità li jispiċċaw l-edukazzjoni skolastika kollha tagħhom. Mingħajr taħriġ xieraq għal xi impjieg, għandhom iktar ċans li jkunu foqra u impjegati f’xogħlijiet li ma tantx irendu. Mingħajr l-appoġġ tal-qraba, bħalma huma l-ġenituri tagħhom, huma se jkollhom ukoll ir-responsabbiltà miżjuda li jsibu min jiħdilhom ħsieb it-tfal matul il-ġurnata. L-omm mhix miżżewġa tistaʼ wkoll tkun qed tissielet maʼ problemi emozzjonali bħalma huma sentimenti taʼ mistħija u solitudni. X’uħud jistgħu jibdew jibżgħu li l-fatt li għandhom tifel jew tifla jistaʼ jkun taʼ tfixkil sabiex isibu sieħeb xieraq. Hekk kif it-tfal ġo familji bħal dawn jibdew jikbru, huma wkoll jistgħu jinfnew b’mistoqsijiet mhux imwieġba dwar il-passat tagħhom u bi ħtieġa li jiġu rikonoxxuti mill-ġenitur li mhux qiegħed magħhom.
Bl-istess mod, ġenituri li jkunu għaddejjin mid-divorzju qegħdin taħt stress qawwi. Xi ġenituri jistgħu jħossuhom irrabjati ħafna b’riżultat tad-divorzju. Sentimenti li jġagħluhom iħossuhom ma jiswew għal xejn u mwarrbin jistgħu jżommu lil xi ġenituri lura milli jużaw l-abbiltà tagħhom li jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom emozzjonalment. L-ommijiet li jkollhom bżonn jibdew jaħdmu għall-ewwel darba jistgħu jsibuha diffiċli jlaħħqu mar-responsabbiltà tat-tmexxija tal-familja. Jistgħu jħossu li huma la għandhom il-ħin u lanqas l-enerġija biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet partikulari taʼ wliedhom, li dawn stess iridu jkampaw mal-bidliet kbar li ġabilhom id-divorzju tal-ġenituri tagħhom.
L-Isfidi Partikulari taʼ Ġenituri Divorzjati
Ġenituri li jkunu waħedhom jirrealizzaw li l-bżonnijiet individwali tat-tfal tagħhom huma differenti u jinbidlu kontinwament. Għal ġenituri waħedhom li jkunu divorzjati jistgħu jinqalgħu sfidi partikulari meta jiġu biex jipprovdu opportunitajiet raġunevoli għal gwida spiritwali.
Per eżempju, xi ġenituri divorzjati li huma Xhieda taʼ Jehovah forsi m’għandhomx il-kustodja taʼ wliedhom. Huma raw kif għamlu biex jinkludu l-attendenza għal-laqgħat Kristjani fil-ħin li fih uliedhom ikunu magħhom. Dan l-arranġament għaż-żjajjar se jagħti lit-tifel jew it-tifla kuntatt regulari mal-kongregazzjoni Kristjana, li huwa verament taʼ benefiċċju għal tfal taʼ ġenituri divorzjati.
Ġenituri divorzjati li għandhom inqas opportunitajiet biex jiltaqgħu regolarment maʼ wliedhom għandhom bżonn ifittxu modi kif juruhom affezzjoni u jaċċertawhom li jħobbuhom. Biex ikollu suċċess, ġenitur għandu bżonn ikun sensittiv għall-bżonnijiet emozzjonali li dejjem jinbidlu tat-tfal tiegħu. Dan jiġri partikolarment meta t-tfal jilħqu l-adolexxenza u jibdew jieħdu iktar interess f’attivitajiet soċjali u fil-ħbieb.
Ġenitur li jirnexxi jifhem ukoll l-abbiltajiet, il-personalità, u l-mod kif jaħsbuha wliedu. (Ġenesi 33:13) Il-ġenituri u t-tfal igawdu konversazzjonijiet mill-qalb u sħubija mill-qrib bejniethom. Jikkomunikaw bil-miftuħ. It-tfal ikunu involuti fil-ħajja tal-ġenitur, u l-ġenitur fil-ħajja tat-tfal.
Il-Bżonn li Tkun Raġunevoli
Wara d-divorzju, it-tfal jibbenefikaw minn kuntatt regulari maż-żewġ ġenituri. Nassumu li l-ġenituri jkollhom twemmin differenti; wieħed ikun Xhud taʼ Jehovah, u l-ieħor le. Komunikazzjoni regulari u bil-miftuħ tgħin biex jiġu evitati konflitti bla bżonn. “Ħallu r-raġunevolezza tagħkom issir magħrufa,” kiteb l-appostlu Pawlu. (Filippin 4:5, NW) It-tfal għandhom jiġu mgħallmin jirrispettaw id-dritt taż-żewġ ġenituri li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom.
Il-ġenitur li mhux Xhud forsi jkun irid li t-tfal jattendu l-laqgħat reliġjużi fil-knisja tiegħu. X’tistaʼ tagħmel l-omm jekk hi waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah? Hi wkoll tistaʼ titkellem mat-tfal dwar it-twemmin tagħha. Maż-żmien, it-tfal jistgħu jieħdu deċiżjoni għalihom infushom rigward ir-reliġjon, bħalma għamel Timotju, li probabbilment ġie mgħallem il-prinċipji tal-Bibbja minn ommu u nanntu. (2 Timotju 3:14, 15, NW) Jekk it-tfal iħossuhom skomdi li jattendu għas-servizzi taʼ reliġjon oħra, forsi jistgħu jikkunsidraw lil Nagħman, karattru mill-Bibbja, li wara li sar aduratur veru kompla jaqdi dmiru billi kien jakkumpanja lis-sultan li kien jagħti qima fit-tempju taʼ Rimmon. Dan ir-rakkont jistaʼ jaċċerta lit-tfal li Jehovah iħobbhom u jifhimhom minkejja li jkunu preżenti f’ċerimonji reliġjużi li m’humiex imdorrijin jattendu.—2 Slaten 5:17-19.
Ġenitur li jirnexxi huwa kapaċi jagħġen il-ħsibijiet tat-tfal tiegħu u jifhem kif qed iħossuhom. (Dewteronomju 6:7) Veru, ġenituri li qatt ma żżewġu jistgħu jistħu minħabba t-tip taʼ ħajja li kellhom qabel. Imma ġenituri bħal dawn iridu jiftakru li l-ġenituri bijoloġiċi tat-tfal huma tnejn. It-tfal jixtiequ jkunu jafu dwar iż-żewġ ġenituri, u għandhom bżonn iħossu li huma maħbubin, mhux li huma sempliċement ir-riżultat taʼ xi żball sfortunat. Billi jitkellem bir-rispett dwar il-ġenitur li mhux qiegħed magħhom u billi jagħti tweġibiet li t-tfal jistgħu jifhmu skond l-età li jkollhom, il-ġenitur jistaʼ jagħti lit-tfal tiegħu assiguranza kollha mħabba.
Il-ġenituri jridu jiftakru li l-ewwel impressjoni li t-tfal se jkollhom dwar l-imħabba, l-awtorità, u l-qawwa, tiġi fformata mir-relazzjoni taʼ bejn il-ġenitur u t-tfal tiegħu. Billi jeżerċita l-qawwa u l-awtorità tiegħu b’imħabba, il-ġenitur Kristjan jistaʼ jkun t’għajnuna kbira biex it-tfal ikollhom relazzjoni kollha mħabba maʼ Jehovah kif ukoll rispett lejn l-arranġamenti fil-kongregazzjoni.—Ġenesi 18:19.
Il-Kooperazzjoni tat-Tfal Hija Essenzjali
Tfal li jgħixu ġo familji b’ġenitur wieħed għandhom bżonn jifhmu wkoll li l-kooperazzjoni tagħhom hija essenzjali għas-suċċess tal-familja. (Efesin 6:1-3) L-ubbidjenza tagħhom lejn l-awtorità fid-dar turi li huma jħobbu ’l-ġenitur tagħhom u jirrispettaw l-isforz miżjud li l-ġenitur qed jagħmel biex iżomm il-familja ferħana u bla periklu. Ladarba l-komunikazzjoni tiġi miż-żewġ naħat, tfal ġo familja b’ġenitur wieħed iridu jżommu f’moħħhom li jridu jappoġġaw mill-qalb l-isforzi tal-ġenitur tagħhom biex tinżamm komunikazzjoni tajba fil-familja.—Proverbji 1:8; 4:1-4.
Tfal bħal dawn ħafna drabi huma mistennija li jerfgħu r-responsabbiltajiet iktar malajr minn dawk li jgħixu ġo familji b’żewġ ġenituri. Permezz taʼ tagħlim bil-paċenzja u bl-imħabba, it-tfal jistgħu jakkwistaw stima u fiduċja fihom infushom hekk kif jiffaċċjaw il-ħajja minn kmieni. Ukoll, xi faċendi tad-dar jistgħu jingħataw lit-tfal biex b’hekk ikunu jistgħu jgħinu f’li d-dar kollox jimxi bl-ordni.
Dan ma jfissirx li l-mira taʼ omm li trabbi lit-tfal waħedha hija li tittrasforma lil uliedha f’adulti żgħar li ma jiddependu minn ħadd u li m’għandhomx bżonn direzzjoni mill-ġenitur. Żgur illi m’huwiex għaqli li tħalli tfal żgħar waħedhom jew mingħajr superviżjoni.
Xi kultant, b’mod żbaljat ġenituri li jrabbu t-tfal waħedhom jaħsbu li jridu jkunu l-imseħbin jew il-ħbieb tal-qalb taʼ wliedhom. Filwaqt li relazzjoni mill-qrib hija bżonnjuża, ġenituri li jkunu waħedhom għandhom iżommu f’moħħhom li t-tfal għandhom bżonn ġenitur. M’humiex emozzjonalment maturi biżżejjed biex ikunu ħbieb tal-qalb li magħhom il-ġenitur jistaʼ jiftaħ qalbu, u lanqas ma huma ugwali għalih sabiex jaħsbuha bħalu. Uliedek għandhom bżonnok biex tkun il-ġenitur tagħhom.
Il-kooperazzjoni bejn il-ġenituri li jkunu waħedhom u t-tfal twassal biex il-familja tkun suċċess. Hekk kif iktar u iktar tfal qed jiġu mrobbijin ġo familji b’ġenitur wieħed, kulħadd għandu jżomm quddiem għajnejh l-isfidi partikulari li jiffaċċjaw dawn il-ġenituri u t-tfal tagħhom u jkun lest li joffrilhom appoġġ u inkuraġġiment kollu mħabba.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]
L-Effett fuq it-Tfal
B’mod ġenerali, ġenituri waħedhom għandu mnejn ikollhom inqas ħin għal kull tifel jew tifla individwali milli jistaʼ jkollhom żewġ ġenituri. Xi drabi, ġenitur waħdu jgħix maʼ xi ħadd li mhux is-sieħeb jew is-sieħba tiegħu fiż-żwieġ. Madankollu, relazzjonijiet barra miż-żwieġ huma inqas stabbli minn dawk fiż-żwieġ. Tfal li jgħixu ġo familji bħal dawn għandhom iktar ċans li f’ħajjithom ikun hemm ħafna adulti differenti.
Skond xi studji, “b’mod ġenerali, tfal ġo familji b’ġenitur wieħed għandhom ċans akbar li jkollhom taqlib f’ħajjithom minn tfal ġo familji mhux maqsumin.” Però, eżaminar iktar mill-qrib juri li nuqqas taʼ finanzi jistaʼ jkun “l-iktar fattur importanti li huwa responsabbli għad-differenzi fit-tfal li jiġu minn tipi differenti taʼ familji.” Ovvjament, dan ma jfissirx li tfal li ġejjin minn familji b’ġenitur wieħed se jfallu. Permezz taʼ gwida u taħriġ xieraq, huma jistgħu jegħlbu l-effetti negattivi.