Familji b’Ġenitur Wieħed Qegħdin Jiżdiedu
“Ħafna drabi bil-lejl kont nitlob lil Alla bid-dmugħ f’għajnejja u ngħidlu: ‘Ma nafx x’se nagħmel għada.’”—GLORIA, omm bla raġel li għandha tlett itfal.
ILLUM, familji b’ġenitur wieħed saru fattur permanenti u notevoli f’ħafna soċjetajiet.a Hekk kif l-istruttura tradizzjonali taʼ raġel, mara, u tfal tinbidel f’għamliet oħrajn taʼ familji, studjużi taʼ l-istatistiċi u soċjologi f’ħafna partijiet tad-dinja qegħdin jistaqsu għala dan qed jiġri.
Il-professuri tas-soċjoloġija Simon Duncan u Rosalind Edwards jinnotaw li qed ikun hemm “bidliet li deħlin bil-mod il-mod fl-arranġamenti tal-familja kif ukoll fir-relazzjonijiet bejn is-sessi.” Għala? Xi osservaturi jgħidu li dan huwa riżultat tal-mod kif in-nies qed jagħżlu li jgħixu ħajjithom f’ambjent taʼ bidliet ekonomiċi, kulturali, u soċjali.
Ejja nikkunsidraw xi ftit minn dawn il-bidliet, kif ukoll l-għażliet li qed isiru. Il-pressjonijiet tal-ħajja huma fattur ewlieni li jeffettwa l-ħajjiet tan-nies. Dak li jiġri barra d-dar jeffettwa lin-nies minn x’ħin jisbaħ sa ma jidlam. Ħin li qabel kien jintuża għal attivitajiet tal-familja issa qed jitqattaʼ fuq l-Internet, quddiem it-TV, fuq it-telefon, f’ġiri bil-karozza, u minn ħaġa għall-oħra.
Pressjonijiet ekonomiċi wkoll qed iżidu mal-problema. Il-kumditajiet moderni ma jiġux mix-xejn, u għalhekk iktar ġenituri qed joħorġu jaħdmu. Minħabba li jgħixu f’soċjetà li fiha x-xogħol u l-post fejn joqogħdu faċli jinbidlu, ħafna membri tal-familja spiċċaw jaħdmu ’l bogħod mill-għajnuna li jistgħu joffrulhom qrabathom u f’xi każi saħansitra ’l bogħod mis-sieħeb jew is-sieħba tagħhom. F’ħafna postijiet, il-kultura popolari xejn ma qed tkun t’għajnuna peress li ħafna drabi qed tkun mezz li tkisser istituzzjonijiet li jipprovdu sens taʼ stabbilità, bħalma huma ż-żwieġ u l-familja.b
L-Omm bla Raġel taʼ Llum
L-omm bla raġel taʼ llum mhux bilfors tixbah l-idea antika taʼ xebba adolexxenti mhix miżżewġa li tgħix fuq l-għajnuna soċjali. Li tkun omm mhix miżżewġa m’għadux jitqies daqshekk taʼ diżunur, anzi saħansitra ntgħamel attraenti permezz taʼ ċelebritajiet ammirati. Ukoll, ħafna nisa għandhom iktar edukazzjoni għolja minn qabel u iktar kapaċi jmantnu lilhom infushom—għalhekk, iż-żwieġ m’għadux meqjus bħala ħtieġa finanzjarja għall-omm.
Xi ommijiet bla raġel, speċjalment dawk li kellhom il-ġenituri tagħhom divorzjati, jibqgħu ma jiżżewġux għax ma jridux lil uliedhom ibatu l-uġigħ li jaraw lil missierhom jabbanduna ’l-familja. Nisa oħrajn jispiċċaw bla raġel minħabba li jiġu abbandunati, u mhux għax jagħżlu hekk huma. “Ġeneralment li tkun ġenitur waħdek m’hijiex għażla egoistika li tagħmilha minn jeddek,” tgħid il-Fondazzjoni Ingliża Joseph Rowntree, “u tfal ġo familji b’ġenitur wieħed ma jfissirx li huma abbandunati jew bla dixxiplina.”
Xorta waħda, iż-żjieda kontinwa taʼ familji b’ġenitur wieħed hija xi ħaġa li tħassbek għaliex ġenituri waħedhom u t-tfal tagħhom jistgħu jbatu minn stress emozzjonali, bżonnijiet ekonomiċi, u żvantaġġi soċjali. Xi nies għandhom mnejn jitħassbu dwar jekk huwiex possibbli għal ġenitur wieħed li jrabbi t-tfal b’suċċess. X’inhuma xi ftit mill-isfidi partikulari li jiffaċċjaw familji b’ġenitur wieħed? Kif jistaʼ Kristjan jiffaċċja b’suċċess l-isfidi meta jrabbi t-tfal bħala ġenitur waħdu?
[Noti taʼ taħt]
a Is-soċjologi jgħidu li l-għadd taʼ ommijiet bla raġel huwa ferm akbar mill-għadd taʼ rġiel bla mara. Għaldaqstant, dawn l-artikli jittrattaw primarjament dwar l-ommijiet bla raġel. Xorta waħda, il-prinċipji diskussi japplikaw ukoll għall-missirijiet bla mara.
b Għal diskussjoni fid-dettall fuq l-isfidi ġenerali taʼ l-omm, ara “L-Omm—Trid Tkun Xi Superwoman?” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 t’April, 2002.
[Kaxxa f’paġna 4]
Xi Tifsiriet
Madwar id-dinja jintużaw termini differenti biex jiddeskrivu lill-ommijiet li jrabbu lil uliedhom waħedhom. F’xi pajjiżi l-espressjoni “omm bla raġel” tintuża biex tirreferi għal dawk l-ommijiet li qatt ma żżewġu, filwaqt li f’pajjiżi oħra “omm waħedha” huwa terminu li jinkludi għadd sħiħ taʼ ommijiet li jrabbu lil uliedhom mingħajr sieħeb fid-dar. Ommijiet bħal dawn jistgħu jkunu divorzjati, separati, sfaw romol, jew inkella qatt ma żżewġu.
F’din is-sensiela t’artikli, se nużaw it-termini “ġenitur waħdu” u “omm bla raġel” biex nirreferu għal ġenituri li qed irabbu lil uliedhom mingħajr sieħeb jew sieħba.
[Kaxxa/Mappa f’paġna 4, 5]
FAMILJI B’ĠENITUR WIEĦED—KARATTERISTIKA F’ĦAFNA PAJJIŻI
L-Istati Uniti: “L-għadd taʼ ommijiet bla raġel żdied bejn l-1970 u s-sena 2000, minn 3 miljuni sa 10 miljuni; fl-istess żmien, l-għadd taʼ missirijiet bla mara żdied ukoll, minn 393,000 sa 2 miljuni.”—Uffiċċju taċ-Ċensiment taʼ l-Istati Uniti.
Il-Messiku: Skond il-gazzetta La Jornada, madwar 27 fil-mija tan-nisa kollha li joħorġu tqal fil-pajjiż huma ommijiet adolexxenti.
L-Irlanda: Ir-rata taʼ familji b’ġenitur wieħed żdiedet minn 5.7 fil-mija fl-1981 għal 7.9 fil-mija fl-1991. “It-tkissir taż-żwieġ jibqaʼ fattur sinifikanti li jwassal biex l-ommijiet irabbu t-tfal mingħajr il-missier.”—Single Mothers in an International Context, 1997.
Il-Britannja: “Il-proporzjon taʼ familji mmexxija minn ġenitur wieħed qabeż il-25 fil-mija għall-ewwel darba, u dan jirrifletti żjieda enormi fl-għadd taʼ ommijiet li qatt ma żżewġu u żjieda sinifikanti fir-rata tad-divorzju għal dawn l-aħħar 30 sena.”—The Times, Londra, 2 taʼ Marzu, 2000.
Franza: “Mill-aħħar tas-snin sebgħin, il-proporzjon taʼ familji b’ġenitur wieħed kiber b’iktar minn 50 fil-mija.”—Single Mothers in an International Context, 1997.
Il-Ġermanja: “L-għadd taʼ ġenituri waħedhom irdoppja f’dawn l-aħħar għoxrin sena. Kważi l-familji kollha b’ġenitur wieħed huma mmexxijin mill-omm.”—Single Mothers in an International Context, 1997.
Il-Greċja: “Mill-1980 ’l hawn, l-għadd taʼ ommijiet m’humiex miżżewġin fil-[Greċja] żdied b’29.8 fil-mija. U skond statistiċi provduti mill-Unjoni Ewropea, fl-1997 il-persentaġġ taʼ tfal li twieldu barra miż-żwieġ kien taʼ 3.3 fil-mija, filwaqt li fl-1980 kien biss taʼ 1.1 fil-mija.”—Il-gazzetta Ta Nea, Ateni, 4 taʼ Settembru, 1998.
Il-Ġappun: ‘Familji b’ommijiet li jrabbu t-tfal waħedhom ilhom jiżdiedu mis-snin sebgħin ’l hawn.’ Fl-1997, 17 fil-mija tal-familji kollha kienu mmexxijin minn ommijiet bla raġel.—Single Mothers in an International Context, 1997; The World’s Women 2000: Trends and Statistics.
L-Awstralja: Kważi wieħed minn kull erbat itfal jgħix maʼ wieħed biss mill-ġenituri bijoloġiċi tiegħu. Normalment dan huwa riżultat taʼ tkissir taż-żwieġ jew tar-relazzjoni tal-ġenituri. Huwa stmat li familji b’ġenitur wieħed se jiżdiedu minn 30 sa 66 fil-mija f’perijodu taʼ 25 sena.—Uffiċċju taʼ l-Istatistiċi taʼ l-Awstralja.