L-Irwol taʼ l-Omm Tiġrija bl-Ostakli
L-esperjenza taʼ li tkun omm hija waħda komplikata u eċċitanti. L-ommijiet igawdu mumenti prezzjużi li ma jibdluhom maʼ xejn. Madankollu, xi kultant xi wħud iħossuhom li jkunu waslu biex jiġġennu. Helen tqabbel ħajjitha bħala omm maʼ tiġrija bl-ostakli. U donnu li iktar ma jgħaddi ż-żmien, l-ostakli iktar jiżdiedu u jikbru.
Ħafna drabi l-ommijiet ikollhom iwarrbu fil-ġenb il-ħin liberu u l-ħajja soċjali tagħhom biex ikunu żguri li qed jieħdu ħsieb uliedhom sew. “Jien irrid inkun dejjem hawn x’ħin jiġu bżonni,” tgħid Esther, omm taʼ ħamsa. “Minflok banju rilassanti jkolli nieħu doċċa taʼ malajr, u minflok niekol ikla romantika jkolli niekol ikel imsaħħan fil-forn. Hemm ħafna vjaġġi li xtaqt nagħmel u m’għamilthomx, ħafna postijiet li ma rajthomx, u ħafna affarijiet li m’għamilthomx. Imma l-ħasla għamiltha u l-ħwejjeġ kollha mitwijin!”
M’għandniex xi ngħidu, il-maġġuranza taʼ l-ommijiet isemmu wkoll il-mumenti speċjali taʼ ferħ li jesperjenzaw huma u jrabbu lil uliedhom. Esther tgħid: “Dik it-tbissima li jagħtuk kultant, il-frażi ħelwa ‘Grazzi, mamà,’ u t-tgħanniq mill-qalb—dawn l-affarijiet iqawwuk biex tibqaʼ għaddejja.”a
L-Omm Qed Toħroġ Taħdem
Ostaklu kbir li kkomplika l-irwol taʼ l-omm huwa li ħafna qed iwettqu r-responsabbiltajiet tradizzjonali tal-familja, u fl-istess ħin jiżdidilhom il-piż għax joħorġu jaħdmu biex jgħinu lill-familja finanzjarjament. Ħafna minn dawn l-ommijiet joħorġu jaħdmu mhux għax iridu imma għax il-bżonn iġagħalhom. Huma jafu li jekk jibqgħu d-dar, il-familji tagħhom, u speċjalment uliedhom, ikollhom jgħaddu mingħajr ħafna affarijiet. Il-paga tagħhom—li taʼ spiss tkun inqas minn dik taʼ rġiel li jagħmlu l-istess xogħol—hija importanti ħafna.
Per eżempju, f’São Paulo, fil-Brażil, 42 fil-mija tan-nies li jaħdmu huma nisa. Gazzetta t’hemmhekk iddeskriviet lill-ommijiet li xogħolhom huwa biss li jrabbu lit-tfal bħala “speċi li tinsab fil-periklu t’estinzjoni.” Fl-inħawi rurali taʼ l-Afrika, hija xi ħaġa komuni li tara omm b’qatta zkuk fuq rasha u b’tarbija marbuta maʼ daharha.
Id-Diffikultajiet fuq il-Post tax-Xogħol
L-ostakli jkomplu jiżdiedu fuq il-post tax-xogħol peress li xi drabi l-ommijiet jintalbu jaħdmu sigħat twal. U dan m’huwiex kollox. Meta Maria, li tgħix il-Greċja, ġiet impjegata, l-imgħallem tagħha talabha tiffirma dokument li fih wiegħdet li ma toħroġx tqila għal tliet snin. Jekk toħroġ tqila, hi kellha tħallas kumpens. Maria ffirmat id-dokument. Imma madwar sena u nofs wara, hi ħarġet tqila. L-imgħallem tagħha wrieha d-dokument u Maria daħlet il-qorti biex tirribatti din il-proċedura tal-kumpanija, u issa qed tistenna biex tinqataʼ l-kawża.
F’każijiet inqas estremi, l-imgħallmin għandhom mnejn jagħmlu pressjoni fuq l-ommijiet biex dawn jidħlu jaħdmu kemm jistaʼ jkun malajr wara li jwelldu. Meta jerġgħu jibdew jaħdmu, ġeneralment ma jitnaqqsulhomx is-sigħat tax-xogħol. Għaldaqstant ma tingħata l-ebda konsiderazzjoni għall-fatt li dawn issa jridu jieħdu ħsieb tarbija ċkejkna. Lanqas ma jistgħu jagħmlu ħafna ġranet ma jidħlux għax-xogħol mingħajr ma jbatu finanzjarjament. Problemi oħra li jistgħu jiffaċċjaw l-ommijiet huma faċilitajiet inferjuri fejn iħallu lil uliedhom waqt li jkunu għax-xogħol u l-fatt li ma jirċivux biżżejjed għajnuna finanzjarja mill-gvern.
Mill-banda l-oħra, xi ommijiet ma jaħdmux għax ikollhom bżonn il-flus, imma jaħdmu għas-sodisfazzjon tagħhom infushom. Sandra ddeċidiet li tkompli taħdem wara li welldet kemm l-ewwel tarbija kif ukoll it-tieni waħda. Hi tiftakar li malli f’daqqa waħda kienet issib ruħha d-dar waħedha b’tarbija, “xi kultant kienet toqgħod tħares mit-tieqa u taħseb dwar x’kienet qiegħda tagħmel il-bqija tad-dinja.” Hemm ukoll dawk l-ommijiet li jmorru jaħdmu biex jaħarbu mill-istress li toħloq il-ħajja tal-familja. Id-Daily Telegraph tal-Britannja jirrapporta li sa ċertu punt, fuq il-post tax-xogħol ikun hemm iktar kwiet, u għalhekk xi ġenituri jippreferu jaħdmu iktar sigħat. Imma l-problema jkunu qed iżiduha flok inaqqsuha, għax dawn jibdew iqattgħu inqas ħin maʼ wliedhom u minħabba f’hekk uliedhom isiru iktar indifferenti, iktar aggressivi u iktar imqarbin.
Trid Tlaħħaq maʼ Kollox
M’huwiex faċli li żżomm il-bilanċ bejn ix-xogħol u d-dar. Ħafna ommijiet iħossuhom bħal din l-omm mill-Olanda li qalet: “Għajjiena, għajjiena, u għajjiena. Saħansitra nqum għajjiena. Meta niġi mix-xogħol, inkun se naqaʼ maʼ l-art bl-għeja. It-tfal diġà bdew jgħidu, ‘Il-mamà dejjem għajjiena,’ u mbagħad inħossni ħatja. Ma nixtieqx ma mmurx għax-xogħol, imma nixtieq inkun ukoll dik l-omm soċjevoli li tagħmel kollox possibbli. Imma m’iniex il-mudell taʼ perfezzjoni li nixtieq inkun.”
Din il-mara hija waħda mill-miljuni t’ommijiet li jaħdmu illi kienu taʼ l-idea li jekk iqattgħu ‘ħin taʼ kwalità’ maʼ wliedhom, setgħu jpattu sa ċertu punt għall-ħafna drabi li ma jkunux magħhom. Imma maż-żmien dawn sabu li dan ir-raġunar ma jreġix. Illum ħafna ommijiet jgħidu li biex ilaħħqu mal-pressjonijiet taʼ fuq ix-xogħol u r-responsabbiltajiet tal-familja, jispiċċaw maqtula bix-xogħol, għajjiena żżejjed, u minbarra hekk ma jitħallsux kemm suppost.
Meta n-nisa jqattgħu sigħat twal ’il bogħod minn uliedhom, it-tfal ma jingħatawx l-iktar ħaġa li għandhom bżonn—il-ħin u l-attenzjoni t’ommhom. Fernanda A. Lima, psikologa tat-tfal mill-Brażil, tgħid li ħadd ma jistaʼ jwettaq l-irwol taʼ l-omm tajjeb daqskemm tistaʼ l-omm infisha. “L-ewwel sentejn fil-ħajja tat-tfal huma l-iktar kritiċi,” tgħid hi. “It-tfal ikunu għadhom żgħar wisq biex jifhmu għala l-omm mhix qiegħda hemm.” Persuna oħra tistaʼ tnaqqas ftit il-bżonn tat-tfal għal ommhom, imma din qatt ma tistaʼ tiħdilha postha. “It-tarbija tħoss li mhix qiegħda tirċievi l-ħarsien teneru t’ommha,” tgħid Lima.
Kathy, omm taʼ tifla żgħira u li taħdem full-time, tgħid: ‘Tant kont inħossni ħatja, bħallikieku kont qed nabbandunaha [fl-iskola taż-żgħar]. M’huwiex faċli meta tkun taf li m’intix tara lit-tifla tiegħek tikber u tiżviluppa, u hija ħaġa stramba meta toqgħod taħseb li hi iktar miġbuda lejn l-iskola milli lejk.’ Waħda mara mill-Messiku li tieħu ħsieb il-passiġġieri fuq l-ajruplani tammetti: “Wara ftit żmien, it-tfal tiegħek jibdew ma jagħrfukx, ma jirrispettawkx għas-sempliċi raġuni li mhux int tkun qiegħda trabbihom. Huma jkunu jafu li int ommhom, imma f’daqqa waħda, jibdew jippreferu joqogħdu maʼ dik il-mara li tieħu ħsiebhom.”
Mill-banda l-oħra, hemm ommijiet li ma jaħdmux imma li jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom. Iżda dawn jgħidu li jridu jissaportu l-fatt li jiġu mġagħlin iħossuhom iktar baxxi u inferjuri minn ħaddieħor, għax is-soċjetà għandha l-idea li trid titħallas taʼ xogħlok biex tkun xi ħadd fid-dinja. F’ċerti komunitajiet, li tkun mara tad-dar m’għadux meqjus bħala pożizzjoni onorabbli, u għalhekk in-nisa jħossuhom sforzati jkollhom karriera, anki jekk ma jkollhomx bżonn iktar flus.
II-Piż Jaqaʼ Kollu fuq l-Ommijiet
Minbarra l-ostakli li jkollhom l-ommijiet, hemm dan il-fatt ukoll: Għajjiena mejta wara ġurnata sħiħa taʼ xogħol, l-omm tmur id-dar, mhux biex tistrieħ, imma biex tkompli tagħmel il-faċendi tad-dar tas-soltu. Jaħdmu jew ma jaħdmux, l-ommijiet għadhom taʼ spiss meqjusa bħala l-uħud li għandhom ir-responsabbiltà ewlenija li jieħdu ħsieb id-dar u t-tfal.
Filwaqt li qed jiżdiedu l-ommijiet li jqattgħu iktar ħin fuq ix-xogħol, il-missirijiet mhux dejjem jagħmlu xi ħaġa biex jibbilanċjaw is-sitwazzjoni. Artiklu f’The Sunday Times taʼ Londra qal li l-Britannja hija nazzjon taʼ missirijiet li qatt ma jkunu preżenti. Jgħid li dan sar magħruf minn riċerka ġdida li saret, illi wriet li l-irġiel iqattgħu 15-il minuta biss kuljum maʼ wliedhom u li ħafna rġiel ma jiħdux pjaċir iqattgħu ħin mal-familji tagħhom. Mill-banda l-oħra, omm fil-Britannja li taħdem tqattaʼ 90 minuta kuljum mat-tfal tagħha.
Xi rġiel igergru li l-mara tagħhom issibha bi tqila biex tafda ċertu xogħol f’idejn ħaddieħor, għax tinsisti li kollox irid isir eżatt kif imdorrija tagħmlu hi. “Inkella, tkun qed tagħmlu ħażin,” jgħidu l-irġiel. Ovvjament, biex il-mara li tkun għajjiena tibbenefika mill-kooperazzjoni taʼ żewġha, hi forsi trid tkun lesta li tkun flessibbli għall-mod kif isiru ċerti faċendi fid-dar. Mill-banda l-oħra, ir-raġel m’għandux jinqeda b’din l-iskuża biex ma jagħmel xejn.
Ostakli Oħra
Ċerti tradizzjonijiet imqabbdin fil-fond ukoll jistgħu jżidu l-ostakli. Fil-Ġappun huwa mistenni li l-ommijiet irabbu lil uliedhom bħat-tfal taʼ mparhom. Jekk it-tfal l-oħra jmorru għal-lezzjonijiet tal-pjanu jew taʼ l-arti, l-omm tħossha mġagħla biex lil uliedha tibgħathom ukoll. L-iskejjel jagħmlu pressjoni fuq il-ġenituri biex jibagħtu lil uliedhom jieħdu sehem f’xi attivitajiet wara l-ħin taʼ l-iskola bħalma jagħmlu tfal oħra. Jekk ma jkunux bħal ħaddieħor jistgħu jiġu mmaqdrin minn tfal oħra, mill-għalliema, minn ġenituri oħra, u mill-qraba. Din il-ħaġa tiġri wkoll f’pajjiżi oħra.
Minħabba r-reklami u l-idea popolari li tajjeb li wieħed ikollu ħafna affarijiet, xi tfal jistgħu jkunu jridu lill-ġenituri jixtrulhom ċerti affarijiet. F’pajjiżi żviluppati, xi ommijiet forsi jħossuhom sforzati biex jixtru dak li jridu t-tfal għax jaraw ommijiet oħra jagħmlu hekk. Jekk ma jkunux jistgħu jixtrulhom li jridu, għandhom mnejn iħossuhom li m’humiex kapaċi jrabbu lil uliedhom.
F’din id-diskussjoni dwar l-irwol modern taʼ l-omm, m’għandniex ninsew il-ħila kbira li qed juru miljuni t’ommijiet li jaħdmu iebes u jiċċaħħdu biex iwettqu waħda mill-iktar affarijiet nobbli—dik li jrabbu l-ġenerazzjonijiet futuri tal-familja umana. Dan huwa privileġġ. Il-Bibbja tgħid: “It-tfal huma barka u rigal mingħand il-MULEJ.” (Salm 127:3, Contemporary English Version) Ħafna minn dawn l-ommijiet jaqblu maʼ Miriam, omm taʼ żewġt itfal, meta tgħid: “Minkejja l-isfidi, li tkun omm iġib ferħ li ma ssibu mkien. Aħna l-ommijiet inħossu sens taʼ sodisfazzjon meta naraw lil uliedna jwieġbu għat-taħriġ u d-dixxiplina li nagħtuhom, u jsiru membri responsabbli tas-soċjetà.”
X’jistaʼ jgħin lill-ommijiet biex igawduh iktar dan ir-rigal? L-artiklu li jmiss se jipprovdi xi suġġerimenti prattiċi.
[Nota taʼ taħt]
a Dawn l-artikli jiffokaw fuq ommijiet miżżewġin. Fil-futur, Stenbaħ! se jitkellem dwar l-isfidi li jiffaċċjaw ommijiet li m’humiex miżżewġin u dawk li jrabbu lil uliedhom waħedhom.
[Kaxxa f’paġna 6]
“Jum l-Omm”
Faqar kbir, nuqqas taʼ edukazzjoni, imseħbin irġiel irresponsabbli, abbuż taʼ sikwit, u l-epidemija taʼ l-AIDS qed jgħakksu lill-ommijiet fin-nofsinhar taʼ l-Afrika. Waqt Jum l-Omm reċenti, gazzetta taʼ l-Afrika t’Isfel, The Citizen, irrapportat: “Eluf taʼ nisa se jiġu abbużati mill-imseħbin tagħhom u xi wħud se jitilfu ħajjithom f’Jum l-Omm.” Problemi bħal dawn qed iġagħlu lil eluf taʼ ommijiet kull sena fl-Afrika t’Isfel biex jabbandunaw lit-trabi tagħhom. F’perijodu reċenti taʼ sentejn, kien hemm żjieda taʼ 25 fil-mija taʼ tfal abbandunati. Agħar minn hekk huwa l-fatt li qed jiżdiedu n-nisa li jikkommettu suwiċidju. Dan l-aħħar, waħda mara li tgħix f’post milqut mill-faqar ħaddnet lit-tliet uliedha maʼ sidirha u qagħdet bil-wieqfa quddiem ferrovija li kienet ġejja. Kollha mietu. Sabiex ilaħħqu mal-ħajja, xi ommijiet iduru għall-prostituzzjoni u jbigħu d-drogi illegali jew iħeġġu lit-tfal bniet tagħhom biex jagħmlu dan.
Minn Ħong Kong huwa rapportat li “xi ommijiet żgħażagħ joqtlu lit-tarbija tagħhom meta jwelldu jew jitfgħuha fiż-żibel, għax ma jkunux jifilħu għall-pressjonijiet.” Il-gazzetta South China Morning Post semmiet li xi nisa miżżewġin li jkunu għadhom żgħar f’Ħong Kong “issa tant jinsabu taħt pressjoni qawwija [li] s-saħħa mentali tagħhom tistaʼ tmur lura sal-punt li jaslu biex joqtlu lilhom infushom.”
[Kaxxa f’paġna 7]
L-Irwol taʼ l-Omm f’Diversi Pajjiżi
Ftit li xejn ħin
❖ Stħarriġ f’Ħong Kong wera li 60 fil-mija taʼ l-ommijiet li jaħdmu m’humiex jiddedikaw biżżejjed ħin għal uliedhom daqskemm jaħsbu li suppost. U matul il-ġimgħa 20 fil-mija tat-tfal sa l-età taʼ tliet snin u li għandhom il-ġenituri jaħdmu, jgħixu ’l bogħod mid-dar, ġeneralment għand in-nanniet.
❖ In-nisa fil-Messiku jqattgħu madwar 13-il sena minn ħajjithom jieħdu ħsieb minn taʼ l-inqas tifel jew tifla waħda taħt il-ħames snin.
L-ommijiet u x-xogħol
❖ Fl-Irlanda 60 fil-mija tan-nisa jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb uliedhom. Fil-Greċja, fl-Italja, u fi Spanja, madwar 40 fil-mija tan-nisa jagħmlu l-istess.
Għajnuna fil-faċendi tad-dar
❖ Fil-Ġappun 80 fil-mija tan-nisa tad-dar jgħidu li jixtiequ li xi membru tal-familja jgħinhom fil-faċendi tad-dar, speċjalment meta jkunu morda.
❖ Fl-Olanda l-irġiel iqattgħu madwar sagħtejn kuljum mat-tfal u 0.7 sigħat jagħmlu l-faċendi tad-dar. In-nisa jqattgħu madwar 3 sigħat mat-tfal u 1.7 sigħat jagħmlu l-faċendi.
Ommijiet taħt pressjoni
❖ Fil-Ġermanja iktar minn 70 fil-mija taʼ l-ommijiet iħossuhom taħt pressjoni. Madwar 51 fil-mija jbatu minn problemi fis-sinsla u f’xi disk taʼ bejn l-għadam tas-sinsla. Iktar minn terz minnhom iħossuhom dejjem għajjenin u qalbhom maqtugħa. Kważi 30 fil-mija jbatu bl-uġigħ taʼ ras u l-migranja.
Ommijiet abbużati
❖ F’Ħong Kong 4 fil-mija tan-nisa li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu li kienu ġew imsawtin matul it-tqala.
❖ Stħarriġ immexxi mir-rivista Focus fil-Ġermanja wera li kważi omm minn kull sitta ammettiet li kien hemm minn taʼ l-inqas okkażjoni waħda meta ġiet attakkata fiżikament minn uliedha.
[Stampi f’paġna 7]
Ix-xogħol taʼ l-omm jistaʼ jinvolvi ħafna pressjoni, għax ħafna nisa jridu jlaħħqu max-xogħol u mal-ħajja tal-familja