LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 4/1 pp. 28-31
  • Tistaʼ Ssib Sodisfazzjon Bħala Omm

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tistaʼ Ssib Sodisfazzjon Bħala Omm
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala l-​Ommijiet Joħorġu Jaħdmu
  • Ħrafa Kontra r-​Realtà
  • Kif l-​Irġiel Jistgħu Jagħtu Daqqa t’Id
  • L-​Irwol Vitali t’Omm Kristjana
  • Ommijiet li Ħallew Effett Tajjeb
  • L-​Iktar Għażla Sodisfaċenti
  • L-Irwol taʼ l-Omm Tiġrija bl-Ostakli
    Stenbaħ!—2002
  • L-Isfidi li Jiffaċċjaw l-Ommijiet
    Stenbaħ!—2005
  • L-Irwol Onorat taʼ l-Omm
    Stenbaħ!—2005
  • Ommijiet—Tgħallmu mill-Eżempju taʼ Ewniċe
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 4/1 pp. 28-31

Tistaʼ Ssib Sodisfazzjon Bħala Omm

ILLUM, madwar id-​dinja, il-​biċċa l-​kbira min-​nisa għandhom xogħol sekulari. F’pajjiżi żviluppati, hemm nisa kważi daqs l-​irġiel li għandhom xogħol sekulari. F’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, spiss in-​nisa jitħabtu għal ħafna sigħat f’xogħol tar-​rabaʼ biex jgħinu fil-​manteniment tal-​familji tagħhom.

Ħafna nisa jħossuhom maqsumin bejn il-​bżonn li jaqilgħu l-​għajxien u x-​xewqa li jieħdu ħsieb il-​familja u d-​dar tagħhom. Dawn in-​nisa mhux biss jipprovdu flus biex iħallsu għall-​ikel, il-​ħwejjeġ, u l-​post fejn joqogħdu imma wkoll isajru, jaħslu l-​ħwejjeġ, u jnaddfu d-​dar.

Barra minn hekk, ommijiet Kristjani jistinkaw biex inaqqxu l-​valuri spiritwali fi wliedhom. “Ngħiduha kif inhi, huwa diffiċli ħafna li tibbilanċja x-​xogħol u r-​responsabbiltajiet tal-​familja, speċjalment meta għandek tfal żgħar,” tammetti Cristina, omm taʼ żewġt ibniet żgħar. “M’huwiex faċli li tagħti lit-​tfal l-​attenzjoni kollha li jeħtieġu.”

Xi jqanqal lill-​ommijiet biex joħorġu jaħdmu? Maʼ liema sfidi jħabbtu wiċċhom? U huwa neċessarju li omm taħdem xogħol sekulari biex issib sodisfazzjon?

Għala l-​Ommijiet Joħorġu Jaħdmu

Ħafna ommijiet ikollhom jaħdmu xogħol full-time għax m’għandhomx triq oħra. Xi wħud m’għandhomx raġel li jistaʼ jgħinhom jaqilgħu l-​flus għall-​bżonnijiet tal-​familja. Koppji oħrajn jiskopru li paga waħda sempliċement m’hijiex biżżejjed biex tkopri l-​bżonnijiet bażiċi tal-​familja.

Veru, mhux l-​ommijiet kollha jaħdmu full-time minħabba l-​bżonn finanzjarju. Għadd sinifikanti joħorġu jaħdmu biex iżidu l-​istima lejhom infushom. Xi wħud għandhom mnejn jaħdmu biex ikunu jistgħu jagħżlu huma kif jonfqu l-​flus jew biex iħallsu għal affarijiet lussużi. Ħafna jinqalgħu f’xogħolhom u jieħdu pjaċir jagħmluh.

Il-pressjoni tal-​ħbieb tistaʼ tkun raġuni oħra għala ħafna ommijiet iħossuhom obbligati jaħdmu xogħol sekulari. Għalkemm il-​maġġuranza tan-​nies jagħrfu li ommijiet li jaħdmu jissieltu kontinwament kontra l-​istress u l-​għeja, dawk li jagħżlu li ma jaħdmux sekularment spiss jiġu ġudikati—saħansitra mwaqqgħin għaċ-​ċajt. “M’huwiex faċli tispjega lil oħrajn li int ‘sempliċement mara tad-​dar,’” tistqarr waħda mara. “Xi nies bi kliemhom jew bl-​espressjonijiet taʼ wiċċhom ikunu qed jgħidu li qed taħli ħajtek,” tgħid hi. Rebeca, omm taʼ tifla li għandha sentejn, tgħid: “Għalkemm is-​soċjetà li qed ngħixu fiha tirrikonoxxi li n-​nisa għandhom jieħdu ħsieb uliedhom, inħoss li tqis lill-​ommijiet li ma jagħmlux xogħol sekulari bħala li huma inferjuri b’xi mod jew ieħor.”

Ħrafa Kontra r-​Realtà

F’xi postijiet fid-​dinja, il-​mezzi tax-​xandir ipinġu lill-​“mara ideali” bħala li għandha suċċess fil-​karriera tagħha—għandha paga tajba, tilbes b’mod perfett, u kunfidenti għall-​aħħar. Meta tasal id-​dar, għandha l-​enerġija biex issolvi l-​problemi taʼ wliedha, tikkoreġi l-​iżbalji taʼ żewġha, u tieħu ħsieb kwalunkwe problema fid-​dar. Nistgħu nifhmu għala fir-​realtà ftit nisa jistgħu jgħixu fi qbil maʼ din il-​mara ideali.

B’mod realistiku, ħafna impjiegi sekulari li jkollhom in-​nisa huma monotoni u ma tantx iħallsu tajjeb. Ommijiet li jaħdmu jistgħu jħossuhom diżappuntati meta jsiru jafu li x-​xogħol tagħhom ma jippermettilhomx jużaw bis-​sħiħ l-​abbiltajiet naturali tagħhom. Il-​ktieb Social Psychology jgħid dan: “Minkejja l-​progress li sar għall-​ugwaljanza, l-​irġiel għad għandhom xogħlijiet taʼ paga iktar għolja u taʼ iktar awtorità. Għalhekk, in-​nisa li jipprovaw ikabbru l-​istima tagħhom infushom bix-​xogħol sekulari għandhom żvantaġġ kbir.” Il-​gazzetta Spanjola El País tgħid: “Fil-​każ tan-​nisa ġie kalkulat li għandhom probabbiltà li jbatu minn ansjetà relatata maʼ l-​istress tliet darbiet iktar mill-​irġiel, ladarba l-​biċċa l-​kbira għandhom żewġ impjiegi—wieħed ix-​xogħol u l-​ieħor id-​dar.”

Kif l-​Irġiel Jistgħu Jagħtu Daqqa t’Id

M’għandniex xi ngħidu, jekk omm Kristjana għandhiex taħdem xogħol sekulari jew le hija deċiżjoni persunali. Għaldaqstant, jekk hi miżżewġa, hi flimkien maʼ żewġha għandhom jieħdu deċiżjoni bħal din wara li jkunu ddiskutew il-​kwistjoni u kkunsidraw l-​aspetti kollha involuti.—Proverbji 14:15.

Xi ngħidu jekk koppja jiddeċiedu li minħabba l-​qagħda ekonomika tagħhom, it-​tnejn li huma jkollhom jaħdmu full-time? F’dan il-​każ, raġel għaqli se jagħti attenzjoni partikulari għat-​twissija tal-​Bibbja: “Intom l-​irġiel għandkom turu konsiderazzjoni fil-​ħajja miżżewġa tagħkom: ittrattaw lin-​nisa tagħkom b’rispett, mhux biss għaliex huma iktar dgħajfin fiżikament, imma wkoll għaliex l-​għotja tal-​ħajja mingħand Alla hija xi ħaġa li taqsmu flimkien.” (1 Pietru 3:7, The Revised English Bible) Raġel miżżewweġ juri rispett lejn martu billi jqis il-​limitazzjonijiet fiżiċi u emozzjonali tagħha. Kulmeta jkun possibbli, hu se jgħin lil martu fix-​xogħol tad-​dar. Bħal Ġesù, raġel miżżewweġ se jkun lest li bl-​umiltà jagħmel xogħol bażiku, mhux joqgħod lura milli jagħmel xogħol bħal dan bħallikieku dan hu umiljanti għalih. (Ġwanni 13:12-15) Minflok, għandu jqis dan ix-​xogħol tad-​dar bħala opportunità biex juri mħabbtu lejn il-​mara bieżla tiegħu. Hi se tapprezzaha ħafna għajnuna bħal din.—Efesin 5:25, 28, 29.

Bla dubju, hemm bżonn tal-​kooperazzjoni fid-​dar jekk it-​tnejn li huma għandhom bżonn jaħdmu xogħol sekulari. Dan il-​fatt huwa enfasizzat f’rapport f’ABC, gazzetta fi Spanja. Rigward studju li għamel l-​Istitut taʼ Kwistjonijiet tal-​Familja, l-​artiklu stqarr li hemm rata għolja taʼ divorzju fi Spanja mhux biss minħabba “n-​nuqqas fil-​livelli reliġjużi u morali” imma wkoll minħabba t-​taħlit taʼ żewġ aspetti oħrajn—“dak li n-​nisa ħarġu jaħdmu u dak li l-​irġiel naqsu milli jgħinu fix-​xogħol tad-​dar.”

L-​Irwol Vitali t’Omm Kristjana

Filwaqt li Ġeħova jinkariga lill-​missirijiet bir-​responsabbiltà primarja biex iħarrġu lil uliedhom, l-​ommijiet Kristjani jafu li huma wkoll fdati bi rwol vitali—speċjalment matul it-​tfulija taʼ wliedhom. (Proverbji 1:8; Efesin 6:4) Ġeħova indirizza lill-​ommijiet kif ukoll lill-​missirijiet meta ta lill-​Iżraelin l-​istruzzjoni biex inaqqxu l-​Liġi tiegħu fi wliedhom. Hu kien jaf li dan il-​proċess kien se jieħu ż-​żmien u jirrikjedi l-​paċenzja, b’mod partikulari matul iż-​żmien li fih it-​tfal jiżviluppaw il-​personalità tagħhom. Għal din ir-​raġuni, Alla qal lill-​ġenituri li kellhom iħarrġu lil uliedhom fid-​dar, fit-​triq, meta jqumu, u meta jimteddu.—Dewteronomju 6:4-7.

Il-Kelma t’Alla tenfasizza l-​importanza u l-​irwol dinjituż taʼ l-​ommijiet meta tikkmanda lit-​tfal: “Titlaqx il-​liġi t’ommok.” (Proverbji 6:20, NW) M’għandniex xi ngħidu, mara miżżewġa għandha titkellem maʼ żewġha qabel ma tagħmel xi liġijiet għat-​tfal. Però, kif jindika dan il-​vers, l-​ommijiet għandhom dritt jagħmlu liġijiet. U t-​tfal li jniżżlu f’qalbhom il-​liġijiet spiritwali u morali mgħallmin minn omm li għandha l-​biżaʼ t’Alla se jibbenefikaw bil-​kbir. (Proverbji 6:21, 22) Teresa, omm taʼ żewġ subien żgħar, tispjega għala hi ma tfittixx impjieg sekulari. Hi qalet: “L-​iktar xogħol importanti li għandi hu li rrabbi lil uliedi biex jaqdu lil Alla. Irrid nagħmel dan ix-​xogħol bl-​aqwa mod possibbli.”

Ommijiet li Ħallew Effett Tajjeb

Is-​Sultan Lemwel taʼ Iżrael żgur li bbenefika mill-​isforzi diliġenti t’ommu. “Il-​messaġġ qawwi” li tatu “biex tikkoreġih” saħansitra sar parti mill-​Kelma ispirata t’Alla. (Proverbji 31:1, NW; 2 Timotju 3:16) Id-​deskrizzjoni taʼ mara kapaċi li għamlet din l-​omm għadha tgħin lill-​ulied subien biex jagħżlu sieħba fiż-​żwieġ b’mod għaqli. U t-​twissijiet tagħha dwar l-​immoralità u x-​xorb żejjed għadhom japplikaw illum daqskemm kienu japplikaw meta nkitbu.—Proverbji 31:3-5, 10-31.

Fl-ewwel seklu, l-​appostlu Pawlu faħħar ix-​xogħol tajjeb li għamlet omm jisimha Ewniċe meta għallmet lil binha Timotju. Ladarba żewġha, li ma kienx iqim lil Ġeħova, probabbilment kien iqim lill-​allat Griegi, Ewniċe kellha tipperswadi lil Timotju biex ipoġġi l-​fidi fil-​“kitba qaddisa.” Ewniċe meta bdiet tgħallem lil Timotju l-​Iskrittura? Ir-​rakkont ispirat jgħid li kien ‘minn mindu kien tarbija.’ (2 Timotju 1:5; 3:14, 15) Il-​fidi u l-​eżempju tagħha, kif ukoll it-​tagħlim tagħha, ċertament ippreparaw lil Timotju għas-​servizz missjunarju li kien se jkollu.—Filippin 2:19-22.

Il-Bibbja tirreferi wkoll għal ommijiet li l-​ospitalità tagħhom lejn il-​qaddejja leali taʼ Ġeħova għenet lil uliedhom biex ikollhom eżempji taʼ min jimitahom f’ħajjithom. Per eżempju, mara Sunamija laqgħet regolarment lill-​profeta Eliżew f’darha. Eliżew iktar tard irxoxta lil binha. (2 Slaten 4:8-10, 32-37) Ikkunsidra wkoll l-​eżempju taʼ Marija, omm Marku, wieħed mill-​kittieba tal-​Bibbja. Mid-​dehra, hi offriet id-​dar tagħha f’Ġerusalemm lid-​dixxipli tal-​bidu bħala post fejn jiltaqgħu. (Atti 12:12) Marku żgur ibbenefika mis-​sħubija taʼ l-​appostli u Kristjani oħrajn li regolarment kienu jmorru d-​dar tiegħu.

Jidher ċar li Ġeħova japprezza ħafna x-​xogħol taʼ nisa leali li jnaqqxu l-​prinċipji tiegħu fi wliedhom. Hu jħobb lil dawn in-​nisa għal-​lealtà u l-​isforzi tagħhom biex joħolqu ambjent spiritwali fid-​dar.—2 Samwel 22:26; Proverbji 14:1.

L-​Iktar Għażla Sodisfaċenti

Bħalma għadna kif rajna mill-​eżempji Skritturali, meta omm tieħu ħsieb il-​bżonnijiet fiżiċi, spiritwali, u emozzjonali tal-​familja tagħha, dan jirriżulta f’barkiet uniċi. Iżda dan m’huwiex faċli. Ix-​xogħol t’omm fid-​dar spiss donnu huwa taʼ sfida akbar minn kwalunkwe pożizzjoni għolja f’kumpanija.

Veru, jekk omm, wara li tieħu l-​opinjoni taʼ żewġha, tagħżel li tillimita x-​xogħol sekulari tagħha, il-​familja għandha mnejn ikollha tgħix ħajja iktar sempliċi u l-​omm forsi jkollha tissaporti twaqqigħ għaċ-​ċajt minn dawk li ma jifhmux l-​għażla tagħha. Iżda l-​barkiet ipattu bil-​wisq iktar għas-​sagrifiċċju. Paqui għandha tlett itfal u jkollha taħdem part-time. Hi tgħid: “Nieħu pjaċir inkun hemm meta t-​tfal jiġu lura mill-​iskola ħalli jkollhom maʼ min jitkellmu.” It-​tfal tagħha kif jibbenefikaw? “Jien ngħinhom fil-​ħowmwerk, u jekk iqumu xi diffikultajiet, nistaʼ nieħu ħsiebhom dak il-​ħin,” tgħid hi. “Il-​ħin li nqattgħu flimkien kuljum jgħin biex ikollna komunikazzjoni tajba. Tant ngħożż dan il-​ħin maʼ wliedi li rrifjutajt opportunità biex naħdem full-time.”

Ħafna ommijiet Kristjani skoprew li jekk jirnexxilhom inaqqsu l-​ħin li jqattgħu fix-​xogħol sekulari, il-​membri kollha tal-​familja jibbenefikaw. “Meta waqaft mix-​xogħol sekulari, donnu kellna inqas problemi fil-​familja,” tispjega Cristina, li ssemmiet qabel. “Kelli ħin biex nitkellem maʼ wliedi u biex ngħin lil żewġi f’ħafna modi prattiċi. Bdejt nieħu pjaċir ngħallem lil uliedi bniet, narahom jitgħallmu u jagħmlu progress.” Hemm ġrajja partikulari li tispikka f’moħħ Cristina. “It-​tifla l-​kbira tiegħi tgħallmet timxi f’ċentru fejn jieħdu ħsieb it-​tfal,” tiftakar hi, “imma lit-​tieni tifla tiegħi għallimtha jien timxi d-​dar. Għamlet l-​ewwel passi tagħha u waqgħet f’dirgħajja. Dak il-​mument ġabli sodisfazzjon kbir!”

Fattur ieħor li tajjeb nikkunsidraw hu li s-​sagrifiċċji ekonomiċi involuti meta omm tnaqqas ix-​xogħol sekulari jistgħu ma jkunux daqskemm tkun qed tistenna. “Fir-​realtà, kelli nuża parti kbira mill-​paga tiegħi għall-​ispejjeż taċ-​ċentru li jieħu ħsieb it-​tfal u għat-​trasport,” tispjega Cristina. “Meta eżaminajna s-​sitwazzjoni tagħna bir-​reqqa, indunajna li l-​impjieg tiegħi ma kienx qed iħalli daqstant iktar flus fid-​dar.”

Wara li kkunsidraw is-​sitwazzjoni tagħhom, xi koppji ddeċidew li l-​vantaġġi li jiġu meta n-​nisa miżżewġin jieħdu ħsieb il-​familja mingħajr ma joħorġu jaħdmu jisbqu kwalunkwe sagrifiċċju finanzjarju li jkollhom jagħmlu. “Jien ferħan ħafna li marti tistaʼ tibqaʼ d-​dar u tieħu ħsieb iż-​żewġt itfal żgħar tagħna,” jgħid Paul, ir-​raġel taʼ Cristina. “It-​tnejn li aħna konna nħossuna ħafna iktar stressati meta marti kienet toħroġ taħdem.” Din id-​deċiżjoni x’effett kellha fuq iż-​żewġt ibniet taʼ din il-​koppja? “Mhux biss iħossuhom iktar fis-​sigurtà,” jgħid Paul, “imma qed jiġu protetti bil-​kbir minn influwenzi ħżiena matul l-​ewwel snin taʼ ħajjithom.” Din il-​koppja għala tħoss li huwa daqstant importanti għalihom li jqattgħu kemm jistaʼ jkun ħin mal-​bniet tagħhom? Paul iwieġeb: “Jien konvint li jekk aħna l-​ġenituri ma ninfluwenzawx il-​qalb u l-​moħħ taʼ wliedna, xi ħadd ieħor se jagħmel dan.”

Jidher ċar li kull koppja trid tanalizza s-​sitwazzjoni tagħhom stess, u ħadd m’għandu jikkritika d-​deċiżjonijiet li jieħdu oħrajn. (Rumani 14:4; 1 Tessalonikin 4:11) Minkejja dan, huwa taʼ min jikkunsidra l-​ħafna benefiċċji li tikseb il-​familja meta omm ma toħroġx taħdem full-time. Teresa, li ssemmiet qabel, tiġbor fil-​qosor kif tħossha dwar din il-​kwistjoni, billi tgħid: “Xejn ma jġib sodisfazzjon akbar milli tqattaʼ kemm jistaʼ jkun ħin tieħu ħsieb u tgħallem lil uliedek.”—Salm 127:3.

[Stampa f’paġna 31]

Ommijiet Kristjani jieħdu sehem fix-​xogħol vitali taʼ li jħarrġu lil uliedhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja