L-Isfidi li Jiffaċċjaw l-Ommijiet
“Id-doveri fundamentali taʼ l-umanità huma d-doveri konnessi mad-dar. . . . Jekk l-omm ma tagħmilx id-dover tagħha, ma jkunx hemm ġenerazzjoni oħra, jew inkella jkun hawn ġenerazzjoni li tkun agħar milli kieku ma kinitx teżisti.”—Theodore Roosevelt, is-26 president taʼ l-Istati Uniti.
JIDHER ċar li l-omm hija essenzjali għall-ħajja umana, iżda l-irwol tagħha jinvolvi ferm iktar milli sempliċement iġġib it-tfal fid-dinja. Rigward l-irwol taʼ l-ommijiet fil-biċċa l-kbira mid-dinja llum, kittieb osserva: “Hija l-protettriċi ewlenija tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-intellett, il-personalità, il-karattru, u l-istabbilità emozzjonali taʼ kull tifel u tifla.”
Wieħed mill-ħafna rwoli taʼ l-omm hu dak li tgħallem lil uliedha. L-ewwel ftit kliem taʼ tarbija u l-mod kif titkellem titgħallimhom mingħand ommha. Ġeneralment, l-omm tqattaʼ iktar ħin kuljum maʼ wliedha mis-sieħeb tagħha, u għalhekk għandu mnejn li hi l-għalliema ewlenija tagħhom kif ukoll dik li tiddixxiplinahom prinċipalment. B’hekk, il-proverbju Messikan, “L-edukazzjoni tibda mal-ħalib taʼ l-omm,” iġib unur lill-irwol importanti taʼ l-ommijiet.
Il-Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova, ukoll jonora lill-ommijiet. Fil-fatt, wieħed mill-Għaxar Kmandamenti, miktubin fuq twavel tal-ġebel “bis-sabaʼ taʼ Alla,” iħeġġeġ lit-tfal biex jonoraw lil missierhom u lil ommhom. (Eżodu 20:12; 31:18; Dewteronomju 9:10) Iktar minn hekk, proverbju mill-Bibbja jirreferi għal-liġi jew ‘it-tagħlim t’ommok.’ (Proverbji 1:8) Illum kważi kulħadd jirrikonoxxi l-importanza li tgħallem lit-tfal matul l-ewwel tliet snin taʼ ħajjithom, żmien meta l-biċċa l-kbira minnhom ikunu fil-ħarsien taʼ l-omm.
X’Inhuma Ftit mill-Isfidi?
Il-pressjoni biex jaħdmu xogħol sekulari ħalli jgħinu lill-familja finanzjarjament hija taʼ sfida għal ħafna ommijiet biex jgħallmu lil uliedhom matul is-snin kruċjali meta jkun qed jifforma l-karattru tagħhom. Statistiki miġburin mill-Ġnus Magħquda juru li f’ħafna pajjiżi żviluppati, iktar min-nofs l-ommijiet li għandhom tfal taħt it-tliet snin huma impjegati.
Barra minn dan, l-ommijiet spiss ikollhom iġorru r-responsabbiltà tat-trobbija tat-tfal waħedhom minħabba li żwieġhom ikunu telqu mid-dar biex isibu xogħol f’xi belt jew pajjiż ieħor. Per eżempju, huwa rapportat li f’xi reġjuni fl-Armenja, kważi terz mill-irġiel siefru biex ifittxu x-xogħol. Ommijiet oħra jitħallew irabbu t-tfal waħedhom għaliex ir-raġel tagħhom ikun abbandunahom jew miet.
F’xi pajjiżi, sfida oħra għal ħafna ommijiet hi li ma jafux skola. Id-Dipartiment taʼ l-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali tal-ĠM jikkalkula li żewġ terzi mit-876 miljun ruħ fid-dinja li ma jafux jaqraw huma nisa. Fil-fatt, skond l-UNESCO, iktar minn 60 fil-mija min-nisa fl-Afrika, fil-pajjiżi Għarab, u fl-Asja t’Isfel u tal-Lvant huma illetterati. Barra minn hekk, għadd kbir taʼ rġiel jemmnu li lin-nisa m’hemmx għalfejn tgħallimhom l-iskola u jemmnu wkoll li dan jagħmilhom mhux addattati għall-irwol tagħhom li jġibu t-tfal fid-dinja.
Ir-rivista Outlook tgħid li f’distrett fl-istat taʼ Kerala fl-Indja, fejn it-tfajliet normalment isiru ommijiet taʼ 15-il sena, l-ebda raġel ma jrid għarusa li tkun taf l-iskola. Fil-Pakistan, pajjiż li hu viċin l-Indja, it-tfal subien jingħataw prijorità. It-trobbija tagħhom tħejjihom biex isibu impjiegi tajbin sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom meta dawn jixjieħu. Mill-banda l-oħra, skond il-ktieb Women’s Education in Developing Countries, “il-ġenituri ma jonfqux flus fl-edukazzjoni taʼ wliedhom bniet għax ma jistennewx li dawn se jkunu kapaċi jagħtu kontribut ekonomiku lill-familja.”
Imbagħad hemm l-isfida taʼ kif in-nisa jittrattaw maʼ l-użanzi lokali. Per eżempju, f’xi pajjiżi, omm hi mistennija li taqbel maʼ użanzi bħalma huma l-bejgħ taʼ tfajliet żgħar għaż-żwieġ u l-qtugħ taʼ l-organi ġenitali tat-tfal bniet. Hemm ukoll l-użanza li tipprojbixxi omm milli tgħallem u tiddixxiplina lil uliedha subien. Għandha omm issegwi użanzi bħal dawn u tħalli t-tagħlim taʼ wliedha subien f’idejn ħaddieħor?
Fl-artikli li jmiss, se naraw kif xi ommijiet qed jegħlbu dawn l-isfidi. Se nipprovaw napprezzaw iktar lill-ommijiet u l-istat tagħhom u niksbu ħarsa bilanċjata taʼ l-irwol taʼ l-omm bħala għalliema taʼ wliedha.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 4]
“L-irwol taʼ l-omm hu vitali fejn għandu x’jaqsam l-inkuraġġiment għall-intelliġenza u l-kurżità tat-tfal, kif ukoll għall-iżvilupp tal-kreattività tagħhom.”—Summit Reġjonali fuq id-Drittijiet tat-Tfal, Burkina Faso, 1997.
[Stampi f’paġna 3]
L-ommijiet għandhom sehem importanti fis-saħħa, l-edukazzjoni, il-personalità, u l-istabbilità emozzjonali taʼ kull tifel u tifla