LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 10/8 pp. 10-12
  • Ġenitur Wieħed imma M’Huwiex Waħdu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġenitur Wieħed imma M’Huwiex Waħdu
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Esperjenzi taʼ suċċess
  • Familji b’Ġenitur Wieħed Jistgħu Jirnexxu!
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Ġenituri Waħedhom imma Ħafna Huma l-Isfidi
    Stenbaħ!—2002
  • Familji b’Ġenitur Wieħed Qegħdin Jiżdiedu
    Stenbaħ!—2002
  • Ġenituri—Kunu t’Eżempju mill-Aħjar għal Uliedkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 10/8 pp. 10-12

Ġenitur Wieħed imma M’Huwiex Waħdu

“Meta t-​tfal jiġu d-​dar u jgħannquni u jgħiduli li jħobbuni, dawn huma l-​isbaħ mumenti fil-​ħajja taʼ omm.”—DORIS, OMM LI QED TRABBI ŻEWĠT ITFAL WAĦEDHA.

ĠENITURI li qed irabbu t-​tfal waħedhom jistgħu jsibu faraġ fl-​istqarrija mill-​Bibbja: “Wirt il-​Mulej huma l-​ulied, ħlas tiegħu hu frott il-​ġuf.” (Salm 127:3) Meta t-​tfal jitrabbew ġo familja b’ġenitur wieħed, ma jkunux inqas prezzjużi f’għajnejn Alla. Il-​Ħallieq tagħna jixtieq li familji b’ġenitur wieħed jirnexxu. Il-​Bibbja tgħid dwaru: “L-​iltim u l-​armla jweżinhom.” (Salm 146:​9, Saydon) Il-​ġenituri waħedhom jistgħu jibqgħu ċerti li Alla huwa lest li jgħinhom.

It-tfal għandhom dritt li jitrabbew f’ambjent taʼ mħabba, protezzjoni, u sigurtà, u dan se jgħinhom biex jiżviluppaw fiżikament, emozzjonalment, u spiritwalment. Huwa d-​dmir u l-​privileġġ taʼ kull ġenitur li jiġi użat minn Alla biex iħarreġ lit-​tfal tiegħu.

Ħafna ġenituri waħedhom sabu li biex ikollhom suċċess għandhom bżonn jitolbu bil-​ħrara, japplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja b’mod konsistenti u jistrieħu fuq Jehovah. Dan huwa fi qbil mat-​twissija li hemm f’Salm 55:22 (Karm Żammit): “Qiegħed it-​tagħbija tiegħek fuq il-​Mulej, u hu jgħinek.”

Kultant, in-​nanniet, l-​anzjani tal-​lokal, u ġenituri bl-​esperjenza fil-​kongregazzjoni Kristjana jistgħu jkunu lesti li jgħinu familja b’ġenitur wieħed biex tiffaċċja sitwazzjonijiet ibsin. Veru, membri tal-​familja u aduraturi sħabhom għandhom ħafna x’joffru sabiex jgħinu lill-​ġenituri li jkunu waħedhom fl-​isforzi tagħhom, imma fl-​aħħar mill-​aħħar Alla jpoġġi r-​responsabbiltà fuq il-​ġenituri.a

B’ferħ, ħafna ġenituri waħedhom irnexxielhom jiffaċċjaw b’suċċess l-​isfidi partikulari tas-​sitwazzjoni tagħhom u jrabbu tfal responsabbli, li jġibu ruħhom sew, u li għandhom il-​biżaʼ t’Alla. Stenbaħ! tkellem maʼ xi wħud minnhom. Dawn li ġejjin huma xi ftit affarijiet li ġenituri bħal dawn għandhom komuni.

• Tmexxija tajba tad-​dar. Ġenituri waħedhom li jirnexxu jaħdmu iebes biex ikunu organizzati tajjeb u biex ilaħħqu maʼ kollox. Ippjanar u organizzar xierqa huma essenzjali. Il-​Bibbja tgħid: “Min hu bil-​għaqal jaħsibha tajjeb u jirnexxilu.”​—Proverbji 21:5.

• Dedikazzjoni. Ġenituri waħedhom li jirnexxu jpoġġu l-​ħajja tal-​familja fost l-​ewwel prijoritajiet f’ħajjithom. Huma jiffokaw fuq li jaqdu l-​bżonnijiet tat-​tfal qabel tagħhom.​—1 Timotju 5:8.

• Bilanċ meta jiffaċċjaw il-​problemi. Ġenituri waħedhom li jirnexxu la jċekknu u lanqas jesaġeraw il-​problemi; huma jipprovaw isibu s-​soluzzjoni għalihom. Huma jaċċettaw id-​diffikultajiet u jipprovaw jiffaċċjawhom bla ma joqogħdu jitħassru lilhom infushom jew jimtlew bl-​imrar.

• Komunikazzjoni tajba. Ġenituri waħedhom li jirnexxu jħeġġu l-komunikazzjoni. Huma jinkuraġġixxu lill-​membri tal-​familja tagħhom biex jesprimu l-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħhom b’mod ċar u bil-​miftuħ. Missier bla mara jgħid hekk dwar uliedu: “Jien nieħu kull opportunità biex nitkellem magħhom. Ikollna ‘mumenti rilassanti’ meta nippreparaw l-​ikla taʼ fil-​għaxija. Huwa f’dan il-​ħin li huma jiftħu qalbhom kompletament miegħi.”

• Jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Minkejja li l-​ħin tagħhom huwa limitat, ġenituri waħedhom li jirnexxu jaraw l-​importanza li jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet spiritwali, emozzjonali u fiżiċi tagħhom infushom. Ethel, omm divorzjata u li trabbi żewġt itfal waħedha, spjegat: “Nipprova nsib ftit ħin għalija. Per eżempju, meta t-​tfal ikollhom il-​lezzjonijiet tal-​mużika, ikolli siegħa x’niddedika għalija nnifsi. Noqgħod bil-​qiegħda u ma nixgħelx it-​TV.”

• Attitudni pożittiva. Ġenituri waħedhom li jirnexxu jżommu ħarsa pożittiva dwar l-​istat tagħhom bħala ġenituri u lejn il-​ħajja b’mod ġenerali. Huma jaraw aspetti pożittivi anki f’sitwazzjonijiet stressanti. Omm waħedha tgħid: “Irrealizzajt li l-​fatt li tkun ġenitur waħdek m’hijiex xi ħaġa negattiva għal kollox.”

Esperjenzi taʼ suċċess

Huma effettivi dawn il-​prinċipji? Iva, kif jistaʼ jidher mill-​esperjenza taʼ xi ġenituri li jrabbu t-​tfal waħedhom. Gloria, li ssemmiet fl-​ewwel artiklu, tgħix l-​Ingilterra. Hi omm divorzjata, bla raġel u taħdem. Hi rnexxielha trabbi lil uliedha—żewġ subien u tifla. It-​tlieta li huma meta kibru saru ministri Kristjani full-time, billi ddedikaw ħajjithom biex iġibu ’l quddiem l-​edukazzjoni mill-​Bibbja. Meta ġiet mistoqsija dwar kif irnexxielha, Gloria spjegat: “L-​ewwel sfida kienet biex jirnexxili nżomm regolarment studju tal-​Bibbja interessanti mal-​familja. Ridt li t-​tfal ikunu ferħanin, li jkollhom il-​paċi tal-​moħħ, li jkunu sodisfatti, u li jkunu protetti minn xi nasba. Sibt xogħol li naħdem bil-​lejl. Il-​mira tiegħi kienet li jkolli t-​tfal miegħi kulmeta stajt. Qabel ma kont immur ix-​xogħol, konna ngħidu talba bħala familja u npoġġihom fis-​sodda ħa jorqdu. Iz-​zija tiegħi kienet toqgħod id-​dar meta jien kont inkun ix-​xogħol.”

Gloria kif irnexxielha tgħin lit-​tfal jistabbilixxu prijoritajiet xierqa? Hi tkompli: “L-​akbar mira tiegħi kienet li npoġġi l-​affarijiet spiritwali l-​ewwel. Ma kellniex ħafna flus, u lit-​tfal dan kont ngħidulhom bla ħabi. Kulma kont ngħidilhom biex jagħmlu, jien kont nagħmlu wkoll, u kollha kienu jikkooperaw miegħi.” Waqt li ġġib il-​memorji taʼ kif żammet il-​familja magħquda, Gloria tgħid: “Is-​sigriet kien li nagħmlu l-​affarijiet flimkien. Ħadd ma kien imur jingħalaq fil-​kamra tiegħu. Konna nsajru, innaddfu, u nieħdu ħsieb id-​dar flimkien. Konna nżommu bilanċ fl-​attivitajiet tagħna. Dejjem ħadt ħsieb li jkollna rikreazzjoni wkoll.”

Carolyn, omm bla raġel li għandha tifel żgħir jismu Joseph, hija verament kuntenta bil-​mod kif qiegħed jikber. X’inhu s-​sigriet tagħha? “Aħna naqraw il-​Bibbja flimkien qabel norqdu,” tgħid hi, “imbagħad nistaqsih xi mistoqsijiet dwar dak li jkun tgħallem. Ukoll, nagħżlu xi paragrafi minn pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja u napplikawhom personalment. Dan jgħin lil Joseph meta jkollu xi problemi, bħalma hu l-​ibbuljar fl-​iskola.” Carolyn tammetti li ħajjitha xejn m’hi faċli, imma ma tħosshiex waħedha. Hi tosserva: “Hija ġlieda kontinwa, imma nħoss li Jehovah tassew għenni. Jien nirċievi ħafna inkuraġġiment mill-​kongregazzjoni Kristjana wkoll.”

L-esperjenzi taʼ suċċess minn eluf taʼ ġenituri li jrabbu t-​tfal waħedhom, bħal Gloria u Carolyn, jagħtu prova li l-​ġenituri llum jistgħu jistrieħu fuq il-​prinċipji tal-​Bibbja, li ż-​żmien wera kemm huma vera taʼ valur, biex ikunu jistgħu jrabbu t-​tfal b’mod tajjeb u b’saħħithom spiritwalment. (Proverbji 22:6) Huwa possibbli li jkollok suċċess! Li trabbi t-​tfal waħdek jippreżenta ħafna sfidi li huma opportunitajiet biex tikseb l-​esperjenza li mbagħad tistaʼ taqsamha maʼ ħaddieħor. Li tistrieħ kompletament fuq Jehovah u tkun konvint li hu se jipprovdilek l-​għajnuna huwa l-​aħjar mezz biex tkampa maʼ dak li jintalab minnek meta tkun ġenitur li trabbi t-​tfal waħdek.​—Salm 121:​1-3.

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni dwar kif familji b’ġenitur wieħed jistgħu jirnexxu, ara Is-​Sigriet Taʼ L-​Hena Fil-​Familja, kapitlu 9, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampi f’paġna 11]

L-​istudju tal-​Bibbja bħala familja għen lit-​tlett itfal taʼ Gloria biex isiru ministri Kristjani full-time. Hawn qed iħarsu lejn ittra u ritratt taʼ ħuhom il-​kbir, li issa qed jaqdi bħala missjunarju

[Stampi f’paġna 12]

Carolyn u binha, Joseph

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja