LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 8/1 pp. 12-17
  • Aħdem Iebes għas-Salvazzjoni tan-Nies taʼ Darek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Aħdem Iebes għas-Salvazzjoni tan-Nies taʼ Darek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġenituri Kristjani u R-​Rwol Tagħhom
  • Nieħdu Ħsieb Tal-​Bżonnijiet Emozzjonali Tagħhom
  • Nieħdu Ħsieb Tal-​Bżonnijiet Spiritwali Tagħhom
  • Dixxiplinar Fit-​Tjieba
  • Djar B’Ġenitur Wieħed u Familji B’Ġenituri Tar-​Rispett
  • Ibqaʼ Aħdem Għas-​Salvazzjoni Tan-​Nies Taʼ Darek!
  • Ħarreġ lit-Tfal Tiegħek mill-Infanzja
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Familji b’Ġenitur Wieħed Jistgħu Jirnexxu!
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Ġenituri Waħedhom imma Ħafna Huma l-Isfidi
    Stenbaħ!—2002
  • Ġenituri—Ħarrġu lil Uliedkom bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 8/1 pp. 12-17

Aħdem Iebes għas-Salvazzjoni tan-Nies taʼ Darek

“Ibqgħu rabbuhom fid-​dixxiplina u r-​regular mentali taʼ Jehovah.”—EFESIN 6:4.

1, 2. Liema sfidi jiffaċċjaw il-​ġenituri llum?

RIVISTA popolari sejħitilha rivoluzzjoni. Dan kien f’artiklu li ddeskriva l-​bidliet sorprendenti li seħħew fil-​familja fi snin riċenti. Dawn intqalu li huma “r-​riżultat taʼ epidemija taʼ divorzju, żwieġ mill-​ġdid, divorzju mill-​ġdid, illeġittimità, u tensjonijiet ġodda ġewwa familji li għadhom flimkien.” Pressjonijiet u tensjonijiet bħal dawn m’għandhomx jissorprenduna, għax il-​Bibbja bassret li n-​nies kellhom jiffaċċjaw “żminijiet kritiċi” matul dawn “l-​aħħar jiem.”—2 Timotew 3:1-5.

2 Ġenituri llum għalhekk jiffaċċjaw sfidi li ma kinux jeżistu f’ġenerazzjonijiet taʼ qabel. Għalkemm xi ġenituri fostna rabbew lit-​tfal tagħhom fil-​biżaʼ t’Alla “mill-​infanzja,” ħafna familji għadhom kif bdew riċentement “jimxu fil-​verità.” (2 Timotew 3:15; 3 Ġwann 4) It-​tfal tagħhom setgħu kienu akbar fl-​età meta l-​ġenituri bdew jgħallmuhom il-​mogħdijiet t’Alla. Iktar minn hekk, għadd li dejjem jiżdied taʼ familji b’ġenitur wieħed u familji b’ġenituri tar-​rispett jinsabu fostna. Huma x’inhuma ċ-​ċirkostanzi tiegħek, tapplika t-​twissija taʼ l-​appostlu Pawlu: “Ibqgħu rabbuhom fid-​dixxiplina u r-​regular mentali taʼ Jehovah.”—Efesin 6:4.

Ġenituri Kristjani u R-​Rwol Tagħhom

3, 4. (a) Liema fatturi kkaġunaw li l-​irwol tal-​missirijiet jonqos? (b) Missirijiet Kristjani għala jridu jkunu iżjed milli dawk li jaqilgħu l-​ħobża taʼ kuljum?

3 Innota li Pawlu indirizza l-​kliem tiegħu f’​Efesin 6:4 primarjament lil “missirijiet.” Wieħed kittieb jispjega li f’ġenerazzjonijiet taʼ qabel “il-​missirijiet kienu responsabbli għat-​trobbija morali u spiritwali taʼ wliedhom; il-​missirijiet kienu responsabbli għall-​edukazzjoni taʼ wliedhom. . . . Imma r-Rivoluzzjoni Industrijali qerdet din l-​intimità; il-​missirijiet telqu l-​irziezet u l-​ħwienet tagħhom, telqu d-​djar tagħhom biex jaħdmu ġo fabbriki u iktar tard f’uffiċċini. L-​ommijiet assumew ħafna mid-​doveri li qabel kienu responsabbli għalihom il-​missirijiet. Iżjed u iżjed, l-​istat taʼ missier sar xi ħaġa astratta.”

4 Irġiel Kristjani: Tkunux kuntenti b’li tkunu sempliċement dawk li jaqilgħu l-​ħobża taʼ kuljum, billi tħallu t-​taħriġ u l-​iżvilupp taʼ wliedkom għan-​nisa tagħkom. Proverbji 24:27 ħeġġeġ lill-​missirijiet taʼ l-​antik: “Ħejji xogħlok barra l-​bibien, u agħmlu lest għalik innifsek fl-​għalqa. Wara dan trid ukoll tibni lin-​nies taʼ darek.” Bl-​istess mod illum, bħala ħaddiem, int forsi għandek bżonn taħdem fit-​tul u iebes biex taqlaʼ l-​għixien. (1 Timotew 5:8) Wara dan, madankollu, jekk jogħġbok ħu l-​ħin biex “tibni lin-​nies taʼ darek”​—emozzjonalment u spiritwalment.

5. Nisa miżżewġin Kristjani kif jistgħu jaħdmu għas-​salvazzjoni tan-​nies taʼ darhom?

5 Nisa miżżewġin Kristjani: Intom ukoll tridu taħdmu iebes għas-​salvazzjoni tan-​nies taʼ darkom. Proverbji 14:1 jgħid: “Il-​mara verament għaqlija bniet id-​dar tagħha.” Bħala mseħbin fiż-​żwieġ, int u żewġek taqsmu r-​responsabbiltà li tħarrġu lil uliedkom. (Proverbji 22:6; Malakija 2:14) Dan jistaʼ jinvolvi li tiddixxiplina lit-​tfal tiegħek, li tlestihom għal-​laqgħat Kristjani u għall-​ministeru taʼ l-​għalqa, jew saħansitra li tikkonduċi l-​istudju tal-​familja meta żewġek ma jistax jagħmlu. Int tistaʼ wkoll tagħmel ħafna biex tgħallem lit-​tfal tiegħek kapaċitajiet fid-​dar, manjieri tajbin, iġjene fiżika, u ħafna affarijiet oħrajn taʼ għajnuna. (Titus 2:5) Meta rġiel u nisa miżżewġin jaħdmu flimkien b’dan il-​mod, jistgħu jilħqu aħjar il-​bżonnijiet tat-​tfal tagħhom. X’inhuma eżatt xi ftit minn dawk il-​bżonnijiet?

Nieħdu Ħsieb Tal-​Bżonnijiet Emozzjonali Tagħhom

6. L-​ommijiet u l-​missirijiet liema r-​rwol għandhom fl-​iżvilupp emozzjonali taʼ wliedhom?

6 “Meta omm li trabbi tgħożż lit-​tfal tagħha stess,” huma jħossuhom protetti, fis-​sigurtà, u maħbubin. (1 Tessalonkin 2:7; Salm 22:9) Ftit huma l-​ommijiet li jistgħu jirreżistu x-​xewqa li jagħtu ħafna attenzjoni lit-​trabi tagħhom. Staqsa l-​profeta Isaija: “Tistaʼ mara miżżewġa tinsa l-​imreddaʼ tagħha sabiex ma titħassarx lil bin żaqqha?” (Isaija 49:15) L-​ommijiet b’hekk għandhom irwol importanti fl-​iżvilupp emozzjonali tat-​tfal. Minkejja dan, il-​missirijiet ukoll għandhom irwol importanti f’dan ir-​rigward. L-​edukatur tal-​familja Paul Lewis jgħid: “Għadni qatt ma kelli wieħed li jaħdem fuq kas li qatt semaʼ xi tifel (jew tifla) [delinkwenti] jistqarr li kellu relazzjoni tajba maʼ missieru. Lanqas wieħed minn mijiet.”

7, 8. (a) Liema evidenza hemm taʼ rabta qawwija bejn Alla Jehovah u Ibnu? (b) Il-​missirijiet kif jistgħu jifformaw rabta taʼ mħabba maʼ wliedhom?

7 Huwa għalhekk essenzjali li missirijiet Kristjani jikkultivaw bl-​attenzjoni rabta taʼ mħabba mat-​tfal tagħhom. Per eżempju, ikkunsidra lil Alla Jehovah u lil Ġesù Kristu. Fil-​magħmudija taʼ Ġesù, Jehovah iddikjara: “Inti Ibni, il-​maħbub; jien approvajtek.” (Luqa 3:22) Kemm jesprimu affarijiet dawk il-​ftit kelmiet! Jehovah (1) irrikonoxxa lil Ibnu, (2) esprima bil-​miftuħ imħabbtu għal Ġesù, u (3) għamel magħruf li hu japprova lil Ġesù. Madankollu, din ma kenitx l-​unika darba li Jehovah esprima mħabbtu għal Ibnu. Ġesù iżjed tard qal lil Missieru: “Int ħabbejtni qabel it-​tisjis tad-​dinja.” (Ġwann 17:24) Tassew, iżda, mhux it-​tfal ubbidjenti kollha jeħtieġu rikonoxximent, imħabba, u approvazzjoni mingħand missirijiethom?

8 Jekk int missier, wisq probabbli tistaʼ tagħmel ħafna biex tifforma rabta taʼ mħabba mat-​tfal tiegħek billi b’mod regulari tagħmel espressjonijiet fiżiċi u verbali xierqa taʼ mħabba. Veru, huwa diffiċli għal xi rġiel biex juru l-​affezzjoni tagħhom, b’mod speċjali jekk huma qatt ma rċevew affezzjoni bil-​miftuħ mingħand missirijiethom stess. Imma saħansitra attentat mistħi biex tesprimi l-​imħabba lil uliedek jistaʼ jkollu impatt qawwi. Wara kollox, “l-​imħabba tibni.” (1 Korintin 8:1) Jekk uliedek iħossuhom fis-​sigurtà minħabba l-​imħabba tiegħek taʼ missier, huma iżjed se jkunu inklinati li jkunu ‘wlied subjien u bniet veri’ u li jħossuhom liberi li jiftħu qalbhom miegħek.—Proverbji 4:3.

Nieħdu Ħsieb Tal-​Bżonnijiet Spiritwali Tagħhom

9. (a) Ġenituri Iżraeliti li kellhom il-​biżaʼ t’Alla kif ħadu ħsieb tal-​bżonnijiet spiritwali tal-​familji tagħhom? (b) Il-​Kristjani liema opportunitajiet għandhom biex jgħallmu lil uliedhom b’mod informali?

9 It-​tfal għandhom ukoll bżonnijiet spiritwali. (Mattew 5:3) Mosè ta eżortazzjoni lill-​ġenituri Iżraeliti: “Dawn il-​kelmiet li jien qiegħed nikkmandak illum iridu jagħtu prova li huma f’qalbek; u trid iddaħħalhom sewwa f’moħħ ibnek u titkellem dwarhom meta tpoġġi f’darek u meta timxi fit-​triq u meta timtedd u meta tqum.” (Dewteronomju 6:6, 7) Jekk int ġenitur Kristjan, tistaʼ tagħmel ħafna mill-​istruzzjoni tiegħek informalment, bħal “meta timxi fit-​triq.” Ħin li tqattgħu rekbin flimkien fil-​karozza tal-​familja, waqt ix-​xiri, jew meta timxi flimkien mat-​tfal tiegħek minn bieb għal bieb fil-​ministeru Kristjan jipprovdi opportunitajiet bnini biex tagħti struzzjoni f’atmosfera rilassata. Ħin l-​ikel hu b’mod speċjali żmien tajjeb biex il-​familji jitkellmu. “Aħna nużaw il-​ħin taʼ l-​ikel biex nitkellmu dwar affarijiet li ġraw matul il-​ġurnata,” tispjega waħda omm.

10. L-​istudju tal-​familja xi drabi għala huwa sfida, u l-​ġenituri x’determinazzjoni jrid ikollhom?

10 Madankollu, istruzzjoni formali permezz taʼ studju regulari tal-​Bibbja mat-​tfal tiegħek hija vitali wkoll. Irridu nammettu, “il-​bluha hi marbuta mal-​qalb” tat-​tfal. (Proverbji 22:15) Xi ġenituri jgħidu li t-​tfal tagħhom jistgħu faċilment itellfu apposta l-​istudju tal-​familja. Kif? Billi jaġixxu bla kwiet u jiddejqu malajr, billi joħolqu distrazzjonijiet irritanti (bħal li jiġġieldu maʼ ħuthom), jew billi taparsi ma jafux veritajiet bażiċi tal-​Bibbja. Jekk dan iseħħ sal-​punt li ssir battalja taʼ min għandu l-​iktar determinazzjoni, ir-​rieda tal-​ġenitur trid tkun l-​iktar qawwija. Ġenituri Kristjani m’għandhomx iċedu u jħallu lit-​tfal jiddominaw id-​dar.—Qabbel Galatin 6:9.

11. L-​istudju tal-​familja kif jistaʼ jintgħamel pjaċevoli?

11 Jekk it-​tfal tiegħek ma jiħdux pjaċir jagħmlu l-​istudju tal-​familja, forsi jistgħu jsiru xi bidliet. Per eżempju, l-​istudju qiegħed jintuża bħala skuża biex tirrevedu n-​nuqqasijiet riċenti tat-​tfal tiegħek? Forsi jkun l-​aħjar li tiddiskutu dawn il-​problemi privatament. L-​istudju tagħkom qiegħed jinżamm regolarment? Jekk int tikkanċellah minħabba xi programm televiżiv favorit jew xi avveniment sportiv, wisq probabbli t-​tfal tiegħek m’humiex se jieħdu l-​istudju bis-​serjetà ħafna. Int sinċier u entużjast fil-​manjiera taʼ kif tikkonduċi l-​istudju? (Rumani 12:8) Iva, l-​istudju għandu jkun pjaċevoli. Ipprova żomm lit-​tfal kollha involuti. Kun pożittiv u edifikanti, billi tfaħħar mill-​qalb lit-​tfal tiegħek tal-​parteċipazzjoni tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, ma tridx sempliċement tgħaddi l-​materjal, imma ipprova ilħaq il-​qlub.—Proverbji 23:15.

Dixxiplinar Fit-​Tjieba

12. Id-​dixxiplina għala mhux dejjem tinvolvi kastig fiżiku?

12 It-​tfal għandhom ukoll ħtieġa qawwija għal dixxiplina. Bħala ġenitur, għandek tistabbilixxi limiti għalihom. Jgħid Proverbji 13:24: “Il-​wieħed li qiegħed iżomm lura l-​ħatar tiegħu qiegħed jobgħod lil ibnu, imma l-​wieħed li qiegħed iħobbu hu dak li tassew ifittxu bid-​dixxiplina.” Il-​Bibbja ma tfissirx, madankollu, li d-​dixxiplina trid tkun mogħtija dejjem permezz taċ-​ċintorin. Proverbji 8:33 jistqarr: “Isimgħu mid-​dixxiplina,” u jintqalilna li “ċanfira taħdem iktar fil-​fond f’wieħed li għandu l-​fehma milli terfaʼ idek fuq wieħed stupidu mitt darba.”—Proverbji 17:10.

13. Id-​dixxiplina tat-​tfal kif għandha tiġi amministrata?

13 Kultant, xi dixxiplina fiżika tistaʼ tkun xierqa. Madankollu, jekk tingħata fir-​rabja, x’aktarx li se tkun eċċessiva u bla effett. Il-​Bibbja twissi: “Intom il-​missirijiet, tkunux qegħdin tħarrxu lit-​tfal tagħkom, biex ma jsirux qalbhom maqtugħa.” (Kolossin 3:21) Tabilħaqq, “sempliċi oppressjoni tistaʼ ġġiegħel lil wieħed għaref jaġixxi bħal wieħed miġnun.” (Ekkleżjasti 7:7) Żagħżugħ imdejjaq jistaʼ saħansitra jirribella kontra livelli taʼ tjieba. Il-​ġenituri għandhom b’hekk jużaw l-​Iskrittura biex jiddixxiplinaw lit-​tfal tagħhom fit-​tjieba b’mod sod iżda bbilanċjat. (2 Timotew 3:16) Dixxiplina li togħġob ’l Alla hija amministrata bl-​imħabba u bil-​ħlewwa.—Qabbel 2 Timotew 2:24, 25.a

14. Il-​ġenituri x’għandhom jagħmlu jekk iħossuhom inklinati li jċedu għad-​dagħdigħa?

14 M’għandniex xi ngħidu, “aħna lkoll nieħdu gambetta ħafna drabi.” (Ġakbu 3:2) Saħansitra ġenitur li normalment juri mħabba jistaʼ jċedi għall-​pressjoni tal-​mument u jgħid xi ħaġa iebsa jew jagħti wirja taʼ korla. (Kolossin 3:8) Jekk dak iseħħ, tħallix ix-​xemx tinżel b’ibnek (jew bintek) f’hemm kbir jew bik innifsek fi stat ipprovokat. (Efesin 4:26, 27) Irranġa l-​kwistjoni maʼ ibnek (jew bintek), billi toffri apoloġija jekk dik tidher xierqa. (Qabbel Mattew 5:23, 24.) Li turi umiltà bħal din jistaʼ jressaqkom eqreb xulxin. Jekk tħoss li ma tistax tikkontrolla t-​tempra u se ċċedi għad-​dagħdigħa, fittex għajnuna mingħand l-​anzjani maħturin tal-​kongregazzjoni.

Djar B’Ġenitur Wieħed u Familji B’Ġenituri Tar-​Rispett

15. Tfal ġo familji b’ġenitur wieħed kif jistgħu jiġu mgħejjunin?

15 Mhux it-​tfal kollha, iżda, għandhom l-​appoġġ taʼ żewġ ġenituri. Fl-​Istati Uniti, wieħed minn kull erbat itfal qed jiġi mrobbi minn ġenitur wieħed. ‘Subjien mingħajr missier’ kienu komuni fi żminijiet bibliċi, u tħassib dwarhom hu ripetutament imsemmi fl-​Iskrittura. (Eżodu 22:22) Illum, djar Kristjani b’ġenitur wieħed bl-​istess mod jiffaċċjaw pressjonijiet u diffikultajiet, imma jsibu faraġ f’li jafu li Jehovah hu “missier taʼ subjien bla missier u mħallef tar-​romol.” (Salm 68:5) Il-​Kristjani huma mħeġġin biex ‘jieħdu ħsieb l-​iltiema u r-​romol fit-​tribulazzjoni tagħhom.’ (Ġakbu 1:27) Kredenti mseħbin jistgħu jagħmlu ħafna biex jgħinu familji b’ġenitur wieħed.b

16. (a) Ġenituri bla sieħeb (jew sieħba) x’għandhom jagħmlu għall-​benefiċċju tan-​nies taʼ darhom stess? (b) Id-​dixxiplina għala tistaʼ tkun diffiċli, imma għala trid tiġi amministrata?

16 Jekk int ġenitur waħdek, x’tistaʼ tagħmel int stess biex tibbenefika lin-​nies taʼ darek? Jeħtieġ li tkun diliġenti dwar studju tal-​Bibbja mal-​familja, attendenza għal-​laqgħat, u l-​ministeru taʼ l-​għalqa. Id-​dixxiplina, iżda, tistaʼ tkun b’mod partikulari sfida diffiċli. Forsi għadek titnikket dwar it-​telfa taʼ sieħeb (jew sieħba) maħbub fil-​mewt. Jew forsi qed tissielet maʼ sentimenti taʼ ħtija jew taʼ rabja minħabba firda matrimonjali. Jekk hemm kustodja tat-​tfal bejn tnejn, int forsi saħansitra tibżaʼ li ibnek (jew bintek) jistaʼ jippreferi joqgħod mas-​sieħeb (jew sieħba) separat jew divorzjat. Sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jagħmluha emozzjonalment diffiċli biex tamministra dixxiplina bbilanċjata. Madankollu, il-​Bibbja tgħidilna li “tifel mitluq għal rajh se jikkaġuna għajb lil ommu.” (Proverbji 29:15) Mela ċċedix għal ħtija, rimors, jew pressjoni emozzjonali mingħand ex-sieħeb (jew sieħba) fiż-​żwieġ. Poġġi livelli raġonevoli u konsistenti. Tagħmilx kompromess rigward prinċipji bibliċi.—Proverbji 13:24.

17. Ir-​rwol taʼ membri tal-​familja kif jistgħu jsiru mċajprin f’dar b’ġenitur wieħed, u x’jistaʼ jsir biex dan jiġi evitat?

17 Jistgħu jqumu xi diffikultajiet, iżda, jekk mara bla raġel tistma lil binha bħala sostitut għal żewġha​—ir-​raġel tad-​dar—​jew lil bintha bħala dik li tiftaħ qalbha magħha, billi tgħabbiha bi problemi intimi. Li tagħmel dan m’huwiex xieraq u jġib konfużjoni f’moħħ it-​tfal. Meta r-​rwol tal-​ġenituri u t-​tfal jiċċajpru, id-​dixxiplina tistaʼ titkisser. Għamilha ċara li int il-​ġenitur. Jekk int omm li teħtieġ xi parir ibbażat fuq il-​Bibbja, fittxu mingħand l-​anzjani jew forsi mingħand oħt matura akbar fl-​età.—Qabbel Titus 2:3-5.

18, 19. (a) Liema huma xi sfidi ffaċċjati minn familji b’ġenituri tar-​rispett? (b) Ġenituri u tfal tar-​rispett kif jistgħu juru għerf u dehen?

18 Familji b’ġenituri tar-​rispett bl-​istess mod jiffaċċjaw sfidi. Taʼ spiss, ġenituri tar-​rispett isibu li “mħabba istantanja” hi rari. Per eżempju, tfal tar-​rispett jistgħu jkunu sensittivi ħafna għal dak li jistaʼ jidher favoritiżmu lejn tfal bijoloġiċi. (Qabbel Ġenesi 37:3, 4.) Fil-​fatt, tfal tar-​rispett jistgħu jkunu qegħdin jissieltu man-​niket tat-​telfa tal-​ġenitur u jibżgħu li jekk iħobbu ġenitur tar-​rispett b’xi mod se juru nuqqas taʼ lealtà lejn il-​missier jew l-​omm bijoloġiċi tagħhom. Attentati biex tingħata dixxiplina meħtieġa jistgħu jiġu ffaċċjati bi tfakkira ħarxa, ‘Int m’intix il-​ġenitur veru tiegħi!’

19 Proverbji 24:3 jgħid: “Bl-​għerf dar se tinbena, u bid-​dehen se tagħti prova li hi stabbilita fis-​sod.” Iva, jirrikjedi għerf u dehen min-​naħa taʼ kulħadd biex familja b’ġenituri tar-​rispett tirnexxi. Maż-​żmien, it-​tfal iridu jaċċettaw il-​fatt, li taʼ spiss iweġġagħhom, li l-​affarijiet inbidlu. Ġenituri tar-​rispett forsi bl-​istess mod jeħtieġu li jitgħallmu jkunu paċenzjużi u taʼ mogħdrija, mhux jieħdu għalihom malajr meta jiġu ffaċċjati minn dik li tistaʼ tidher ċaħda. (Proverbji 19:11; Ekkleżjasti 7:9) Qabel tassumi l-​irwol taʼ wieħed li jiddixxiplina, aħdem biex tistabbilixxi ħbiberija maʼ tfal tar-​rispett. Sakemm tiġi stabbilita rabta bħal din, xi wħud forsi jikkunsidrawha aħjar li jħallu l-​ġenitur bijoloġiku jwettaq id-​dixxiplina. Meta jqumu xi tensjonijiet, iridu jsiru sforzi biex issir komunikazzjoni. “ Maʼ dawk li qegħdin jikkonsultaw flimkien hemm l-​għerf,” jgħid Proverbji 13:10.c

Ibqaʼ Aħdem Għas-​Salvazzjoni Tan-​Nies Taʼ Darek!

20. Kapijiet tal-​familja Kristjani x’għandhom ikomplu jagħmlu?

20 Familji Kristjani b’saħħithom ma jiġux b’kumbinazzjoni. Intom kapijiet tal-​familja tridu tkomplu taħdmu iebes għas-​salvazzjoni tan-​nies taʼ darkom. Oqogħdu għassa, billi tinnotaw xeħtiet mhux b’saħħithom jew tendenzi dinjin. Agħtu eżempju tajjeb bil-​kliem, kondotta, imħabba, fidi, u kastità. (1 Timotew 4:12) Uru l-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla. (Galatin 5:22, 23) Il-​paċenzja, il-​konsiderazzjoni, il-​maħfra, u t-​tenerezza se jsaħħu l-​isforzi tagħkom biex tgħallmu lit-​tfal tagħkom il-​mogħdijiet t’Alla.—Kolossin 3:12-14.

21. Atmosfera hienja u kordjali kif tistaʼ tinżamm fid-​dar taʼ dak li jkun?

21 Bl-​għajnuna t’Alla, ipprovaw żommu spirtu hieni u kordjali ġewwa d-​dar tagħkom. Qattgħu ħin flimkien bħala familja, billi tipprovaw tieklu minn taʼ l-​inqas ikla waħda flimkien kuljum. Laqgħat Kristjani, servizz taʼ l-​għalqa, u studju tal-​familja huma essenzjali. Madankollu, hemm ukoll “ħin biex tidħak . . . u ħin biex taqbeż lil hawn u lil hinn.” (Ekkleżjasti 3:1, 4) Iva, agħmel skeda għal perijodi taʼ rikreazzjoni edifikanti. Żjajjar f’mużewijiet, ġonna, u postijiet simili huma taʼ pjaċir għall-​familja kollha. Jew tistgħu titfu t-​TV u tqattgħu ħin tkantaw, tisimgħu xi mużika, tilagħbu xi logħob, jew titkellmu. Dan jistaʼ jgħin lill-​membri tal-​familja jersqu iżjed qrib xulxin.

22. Għala għandek taħdem iebes għas-​salvazzjoni tan-​nies taʼ darek?

22 Jalla intom il-​ġenituri Kristjani kollha tibqgħu taħdmu biex togħġbu lil Jehovah bis-​sħiħ “hekk kif tkomplu tagħtu l-​frott f’kull xogħol tajjeb u tiżdiedu fl-​għarfien eżatt t’Alla.” (Kolossin 1:10) Ibnu lin-​nies taʼ darkom fuq pedament b’saħħtu taʼ ubbidjenza lejn il-​Kelma t’Alla. (Mattew 7:24-27) U tistgħu tkunu ċerti li l-​isforzi tagħkom biex trabbu lil uliedkom “fid-​dixxiplina u r-​regular mentali taʼ Jehovah” se jkollhom l-​approvazzjoni tiegħu.—Efesin 6:4. (w94 7/15)

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “The Bible’s Viewpoint: ‘The Rod of Discipline’​—Is It Out-of-Date?” fl-​Awake! tat-​8 taʼ Settembru, 1992.

b Ara It-​Torri Taʼ L-​Għassa tal-​15 taʼ Novembru, 1980, paġni 4-15.

c Ara The Watchtower tal-​15 t’Ottubru, 1984, paġni 21-5.

Kif Twieġeb Int?

◻ Raġel u mara miżżewġin kif jistgħu jikkoperaw biex jibnu lin-​nies taʼ darhom?

◻ Liema huma xi bżonnijiet emozzjonali tat-​tfal, u dawn kif jistgħu jiġu ssodisfati?

◻ Kapijiet tal-​familja kif jistgħu jgħallmu lil uliedhom kemm formalment kif ukoll informalment?

◻ Il-​ġenituri kif jistgħu jiddixxiplinaw fit-​tjieba?

◻ X’jistaʼ jsir għall-​benefiċċju taʼ familji b’ġenitur wieħed u dawk b’ġenituri tar-​rispett?

[Stampa f’paġna 13]

L-​imħabba u l-​approvazzjoni taʼ missier huma importanti għall-​iżvilupp emozzjonali tat-​tfal

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja