Vjaġġatur Qalbieni “f’Ġieħ l-Evanġelju”
HUWA rapportat li sakemm kellu 18-il sena, George Borrow kien jaf 12-il lingwa. Sentejn wara hu kien kapaċi jittraduċi 20 lingwa differenti “b’faċilità u b’eleganza.”
Fl-1833, dan ir-raġel mogħni b’don taʼ l-għaġeb ġie mistieden f’Londra, l-Ingilterra, għal intervista mis-Soċjetà Biblika Britannika u Barranija. Hu ma kellux flus għall-vjaġġ, imma kien determinat li jieħu vantaġġ minn din l-opportunità pożittiva. Għalhekk, fl-età taʼ 30 sena, Borrow mexa l-180 kilometru mid-dar tiegħu f’Norwich, u wasal 28 siegħa biss wara.
Is-Soċjetà Biblika ppreżentatlu impriża diffiċli—li fi żmien sitt xhur jitgħallem il-lingwa Manċju, użata f’partijiet taċ-Ċina. Hu talabhom ktieb tal-grammatika, imma kulma setgħu jagħtuh kienet kopja taʼ l-Evanġelju taʼ Mattew bil-Manċju u dizzjunarju mill-Manċju għall-Franċiż. Madankollu, wara 19-il ġimgħa hu kiteb Londra, “Tgħallimt il-Manċju,” bħalma qal hu, bl-“għajnuna t’Alla.” Din l-impriża kienet saħansitra iktar taʼ l-għaġeb għax matul l-istess żmien jintqal li hu kien qed jikkoreġi l-Evanġelju taʼ Luqa bin-Nahuatl, waħda mil-lingwi indiġeni fil-Messiku.
Il-Bibbja bil-Manċju
Fis-seklu 17, meta l-Manċju deher bil-miktub għall-ewwel darba permezz taʼ stil taʼ kitba misluf mill-alfabet Mongoljan Uighur, dan sar il-lingwa użata mill-gvern Ċiniż. Għalkemm maż-żmien l-użu taʼ din il-lingwa beda jonqos, il-membri tas-Soċjetà Biblika Britannika u Barranija kienu ħerqanin li jistampaw u jqassmu Bibbji bil-Manċju. Sa l-1822, huma kienu ffinanzjaw edizzjoni taʼ 550 kopja taʼ l-Evanġelju taʼ Mattew, tradott minn Stepan V. Lipoftsoff. Dan kien membru taʼ l-Uffiċċju Russu għall-Affarijiet Barranin u kien għex fiċ-Ċina għal 20 sena. L-Evanġelju ġie stampat f’San Pietruburgu, imma wara li kienu tqassmu biss ftit kopji, għamel għargħar u l-bqija nqerdu.
Wara ftit ħarġet traduzzjoni kompleta taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana. Fl-1834, instabet verżjoni taʼ manuskritt antik tal-parti l-kbira mill-Iskrittura Ebrajka u dan żied l-interess fil-Bibbja. Min setaʼ jikkoordina r-reviżjoni tal-Bibbja eżistenti bil-Manċju u jkompli l-bqija tat-traduzzjoni? Is-Soċjetà Biblika Britannika u Barranija bagħtet lil George Borrow biex jidħol għal din l-impriża għan-nom tagħha.
Lejn ir-Russja
Wara li wasal f’San Pietruburgu, Borrow intefaʼ b’ruħu u b’ġismu fi studju iktar profond tal-Manċju sabiex ikun jistaʼ jikkoreġi u jirranġa t-test Bibliku b’iktar eżattezza. Xorta waħda, l-inkarigu kien iebes ħafna, u hu kien jaħdem sa 13-il siegħa kuljum sabiex titlesta t-tipa għat-Testment il-Ġdid, li eventwalment ġie deskritt bħala “edizzjoni sabiħa taʼ xogħol orjentali.” Fl-1835 ġew stampati elf kopja. Imma l-pjan tant mixtieq taʼ Borrow, li jiħodhom iċ-Ċina u jqassamhom hemm, sfratta. Il-gvern Russu beżaʼ li dan setaʼ jitqies bħala azzjoni missjunarja li setgħet tipperikola r-relazzjoni taʼ ħbiberija li kien igawdi mal-ġâr tiegħu, u għalhekk ma tax permess lil Borrow li jaqsam il-fruntiera Ċiniża jekk jieħu miegħu “kopja waħda tal-Bibbja bil-Manċju.”
Madwar għaxar snin wara tqassmu xi ftit kopji, u fl-1859, ħarġu traduzzjonijiet taʼ l-Evanġelji taʼ Mattew u Mark bi traduzzjonijiet f’kolonni paralleli bil-Manċju u biċ-Ċiniż. Madankollu, sa dakinhar, il-maġġuranza tan-nies li setgħu jaqraw il-Manċju kienu jippreferu jaqraw biċ-Ċiniż, u l-prospetti taʼ Bibbja kompleta bil-Manċju bdew jonqsu. Fil-fatt, il-Manċju kien qed isir lingwa mejta, u ċ-Ċiniż malajr kien se jiħodlu postu. Din il-bidla seħħet għalkollox sa l-1912, meta ċ-Ċina saret repubblika.
Il-Peniżola Iberjana
Imsaħħaħ bl-esperjenzi tiegħu, George Borrow irritorna Londra. Fl-1835, intbagħat il-Portugall u Spanja “biex jara kemm in-nies kienu preparati mentalment biex jirċievu l-veritajiet tal-Kristjanità,” bħalma poġġieha hu iktar tard. Dak iż-żmien, il-biċċa l-kbira miż-żewġ pajjiżi kienu għadhom ma ntmessewx mis-Soċjetà Biblika Britannika u Barranija minħabba l-firxa taʼ instabilità politika u soċjali. Borrow kien jieħu pjaċir jaqbad diskursati dwar il-Bibbja man-nies tal-kampanja fil-Portugall, imma fi ftit żmien, l-apatija u l-indifferenza reliġjuża li sab ġagħluh imur Spanja.
Fi Spanja kellu sfida differenti, speċjalment man-nies Żingari, iżda Borrow malajr beda jingwalaha magħhom peress li setaʼ jitkellem il-lingwa tagħhom. Ftit wara l-wasla tiegħu, hu beda jittraduċi t-“Testment il-Ġdid” bil-lingwa Spanjola taż-Żingari, il-Ġitan. F’parti minn dan ix-xogħol, hu stieden lil żewġ nisa Żingari biex jgħinuh. Kien jaqralhom il-verżjoni Spanjola u mbagħad jitlobhom jittraduċuhielu. B’dan il-mod hu rnexxielu jitgħallem l-użu korrett taʼ l-idjomi Żingari. B’riżultat taʼ dan l-isforz, l-Evanġelju taʼ Luqa ġie pubblikat fir-rebbiegħa taʼ l-1838, u ċertu isqof ġie mqanqal jesklama: “Dan se jikkonverti lil Spanja kollha permezz tal-lingwa żingara.”
George Borrow kien ġie mqabbad isib “persuna li kapaċi tittraduċi l-Iskrittura bl-ilsien Bask.” Din il-biċċa xogħol ngħatat lil ċertu Tabib Oteiza, wieħed “midħla ħafna taʼ dak id-djalett, u li jien ukoll naf xi ħaġa fuqu,” kiteb Borrow. Fl-1838, l-Evanġelju taʼ Luqa sar l-ewwel ktieb tal-Bibbja li deher bil-Bask Spanjol.
Imqanqal mix-xewqa tiegħu li jgħallem lin-nies komuni, Borrow għamel vjaġġi twal, u spiss perikolużi, biex iqassam kotba tal-Bibbja fost il-foqra f’komunitajiet fil-kampanja. Il-ħsieb tiegħu kien li jeħlishom mill-injoranza u s-superstizzjoni reliġjuża. Per eżempju, biex jurihom kemm kienu bla siwi l-indulġenzi li kienu qed jixtru, hu kien jirraġuna: “Jistaʼ jkun li Alla, li hu tajjeb, japprova l-bejgħ tad-dnub?” Imma s-Soċjetà Biblika, peress li beżgħet li attakk bħal dan fuq twemmin stabbilit setaʼ jwassal biex l-attivitajiet tagħha jiġu projbiti, qaltlu biex jikkonċentra biss fuq it-tqassim taʼ l-Iskrittura.
Borrow kiseb permess bil-fomm biex jistampa l-El Neuvo Testamento, Testment il-Ġdid Spanjol, mingħajr in-noti duttrinali Kattoliċi Rumani. Dan ġara minkejja l-oppożizzjoni li għall-ewwel wera l-prim ministru, li kien iddeskriva t-traduzzjoni bħala “ktieb mhux xieraq” u perikoluż. Imbagħad Borrow fetaħ maħżen f’Madrid biex ibigħ dan it-Testment il-Ġdid Spanjol, azzjoni li ġabitu f’konflitt kemm mal-mexxejja reliġjużi u kemm maʼ l-awtoritajiet sekulari. Hu weħel il-ħabs għal 12-il jum. Meta pprotesta, Borrow intalab jitlaq bil-kwiet. Ladarba kien jaf sew li kien inżamm il-ħabs b’mod illegali, hu semma l-eżempju taʼ l-appostlu Pawlu u għażel li jibqaʼ hemm sakemm ġie eżonerat kif jixraq, u ismu nħeles minn kull diżunur.—Atti 16:37.
Saż-żmien li r-rappreżentant żeluż tagħha telaq minn Spanja fl-1840, is-Soċjetà Biblika setgħet tirrapporta: “Fi Spanja tqassmu kważi 14,000 kopja taʼ l-Iskrittura f’dawn l-aħħar ħames snin.” Peress li kellu sehem kbir f’din il-ħaġa, Borrow ġabar l-esperjenzi tiegħu fi Spanja bħala “l-iktar snin ferħanin taʼ l-eżistenza tiegħi.”
Il-ktieb The Bible in Spain, pubblikat għall-ewwel darba fl-1842—u għadu jiġi stampat sa llum—huwa r-rakkont ħaj u persunali taʼ George Borrow innifsu dwar il-vjaġġi u lavventuri tiegħu. F’dan il-ktieb, li mill-ewwel għamel suċċess, hu sejjaħ lilu nnifsu “vjaġġatur f’ġieħ l-Evanġelju.” Fih kiteb: “L-intenzjoni tiegħi kienet li nżur l-inħawi sigrieti u mwarrbin qalb l-għoljiet u l-muntanji blatin, sabiex nitkellem man-nies, kif naf jien, dwar Kristu.”
Għall-fatt li qassam u ttraduċa l-Iskrittura b’tant entużjażmu, George Borrow ħejja t-triq għal oħrajn—privileġġ prezzjuż tassew.
[Mappa f’paġna 29]
L-isforzi taʼ George Borrow biex jittraduċi u jqassam il-Bibbja ħaduh mill- (1) Ingilterra għar- (2) Russja, (3) il-Portugall, u (4)Spanja
[Sors]
Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.
[Stampa f’paġna 28]
Il-kliem tal-ftuħ taʼ l-Evanġelju taʼ Ġwanni bil-Manċju, stampat fl-1835, li jinqara minn fuq għal isfel u mix-xellug għal-lemin
[Sors]
Mill-ktieb The Bible of Every Land, 1860
[Sors tal-Istampa f’paġna 27]
Mill-ktieb The Life of George Borrow minn Clement K. Shorter, 1919