LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 1/1 pp. 4-6
  • Magħqudin bl-Imħabba Għal Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Magħqudin bl-Imħabba Għal Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Qarreb lill-​Membri tal-​Kongregazzjoni Lejn Xulxin?
  • Tinżamm l-​Għaqda
  • Magħqudin fil-​Qima fi Żmienna
  • L-​Għaqda Tiġbed lil Oħrajn
  • Il-Familja taʼ Jehovah Tgawdi Unità Prezzjuża
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Il-Qima Vera Tintgħaraf mill-Unità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • L-Unità Kristjana Tigglorifika lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Żommu l-Unità f’Dawn l-Aħħar Jiem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 1/1 pp. 4-6

Magħqudin bl-​Imħabba Għal Alla

META l-​kongregazzjoni Kristjana ġiet ifformata fl-​ewwel seklu taʼ l-​Era Komuni tagħna, waħda mill-​karatteristiċi li spikkaw—minkejja li l-​membri tagħha kienu differenti ħafna minn xulxin—kienet l-​għaqda. Dawn l-​aduraturi taʼ l-​Alla veru kienu mill-​Asja, l-​Ewropa, u l-​Afrika. Huma kienu ġejjin minn stili taʼ ħajja differenti—qassisin, suldati, ilsiera, refuġjati, kummerċjanti, professjonisti, u negozjanti. Xi wħud kienu Lhud, u oħrajn Ġentili. Qabel, ħafna minnhom kienu adulteri, omosesswali, sakranazzi, ħallelin, jew qarrieqa. Minkejja dan, meta saru Kristjani, huma ħallew warajhom l-​għemejjel ħżiena tagħhom u saru ħaġa waħda fil-​fidi.

X’għen lill-​Kristjanità taʼ l-​ewwel seklu tgħaqqad lil dawn in-​nies kollha? Għala kienu fil-​paċi maʼ xulxin u man-​nies in ġenerali? Għala ma ħadux sehem f’ribelljonijiet u konflitti? Għala kienet il-​Kristjanità tal-​bidu daqshekk differenti mir-​reliġjonijiet il-​kbar taʼ llum?

X’Qarreb lill-​Membri tal-​Kongregazzjoni Lejn Xulxin?

Fl-​ewwel seklu, l-​iktar ħaġa li għaqqdet lil dawk li kienu jemmnu kienet l-​imħabba għal Alla. Dawn il-​Kristjani għarfu l-​obbligu primarju tagħhom li jħobbu lill-​Alla veru, Ġeħova, b’qalbhom, ruħhom, u moħħhom kollu. Per eżempju, l-​appostlu Pietru, li kien Lhudi, ngħata l-​istruzzjoni li jżur id-​dar taʼ wieħed taʼ nazzjonalità barranija, xi ħadd li normalment ma kienx jissieħeb mill-​qrib miegħu. Dak li qanqlu biex jobdi kien fuq kollox l-​imħabba tiegħu għal Ġeħova. Pietru u Kristjani oħrajn tal-​bidu gawdew relazzjoni mill-​qrib m’Alla li kienet ibbażata fuq għarfien eżatt dwar il-​personalità Tiegħu, u fuq dak li jogħġbu u li ma jogħġbux. Maż-​żmien, l-​aduraturi kollha fehmu li kienet ir-​rieda taʼ Ġeħova li huma jkunu “magħqudin kif jixraq b’fehma waħda u bi ħsieb wieħed.”​—1 Korintin 1:​10; Mattew 22:37; Atti 10:​1-​35.

Dawk li emmnu resqu iktar qrib xulxin minħabba l-​fidi tagħhom f’Ġesù Kristu. Huma riedu jimxu mill-​qrib fuq il-​passi tiegħu. Hu kkmandahom: “[Ħobbu] lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien . . . B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:​34, 35) Din l-​imħabba ma kellhiex tkun emozzjoni superfiċjali, imma mħabba li lesta tagħmel sagrifiċċju. X’kien se jkun ir-​riżultat? Ġesù talab dwar dawk li kienu qed ipoġġu fidi fih: “[Nitlob li] jkunu lkoll ħaġa waħda, sabiex bħalma int, Missier, f’unjoni miegħi u jien f’unjoni miegħek, huma wkoll ikunu f’unjoni magħna, biex hekk id-​dinja temmen li int bgħattni.”​—Ġwanni 17:​20, 21; 1 Pietru 2:21.

Ġeħova ferraʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu, jew il-​forza attiva, fuq il-​qaddejja veri tiegħu. Dan l-​ispirtu kompla jkabbar l-​għaqda taʼ bejniethom. Għenhom jifhmu t-​tagħlim tal-​Bibbja li ġie aċċettat fil-​kongregazzjonijiet kollha. L-​aduraturi taʼ Ġeħova ppridkaw l-​istess messaġġ​—it-​taqdis taʼ l-​isem taʼ Ġeħova permezz tas-​Saltna Messjanika t’Alla, gvern fis-​sema li se jaħkem fuq l-​umanità kollha. Il-​Kristjani tal-​bidu fehmu l-​obbligu tagħhom li ‘ma jkunux parti minn din id-​dinja.’ Allura, kulmeta kien hemm ribelljoni ċivili jew konflitt militari, il-​Kristjani baqgħu newtrali. Huma fittxew li jkunu fil-​paċi maʼ kulħadd.—Ġwanni 14:26; 18:36; Mattew 6:​9, 10; Atti 2:​1-4; Rumani 12:​17-​21.

Dawk kollha li emmnu refgħu r-​responsabbiltà li kellhom biex iżommu l-​għaqda. Kif? Billi għamlu kulma setgħu biex l-​imġiba tagħhom tkun fi qbil mal-​Bibbja. Għaldaqstant l-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani: “[Inżgħu] l-​personalità l-​qadima li taqbel maʼ kif kontu ġġibu ruħkom qabel,” u “[ilbsu] l-​personalità l-​ġdida.”—Efesin 4:​22-​32.

Tinżamm l-​Għaqda

M’għandniex xi ngħidu, dawk li emmnu fl-​ewwel seklu kienu imperfetti, u għalhekk qamu sitwazzjonijiet li sfidaw l-​għaqda taʼ bejniethom. Per eżempju, f’Atti 6:​1-6 naqraw dwar il-​problema li qamet bejn il-​Kristjani Lhud li kienu jitkellmu bil-​Grieg u dawk li kienu jitkellmu bil-​Lhudi. Dawk li kienu jitkellmu bil-​Grieg ħassew li kienu qed jiġu trattati b’diskriminazzjoni. Madankollu, hekk kif l-​appostli ġew informati dwar il-​kwistjoni, din ġiet solvuta malajr u b’mod ġust. Iktar tard, kwistjoni dwar it-​tagħlim wasslet għal kontroversja dwar l-​obbligi taʼ dawk li ma kinux Lhud fil-​kongregazzjoni Kristjana. Ittieħdet deċiżjoni li kienet ibbażata fuq il-​prinċipji Bibliċi, u din id-​deċiżjoni ġiet aċċettata minn kulħadd.—Atti 15:​1-29.

Dawn l-​eżempji juru li nuqqas taʼ qbil fil-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu ma kienx iwassal għal firda etnika jew firda minħabba li żammew b’mod strett maʼ opinjonijiet duttrinali. Għala le? Għaliex il-​fatturi li jgħaqqduhom​—l-​imħabba għal Ġeħova, il-​fidi f’Ġesù Kristu, l-​imħabba mhix egoista għal xulxin, il-​fatt li aċċettaw il-​gwida taʼ l-​ispirtu qaddis, fehma komuni tat-​tagħlim tal-​Bibbja, u r-​rieda tagħhom biex ibiddlu l-​imġiba tagħhom—kienu qawwijin biżżejjed biex iżommu lill-​kongregazzjoni tal-​bidu magħquda u fis-​sliem.

Magħqudin fil-​Qima fi Żmienna

Illum tistaʼ tinkiseb l-​għaqda bl-​istess mod? Jistgħu dawn l-​istess affarijiet iqarrbu l-​membri taʼ l-​istess twemmin lejn xulxin u jgħinuhom ikunu fis-​sliem mar-​razez kollha f’kull parti tad-​dinja? Iva, jistgħu! Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jinsabu magħqudin fi fratellanza globali li hi mifruxa f’iktar minn 230 pajjiż, gżira, u territorju. U huma magħqudin permezz taʼ l-​istess fatturi li kienu jgħaqqdu lill-​Kristjani fl-​ewwel seklu.

L-iktar ħaġa li tgħin lix-​Xhieda taʼ Ġeħova jgawdu din l-​għaqda hija d-​devozzjoni tagħhom lejn Alla Ġeħova. Din tfisser li huma jistinkaw biex ikunu leali lejh fi kwalunkwe ċirkustanza. Ukoll, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jeżerċitaw fidi f’Ġesù Kristu u t-​tagħlim tiegħu. Dawn il-​Kristjani juru mħabba mhix egoista lejn sħabhom fit-​twemmin u jippridkaw l-​istess aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla fil-​pajjiżi kollha li huma attivi fihom. Huma kuntenti li jitkellmu dwar din is-​Saltna maʼ nies minn kull reliġjon, razza, nazzjonalità, u grupp soċjali. Ukoll, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jibqgħu newtrali fl-​affarijiet tad-​dinja, u dan jgħinhom jissaportu l-​pressjonijiet politiċi, kulturali, soċjali, u kummerċjali li tant jifirdu l-​umanità. Ix-​Xhieda kollha jaċċettaw l-​obbligu tagħhom li jippromwovu l-​għaqda billi jġibu ruħhom fi qbil mal-​livelli tal-​Bibbja.

L-​Għaqda Tiġbed lil Oħrajn

Din l-​għaqda spiss qanqlet l-​interess taʼ individwi li ma kinux Xhieda. Per eżempju, Ilsea kienet soru Kattolika f’kunvent fil-​Ġermanja. X’laqatha fix-​Xhieda taʼ Ġeħova? Ilse qalet: “Huma l-​aqwa nies li qatt iltqajt magħhom. Ma jmorrux għall-​gwerra; ma jagħmlu xejn biex iweġġgħu lil ħaddieħor. Iridu jgħinu lin-​nies jgħixu kuntenti f’art magħmula ġenna taħt is-​Saltna t’Alla.”

Imbagħad hemm Günther, li kien suldat Ġermaniż u li matul it-​tieni gwerra dinjija ntbagħat Franza. Darba minnhom qassis Protestant għamel laqgħa reliġjuża għas-​suldati fid-​dipartiment taʼ Günther. Il-​qassis talab għall-​barka, il-​protezzjoni, u r-​rebħa. Wara l-​laqgħa, Günther ħa postu bħala għassies. Bit-​tromba tiegħu setaʼ josserva t-​truppi għedewwa fuq in-​naħa l-​oħra li wkoll kellhom qassis qed jagħmlilhom laqgħa reliġjuża. Günther iktar tard innota: “Wisq probabbli dak il-​qassis ukoll talab għall-​barka, il-​protezzjoni, u r-​rebħa. Ma stajtx nifhem kif il-​knejjes Kristjani setgħu jkunu fuq naħat opposti fl-​istess gwerra.” Dawn il-​ħsibijiet baqgħu stampati f’moħħ Günther. Meta iktar tard ġie f’kuntatt max-​Xhieda taʼ Ġeħova, li ma jiħdux sehem fil-​gwerra, Günther sar parti mill-​fratellanza globali tagħhom.

Ashok u Feema kienu jappartjenu lil reliġjon tal-​Lvant. F’darhom kellhom niċċa żgħira għal alla. Meta marda serja laqtet lill-​familja tagħhom, huma reġgħu eżaminaw ir-​reliġjon tagħhom. Fil-​konversazzjonijiet li kellhom max-​Xhieda taʼ Ġeħova, Ashok u Feema baqgħu impressjonati bit-​tagħlim tal-​Bibbja u bl-​imħabba fost ix-​Xhieda. Issa qed jaqdu bħala pubblikaturi żelużi taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna taʼ Ġeħova.

Ilse, Günther, Ashok, u Feema huma magħqudin maʼ miljuni taʼ Xhieda taʼ Ġeħova fi fratellanza globali. Huma jemmnu l-​wegħda tal-​Bibbja li l-​istess fatturi li jgħaqqduhom fil-​qima llum dalwaqt se jgħaqqdu lill-​umanità ubbidjenti kollha. Imbagħad, mhux se jkun hemm iktar atroċitajiet, nuqqas t’għaqda, u firda f’isem ir-​reliġjon. Id-​dinja kollha se tkun magħquda fil-​qima taʼ l-​Alla veru, Ġeħova.—Rivelazzjoni 21:​4, 5.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

[Stampi f’paġna 4]

Minkejja li kienu ġejjin minn stili taʼ ħajja differenti, il-​Kristjani tal-​bidu kienu magħqudin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja