LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 2/15 pp. 10-11
  • Nitilgħu Lejn il-Qiegħ taʼ Saba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nitilgħu Lejn il-Qiegħ taʼ Saba
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Inżuru Saba
  • Xiehda minn Dar għal Dar f’Saba
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 2/15 pp. 10-11

Nitilgħu Lejn il-​Qiegħ taʼ Saba

IL-​GŻIRA Olandiża taʼ Saba qabel kienet isservi bħala kenn għall-​pirati li kienu jbaħħru fuq l-​ilmijiet tal-​Baħar Karibew waqt it-​tfittxija tagħhom għal oġġetti x’jisirqu. Illum il-​ġurnata, din il-​gżira ċkejkna, li tinsab 240 kilometru lejn il-​lvant taʼ Puerto Rico, hi d-​dar taʼ 1,600 abitant li 5 minnhom huma Xhieda taʼ Ġeħova. Madankollu, dawn il-​ministri qalbiena qed ifittxu xi ħaġa li għandha valur ħafna akbar mill-​oġġetti materjali. Huma qed ifittxu b’mod diliġenti lil dawk l-​uħud li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem.”—Atti 13:48.

L-aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla l-​ewwel darba laħqet il-​gżira fit-​22 taʼ Ġunju, 1952, meta skuna bl-​isem taʼ Sibia, li kienet twila madwar 18-il metru u mmexxija mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, ittrakkat mal-​kosta taʼ Saba. (Mattew 24:14) Il-​missjunarji Gust Maki u Stanley Carter telgħu s-​Sellum, passaġġ li għandu iktar minn 500 tarġa tal-​ġebel li jieħdok ’il fuq lejn il-​Qiegħ, il-​kapitali taʼ Saba li tinsab 200 metru ’l fuq mil-​livell tal-​baħar.a Għal sekli sħaħ, dan il-​passaġġ dejjaq kien l-​uniku mezz biex jintlaħqu l-​abitanti tal-​gżira.

L-​ewwel rapport pubblikat dwar ix-​xogħol taʼ l-​għoti taʼ xiehda Kristjana li sar f’Saba, deher fin-​1966 Yearbook of Jehovah’s Witnesses. Skond dan ir-​rapport, kien hemm biss Xhud wieħed li kien attiv fuq din il-​gżira. Iktar tard, familja mill-​Kanada qattgħet xi snin tippriedka l-​aħbar tajba hemmhekk. Dan l-​aħħar, Russel u Kathy, koppja rtirata mill-​Istati Uniti, marru Saba u ħadu sehem fl-​ippridkar hemmhekk. Din hi l-​istorja tagħhom.

Inżuru Saba

Jien u l-​mara wasalna bl-​ajruplan bħala mistidnin taʼ Ronald, li kien l-​uniku Xhud fuq din il-​gżira matul il-​biċċa l-​kbira mis-​snin 90. Dan ir-​raġel li stidinna qed jistenniena fl-​ajruport. Hu ferħan ħafna bil-​kaxxa ħaxix żgħira li ġibnielu bħala rigal, ladarba fuq din il-​gżira ma jsir ebda negozju mill-​biedja. Nitilgħu fuq trakk żgħir u bil-​mod il-​mod inserrpu ’l fuq mal-​ġenb tal-​Muntanja Xenarju sal-​quċċata tal-​vulkan mejjet.

Ninsabu weqfin fil-​villaġġ li jismu l-​Grada taʼ l-​Infern sakemm Ronald qed jiċċekkja tabella taʼ l-​informazzjoni pubblika sabiex ikun jistaʼ jara jekk għadhiex imwaħħla l-​istedina għat-​taħdita pubblika taʼ nhar il-​Ħadd li ġej. Nieħdu pjaċir meta naraw li għadha hemm. Jerġaʼ lura lejn it-​trakk u nkomplu telgħin lejn l-​akbar villaġġ tal-​gżira, Windwardside, li jfisser minfejn jonfoħ ir-​riħ. Bħalma juri l-​isem, dan il-​villaġġ pittoresk qiegħed fuq in-​naħa tal-​gżira fejn l-​iktar li jaqbel ir-​riħ, madwar 400 metru ’l fuq mil-​livell tal-​baħar. Hekk kif insuqu lejn id-​dar taʼ Ron, naraw tabella kulurita mal-​loġġa biex turi li hemm Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Matul l-​ikla taʼ wara nofsinhar staqsejt il-​mistoqsija li kienet qanqlitna nagħmlu din iż-​żjara: “Kif sirt proklamatur tas-​Saltna fuq Saba?”

“Meta fl-​1993 intemm il-​bini tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Puerto Rico,” qal Ron, “jien u l-​mara xtaqna li nibqgħu f’inkarigu f’pajjiż barrani. Iktar kmieni konna żorna Saba maʼ koppja oħra taʼ pijunieri u sirna nafu li mill-​1,400 abitant li kien hawn ma kienx hemm Xhieda. Għalhekk, kellimna lill-​Kumitat tal-​Fergħa taʼ Puerto Rico biex naraw jekk nistgħux niġu ngħixu hawn.

“L-​affarijiet komplew jagħmlu progress, u fl-​aħħar irċivejna l-​permess meħtieġ biex inkunu nistgħu niġu ngħixu hawn. B’sogħba, sentejn wara marti mardet serjament u kellna nerġgħu mmorru Kalifornja. Wara li mietet, erġajt ġejt Saba. Għamilt hekk għax niddejjaq nibda xi ħaġa u ma nkomplihiex.”

Xiehda minn Dar għal Dar f’Saba

Is-​salott tad-​dar taʼ Ron, li ilha mibnija għal xi mitt sena, iservi wkoll bħala Sala tas-​Saltna.b Hekk kif nieħdu l-​kolazzjon u nippreparaw biex noħorġu fil-​ministeru, tinżel ix-​xita minn sħaba li għaddejja u xxarrab il-​kċina bla saqaf. Bl-​ajru ftit imsaħħab, wara l-​kolazzjon nitilqu mid-​dar sabiex inkunu nistgħu nqattgħu n-​nofs taʼ nhar taʼ fil-​għodu nagħtu xiehda minn bieb għal bieb fil-​Qiegħ. F’kull dar, Ron isellem lill-​inkwilini b’isimhom. Id-​diskussjonijiet tagħna jiffokaw fuq ġrajja li ssemmiet reċentement fuq l-​aħbarijiet. Ħafna nies huma familjari maʼ Ron u l-​ministeru tiegħu, u ħafna jaċċettaw mill-​qalb il-​letteratura bbażata fuq il-​Bibbja.

Huwa daqsxejn taʼ sfida biex tieħu nota taʼ dawk l-​uħud li huma interessati fil-​messaġġ tas-​Saltna sakemm ma tkunx midħla sew tar-​raħħala. Għala? Għax “il-​liġi titlob li d-​djar ikunu kollha miżbugħin l-​istess kulur,” jgħid Ron. X’ħin qed jgħid dan inħares madwari u ninnota li d-​djar kollha taʼ Saba huma miżbugħin bojod b’soqfa ħomor.

Wara li nikkonkludu d-​diskussjoni minn fuq il-​Bibbja, nistiednu lill-​inkwilin sabiex jattendi t-​taħdita pubblika li se tingħata l-​Ħadd fis-​Sala tas-​Saltna. Sakemm Ron ma jkunx ’il bogħod mill-​gżira, hu jagħti taħdita pubblika kull ġimgħa. Bħalissa hemm 17-il studju tal-​Bibbja f’Saba. Għoxrin ruħ attendew it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu fl-​2004. U għalkemm dak in-​numru jidher żgħir, dan jirrappreżenta wieħed fil-​mija mill-​popolazzjoni taʼ Saba!

Tabilħaqq, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għamlu kull sforz possibbli biex jilħqu lin-​nies bil-​messaġġ t’Alla li joffri salvazzjoni. Kemm jekk fuq il-​gżira ċkejkna taʼ Saba u kemm jekk fuq xi kontinent, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova lealment qed jagħmlu dak li ġew ordnati biex jagħmlu, jiġifieri ‘jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.’​—Mattew 28:19.

B’dispjaċir, iż-​żjara tagħna ġiet fi tmiemha. Hekk kif nitilgħu fuq l-​ajruplan insellmu lil kulħadd u nitilqu. Żgur li qatt m’hu se ninsew iż-​żjara tagħna ġo Saba u l-​ħin li qattajna nitilgħu lejn il-​Qiegħ!

[Noti taʼ taħt]

a Milli jidher il-​pirati sejħulha l-​Qiegħ għax ħasbu li kienet f’qiegħ bokka taʼ vulkan.

b Fit-​28 taʼ Settembru, 2003, xi volontieri minn Florida, l-​Istati Uniti, marru Saba u rranġaw bini fil-​qrib li issa qed jintuża bħala Sala tas-​Saltna.

[Mappep f’paġna 10]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara publikazzjoni)

PUERTO RICO

[Sors tal-​Istampa f’paġna 10]

Sfond: www.sabatourism.com

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja