Ifaħħru ’l Ġeħova fl-Iskola
MADWAR id-dinja, iż-żgħażagħ tax-Xhieda taʼ Ġeħova qed isibu modi kif ifaħħru ’l Alla fl-iskola—kemm bil-kliem u kemm bil-kondotta. Ikkunsidra xi esperjenzi li juru ż-żelu taʼ dawn iż-żgħażagħ.
Xhud żagħżugħa fil-Greċja kellha tikteb rapport dwar it-tniġġis taʼ l-atmosfera tad-dinja. Wara li fittxet fil-Watch Tower Publications Index, hi sabet il-materjal li kellha bżonn f’ħarġa taʼ Stenbaħ!, u fil-konklużjoni tagħha wriet li l-informazzjoni kienet ħaditha minnu. L-għalliema qaltilha li din kienet waħda mill-aħjar komponimenti li qatt qrat. Iktar tard, l-għalliema użat l-informazzjoni tagħha f’seminar, u dan ġab riżultati tajbin. L-oħt żagħżugħa ddeċidiet li toffri lill-għalliema iktar ħarġiet taʼ Stenbaħ! inkluż wieħed li s-serje t’artikli tiegħu kienu jitkellmu dwar “Teachers—What Would We Do Without Them?” (L-Għalliema—X’Konna Nagħmlu Mingħajrhom?) Imbagħad l-għalliema faħħret ir-rivista Stenbaħ! fil-klassi, u xi studenti oħra bdew jistaqsu għal xi kopji. L-oħt kellha ġġib kopji tar-rivista l-iskola sabiex ikunu jistgħu jaqraw ħarġiet oħrajn.
F’Benin, l-Afrika, żagħżugħa Kristjana ffaċċjat pressjoni mhux tas-soltu. Skond id-drawwa tagħhom, il-ġenituri taʼ ħafna mill-istudenti fl-iskola tagħha ngħaqdu flimkien sabiex jikru xi għalliema għal suġġetti diffiċli sabiex jippreparaw liż-żgħażagħ għall-eżamijiet. Madankollu, l-għalliema għażlu s-Sibt fil-għodu. Ix-Xhud żagħżugħa oġġezzjonat: “Is-Sibt fil-għodu huwa meta l-kongregazzjoni kollha toħroġ tippriedka flimkien. Huwa l-isbaħ ħin tal-ġimgħa għalija, u ma nibdlu maʼ xejn!” Missierha, ġenitur waħdu u Xhud, qabel u pprova jgħid lil grupp taʼ ġenituri u għalliema sabiex ibiddlu l-iskeda. Madankollu, huma kollha rrifjutaw. Iż-żagħżugħa ddeċidiet li ma tmurx għal-lezzjonijiet. Minflok, hi ħadet sehem fl-ippridkar mal-kongregazzjoni tagħha. L-istudenti sħabha bdew iwaqqgħuha għaċ-ċajt, u bdew iħeġġuha tħalli x-xogħol taʼ l-ippridkar u lil Alla tagħha wkoll. Kienu kważi ċerti li ma kinitx se tgħaddi mill-eżamijiet. Imma minflok, dak il-grupp taʼ studenti li ħadu l-lezzjonijiet m’għaddewx, mentri l-oħt żagħżugħa għaddiet. M’għandniex xi ngħidu, it-twaqqigħ għaċ-ċajt waqaf. Issa l-istudenti jgħidulha, “Għandek tibqaʼ taqdi lil Alla tiegħek.”
Fir-Repubblika Ċeka, tifla taʼ 12-il sena kellha tipprepara kummenti dwar ktieb li qrat. Ommha ħeġġitha tuża l-ktieb L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex. Hi bdiet ir-rapport tagħha b’dawn il-mistoqsijiet: “X’taħseb? Min jistaʼ jkun l-aqwa bniedem li qatt għex?” Hi ddeskriviet lil Ġesù, il-ħajja tiegħu fuq lart, u t-tagħlim tiegħu. Imbagħad iddiskutiet il-kapitlu “Lezzjoni f’Dik li hi Maħfra.” L-għalliema tagħha qalet, “Dan hu l-aqwa rapport li qatt smajt mingħandek!” u aċċettat mill-qalb kopja tal-ktieb. Xi studenti sħabha riedu kopja wkoll. L-għada, it-tifla kienet verament ferħana għax qassmet 18-il kopja.
Żgħażagħ bħal dawn qed ikollhom ħafna ferħ meta jfaħħru ’l Ġeħova fl-iskola. Ilkoll kemm aħna nagħmlu tajjeb nimitaw iż-żelu taʼ dawn iż-żgħażagħ.