Tagħlim Veru—Fejn Tistaʼ Ssibu?
RAĠEL fit-Tibet idawwar rota tat-talb, tanbur tond bit-talb miktub ġo fih. Hu jemmen li t-talb tiegħu jiġi ripetut kull darba li jdawwar ir-rota. F’dar spazjuża fl-Indja, kamra żgħira tintuża għall-puja—qima li tistaʼ tinkludi l-offerta taʼ inċens, fjuri, u affarijiet oħra lil xbihat taʼ diversi allat irġiel u nisa. Eluf taʼ mili ’l bogħod fl-Italja, fi knisja mżejna b’mod elaborat mara tinżel għarkopptejha quddiem xbieha taʼ Marija, omm Ġesù, u titlob b’kuruna tar-rużarju f’idha.
Forsi rajt b’għajnejk stess l-influwenza li r-reliġjon għandha fuq il-ħajjiet tan-nies. “Ir-reliġjon . . . kellha u għad għandha rwol importanti fis-soċjetajiet madwar id-dinja,” jgħid il-ktieb The World’s Religions—Understanding the Living Faiths. Fil-ktieb God—A Brief History, l-awtur John Bowker josserva: “Qatt ma kien hemm soċjetà umana fejn Alla ma kellux sehem fiha, ġeneralment sehem li jikkontrolla u joħloq. Dan huwa minnu anki f’dawk is-soċjetajiet li għall-ewwel jagħżlu li jkunu atei.”
Tabilħaqq, ir-reliġjon influwenzat il-ħajjiet taʼ miljuni taʼ persuni. M’hijiex din evidenza biżżejjed li l-bnedmin għandhom ħtieġa u xewqa spiritwali? Fil-ktieb tiegħu The Undiscovered Self, it-Tabib Carl G. Jung, psikologu famuż, jirreferi għall-bżonn tal-bniedem li jqim xi qawwa iktar għolja u jgħid li “sinjali taʼ dan jistgħu jidhru tul l-istorja umana.”
Madankollu, ħafna nies la jistqarru li jemmnu f’Alla u lanqas m’għandhom interess fir-reliġjon. Xi wħud li jiddubitaw jew jiċħdu li Alla jeżisti jaħsbu hekk primarjament minħabba li r-reliġjonijiet li huma familjari magħhom naqsu li jissodisfaw il-bżonn spiritwali tagħhom. Ir-reliġjon ġiet definita bħala “devozzjoni għal xi prinċipju; lealtà jew fedeltà stretta; xi ħaġa li għandha x’taqsam mal-kuxjenza; affezzjoni jew rabta devota.” B’din id-definizzjoni, kważi kulħadd juri xi tip taʼ devozzjoni reliġjuża f’ħajtu. Dan jinkludi wkoll lil dawk li huma atei.
Matul l-eluf taʼ snin taʼ storja umana, l-attentati tal-bnedmin biex jissodisfaw il-bżonn spiritwali tagħhom wassalhom biex jipprovaw ħafna forom taʼ qima. Ir-riżultat hu d-diversità enormi t’opinjonijiet reliġjużi li jinsabu madwar id-dinja. Per eżempju, għalkemm kważi r-reliġjonijiet kollha jemmnu f’xi qawwa iktar għolja, għandhom ideat differenti taʼ min hemm wara din il-qawwa jew x’inhi. Il-maġġuranza mir-reliġjonijiet jenfasizzaw ukoll l-importanza tas-salvazzjoni jew il-liberazzjoni. Imma t-tagħlim tagħhom hu differenti fejn tidħol x’inhi s-salvazzjoni u kif jiksbuha. Mill-varjetà kbira taʼ reliġjonijiet, kif nistgħu nidentifikaw it-tagħlim veru li jogħġob lil Alla?