LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 10/15 pp. 16-20
  • Il-Kelma taʼ Ġeħova Tiffjorixxi fl-“Art taʼ l-Ajkla”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Kelma taʼ Ġeħova Tiffjorixxi fl-“Art taʼ l-Ajkla”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Żjara minn Missjunarju Magħruf
  • Bidu Modern Eċċitanti
  • Pajjiż Ateu
  • Kuraġġużi Minkejja l-​Persekuzzjoni
  • Dawl f’Tarf Mina Mudlama
  • Xi Pijunieri Żelużi Barranin Jagħtu Bidu għax-​Xogħol
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 10/15 pp. 16-20

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Tiffjorixxi fl-​“Art taʼ l-​Ajkla”

“L-​ART taʼ l-​Ajkla.” L-​Albaniżi hekk isejħulu pajjiżhom bil-​lingwa tagħhom. Dan il-​pajjiż li qiegħed faċċata tal-​Baħar Adrijatiku fuq il-​Peniżola Balkanika, jinsab bejn il-​Greċja u dik li qabel kienet il-​Jugoslavja. Għalkemm hemm ħafna teoriji dwar l-​oriġini taʼ l-​Albaniżi, il-​maġġuranza mill-​istorjografi jaqblu li l-​Albaniżi u l-​lingwa tagħhom ġejjin mill-​Illirja tal-​qedem, li l-​kultura tagħha, skond The Encyclopædia Britannica, tmur lura għas-​sena 2000 Q.E.K.

Is-sbuħija naturali taʼ l-​Albanija tvarja minn muntanji blatin fit-​tramuntana għal bajjiet kbar taʼ ramel abjad fin-​nofsinhar fuq in-​naħa taʼ l-​Adrijatiku. Però, l-​akbar sbuħija qiegħda fin-​nies. Huma dħulin u ospitabbli, fuq tagħhom u kollhom ġesti, jitgħallmu malajr u jesprimu l-​opinjonijiet tagħhom minn qalbhom u b’ġesti kbar.

Żjara minn Missjunarju Magħruf

Il-​personalità attraenti tan-​nies u x-​xeni mill-​isbaħ bla dubju ġibdu l-​attenzjoni taʼ wieħed vjaġġatur uniku sekli ilu. Madwar is-​sena 56 E.K., l-​appostlu Pawlu, li kien ivvjaġġa ħafna, kiteb: “Sa l-​Illirja dort . . . nippriedka bir-​reqqa l-​aħbar tajba dwar il-​Kristu.” (Rumani 15:19) In-​nofsinhar taʼ l-​Illirja jikkorrispondi maċ-​ċentru u n-​naħa tat-​tramuntana taʼ l-​Albanija taʼ llum. Pawlu kien qed jikteb minn Korintu, il-​Greċja, lejn in-​nofsinhar taʼ l-​Illirja. Il-​fatt li qal li ppriedka “sa l-​Illirja” jindika li jew telaʼ sal-​fruntiera jew attwalment daħal fir-​reġjun. Kien x’kien il-​każ, hu ppriedka f’dak li issa hu n-​nofsinhar taʼ l-​Albanija. Għalhekk, Pawlu ta bidu għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar fl-​Albanija.

Għaddew sekli sħaħ. Imperi telgħu u waqgħu. Qawwiet barranin ġew u telqu f’din ir-​rokna żgħira taʼ l-​Ewropa sakemm l-​Albanija saret stat indipendenti fl-​1912. Madwar għaxar snin wara, il-​kelma dwar is-​Saltna taʼ Ġeħova nstemgħet fl-​Albanija.

Bidu Modern Eċċitanti

Fis-​snin 20, ftit immigranti mill-​Albanija li kienu fl-​Istati Uniti u li kienu qed jassoċjaw maʼ l-​Istudenti Internazzjonali tal-​Bibbja, kif kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-​żmien, irritornaw l-​Albanija biex jaqsmu dak li kienu tgħallmu. Fost dawn kien hemm Nasho Idrizi. Xi wħud wieġbu b’mod favorevoli. Sabiex jieħdu ħsieb l-​interess li kien qed jiżdied, fl-​1924 l-​uffiċċju fir-​Rumanija ngħata l-​inkarigu biex jindokra x-​xogħol taʼ l-​ippridkar fl-​Albanija.

Thanas Duli (Athan Doulis) kien fost dawk li tgħallmu dwar Ġeħova fl-​Albanija f’dak iż-​żmien. Hu ftakar: “Fl-​1925 kien hemm tliet kongregazzjonijiet organizzati fl-​Albanija, flimkien maʼ Studenti tal-​Bibbja iżolati u wħud interessati mifruxin madwar il-​pajjiż. L-​imħabba li kien hemm fosthom kienet tispikka ħafna . . . imqabbla maʼ dik tan-​nies taʼ madwarhom!”a

Minħabba li ma kienx hemm toroq tajbin kien diffiċli ħafna għall-​ivvjaġġar. Però, xi pubblikaturi żelużi aċċettaw dan l-​inkarigu diffiċli. Per eżempju, mal-​kosta tan-​nofsinhar fi Vlorë, Areti Pina tgħammdet fl-​1928 meta kellha 18-il sena. Kienet titlaʼ u tinżel muntanji mħarbtin, tippriedka bil-​Bibbja f’idha. Kienet parti mill-​kongregazzjoni b’saħħitha fi Vlorë fil-​bidu tas-​snin 30.

Sa l-​1930 ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar fl-​Albanija kien indokrat mill-​uffiċċju tal-​fergħa f’Ateni, il-​Greċja. Fl-​1932 indokratur li jivvjaġġa mill-​Greċja żar l-​Albanija biex jinkuraġġixxi u jsaħħaħ lill-​aħwa. Il-​maġġuranza minn dawk li tgħallmu l-​verità lura f’dan iż-​żmien kellhom it-​tama għas-​sema. Ir-​reputazzjoni tagħhom bħala nies nodfa u retti kisbitilhom rispett kbir kullimkien. Ix-​xogħol taʼ dawn l-​aħwa leali pproduċa ħafna frott. Fl-​1935 u l-​1936 tqassmu xi 6,500 pubblikazzjoni Biblika fl-​Albanija.

Ġurnata minnhom fiċ-​ċentru taʼ Vlorë, Nasho Idrizi daqq waħda mit-​taħditiet taʼ J. F. Rutherford fuq il-​fonografu. Xi wħud għalqu l-​ħwienet tagħhom u marru jisimgħu lil Ħuna Idrizi jittraduċi t-​taħdita bl-​Albaniż. Iż-​żelu taʼ dawn l-​istudenti tal-​Bibbja tal-​bidu ġie mbierek. Sa l-​1940 kien hemm 50 Xhud fl-​Albanija.

Pajjiż Ateu

Fl-​1939, il-​Faxxisti Taljani daħlu fil-​pajjiż. Ir-​rikonoxximent legali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova ġie annullat, u x-​xogħol taʼ l-​ippridkar ġie projbit. Ftit wara dan, it-​truppi Ġermaniżi invadew il-​pajjiż. Hekk kif it-​tieni gwerra dinjija ġiet fi tmiemha, Enver Hoxha, mexxej militari li kellu influwenza kbira fuq in-​nies, deher fix-​xena. Il-​Partit Komunista tiegħu rebaħ l-​elezzjonijiet fl-​1946, u sar il-​prim ministru. Is-​snin taʼ wara saru magħrufa bħala ż-​żmien tal-​liberazzjoni, imma għan-​nies taʼ Ġeħova kienu l-​oppost.

Maż-​żmien, il-​gvern sar inqas u inqas tolleranti għar-​reliġjon. Fi qbil man-​newtralità Kristjana tagħhom, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Albanija rrifjutaw li jerfgħu l-​armamenti u li jinvolvu ruħhom fil-​politika. (Isaija 2:​2-4; Ġwanni 15:​17-​19) Ħafna ntefgħu l-​ħabs, mingħajr ikel jew in-​neċessitajiet bażiċi tal-​ħajja. F’ħafna każi, ħuthom spiritwali n-​nisa li ma kinux il-​ħabs kienu jaħslulhom il-​ħwejjeġ u jsajrulhom.

Kuraġġużi Minkejja l-​Persekuzzjoni

Fil-​bidu tas-​snin 40, Frosina Xheka, li dak iż-​żmien kienet adoloxxenti u tgħix f’raħal ħdejn Përmet, semgħet dak li kienu qed jitgħallmu ħutha l-​kbar minn Xhud li kien isewwi ż-​żraben jismu Nasho Dori.b L-​awtoritajiet kienu qed isiru iktar stretti max-​Xhieda taʼ Ġeħova, imma kontra r-​rieda tal-​ġenituri tagħha, il-​fidi taʼ Frosina ssaħħet. “Kienu jaħbuli ż-​żarbun u jsawtuni jekk kont nattendi l-​laqgħat Kristjani. Ipprovaw jirranġaw biex niżżewweġ lil xi ħadd mhux taʼ l-​istess twemmin. Meta rrifjutajt keċċewni mid-​dar. Kienet nieżla l-​borra dakinhar. Nasho Dori staqsa lil Ħuna Gole Flloko fi Gjirokastër biex jgħinni. Irranġaw biex inkun nistaʼ ngħix mal-​familja tiegħu. Ħuti ntefgħu l-​ħabs għal sentejn minħabba l-​waqfa newtrali tagħhom. Wara li nħelsu, mort noqgħod Vlorë biex ngħix magħhom.

“Il-​pulizija pprovaw iġagħluni nieħu sehem f’attivitajiet politiċi. Jien irrifjutajt. Arrestawni, ħaduni f’kamra, u daru miegħi. Wieħed minnhom heddidni: ‘Taf x’nistgħu nagħmlulek?’ Jien wiġibt: ‘Kulma tistgħu tagħmlu hu dak li Ġeħova jħallikom tagħmlu.’ Hu wieġeb: ‘Int miġnuna! Itlaq minn hawn!’”

L-istess spirtu leali deher fost l-​aħwa Albaniżi tul dawk is-​snin. Sa l-​1957 intlaħqet quċċata taʼ 75 pubblikatur tas-​Saltna. Fil-​bidu tas-​snin 60, il-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova rranġaw biex John Marks, immigrant Albaniż fl-​Istati Uniti, iżur Tiranë biex jgħin fl-​organizzar tax-​xogħol Kristjan.c Però, ftit taż-​żmien wara, Luçi Xheka, Mihal Sveci, Leonidha Pope, u aħwa responsabbli oħra ntbagħtu f’kampijiet tax-​xogħol.

Dawl f’Tarf Mina Mudlama

Sa l-​1967 ir-​reliġjonijiet kollha kienu mistkerrhin fl-​Albanija. Imbagħad ma baqgħux tollerati. Ebda qassis Kattoliku, Ortodoss, jew Musulman ma setaʼ jagħmel servizzi ċerimonjali. Il-​Knejjes u l-​moskej ngħalqu jew tbiddlu f’ġinnasji, mużewijiet, jew swieq. Suppost ħadd ma kellu Bibbja. Il-​ħsieb biss taʼ twemmin f’Alla ma kellux jingħad.

Kien kważi impossibbli biex jippridkaw u jiltaqgħu flimkien. Xhieda individwali għamlu l-​almu tagħhom biex jaqdu lil Ġeħova, minkejja li kienu separati minn xulxin. Mis-​snin 60 sas-​snin 80, in-​numru taʼ Xhieda naqas ħafna. Madankollu dawn kienu b’saħħithom spiritwalment.

Lejn it-​tmiem tas-​snin 80, il-​bidliet politiċi fl-​Albanija għamlu progress bil-​mod il-​mod. L-​ikel u l-​ilbies kienu skarsi. In-​nies ma kinux ferħanin. Ir-​riformi li kienu għaddejjin fil-​Lvant taʼ l-​Ewropa laħqu l-​Albanija fil-​bidu tas-​snin 90. Wara 45 sena taħt ir-​reġim totalitarju, gvern ġdid reġaʼ ħalla li jkun hemm libertà reliġjuża.

Bid-direzzjoni tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, l-​uffiċċji tal-​fergħa fl-​Awstrija u l-​Greċja malajr bdew jikkuntattjaw lill-​aħwa lokali fl-​Albanija. Aħwa Griegi li kienu jitkellmu bl-​Albaniż ġabu xi letteratura Biblika li kienet għadha kif ġiet tradotta f’Tiranë u Berat. Hekk kif l-​aħwa lokali li darba kienu mifruxin iltaqgħu max-​Xhieda minn pajjiżi oħra għall-​ewwel darba wara ħafna snin, qalbhom imtliet bil-​ferħ.

Xi Pijunieri Żelużi Barranin Jagħtu Bidu għax-​Xogħol

Fil-​bidu taʼ l-​1992, il-​Ġemgħa li Tiggverna rranġat biex Michael u Linda DiGregorio, koppja missjunarja taʼ sfond Albaniż, imorru joqogħdu l-​Albanija. Huma kkuntattjaw lil dawk l-​uħud leali mdaħħlin fiż-​żmien, billi għenuhom jinġabru flimkien għal darb’oħra bħala parti mill-​familja spiritwali internazzjonali. Grupp taʼ 16-il pijunier speċjali, jew evanġelizzaturi full-time, mill-​Italja li tant ħadmu iebes waslu f’Novembru flimkien m’erbaʼ pijunieri Griegi. Ġie organizzat kors biex jgħinhom jitgħallmu l-​lingwa lokali.

Il-ħajja taʼ kuljum ma kinitx faċli għal dawn il-​pijunieri barranin. L-​elettriku ma kienx dejjem disponibbli. Ix-​xitwa kienet kiesħa u umduża. In-​nies stennew fi kju għal sigħat sħaħ biex jieħdu l-​ikel u neċessitajiet oħra tal-​ħajja. Però, l-​akbar problema li ffaċċjaw l-​aħwa kienet biex isibu bini kbir biżżejjed biex jesaʼ lil ħafna wħud ġodda li kienu qed iwieġbu għall-​verità!

Il-pijunieri li kienu qed ibatu biex jitkellmu bl-​Albaniż tgħallmu li l-​lingwa hija biss għodda biex iwettqu xi ħaġa. Għalliem esperjenzat tal-​Bibbja qalilhom: “M’għandniex għalfejn nitkellmu b’mod perfett grammatikament biex nitbissmu mill-​qalb jew ngħannqu lil xi ħu jew oħt. L-​Albaniżi jwieġbu għall-​imħabba li turu minn qalbkom, mhux għall-​grammatika perfetta. Tinkwetawx, jifhmukom.”

Wara l-​ewwel kors tal-​lingwa, il-​pijunieri bdew jaħdmu f’Berat, Durres, Gjirokastër, Shkodër, Tiranë, u Vlorë. Malajr ifformaw kongregazzjonijiet f’dawn il-​bliet. Areti Pina, li issa kellha fuq it-​80 sena u li ma tantx kienet tiflaħ, kienet għadha fi Vlorë. Żewġ pijunieri speċjali ntbagħtu biex jippridkaw m’Areti. In-​nies kienu mistagħġbin li wħud barranin kienu qed jitkellmu bl-​Albaniż: “Missjunarji minn gruppi reliġjużi oħra jġagħluna nitgħallmu l-​Ingliż jew it-​Taljan jekk irridu nitgħallmu xi ħaġa mingħandhom. Intom bilfors li tħobbuna u li għandkom messaġġ importanti, għax saħansitra tgħallimtu l-​Albaniż!” Areti bil-​lealtà spiċċat il-​ħajja tagħha hawn fuq l-​art f’Jannar taʼ l-​1994, u kienet għadha attiva fl-​ippridkar sa l-​aħħar xahar. Iż-​żelu li hi u l-​pijunieri wrew tbierek. Ġiet stabbilita kongregazzjoni fi Vlorë fl-​1995. Illum, tliet kongregazzjonijiet li qed jiffjorixxu huma beżlin fl-​ippridkar f’dan il-​port.

Fil-​pajjiż kollu, in-​nies kienu qed imutu spiritwalment bil-​ġuħ u ftit kellhom preġudizzju reliġjuż. Huma kienu lesti jaċċettaw u jaqraw il-​letteratura kollha bbażata fuq il-​Bibbja li rċivew mingħand ix-​Xhieda. Ħafna żgħażagħ bdew jistudjaw u malajr għamlu progress.

Iktar minn 90 kongregazzjoni u grupp madwar il-​pajjiż ikomplu “jissodaw fil-​fidi u jiżdiedu fl-​għadd minn jum għall-​ieħor.” (Atti 16:5) It-​3,513-il Xhud fl-​Albanija għad fadlilhom ħafna xogħol x’jagħmlu. F’Marzu tas-​sena 2005, 10,144 persuna attendew għat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu. Id-​diskussjonijiet man-​nies ospitabbli fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar wasslu għal iktar minn 6,000 studju tal-​Bibbja. Jidher ċar li eluf se jibbenefikaw mit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida li reċentement ħarġet bl-​Albaniż. Tabilħaqq, il-​Kelma taʼ Ġeħova qed tiffjorixxi fl-​“Art taʼ l-​Ajkla” għat-​tifħir taʼ Ġeħova.

[Noti taʼ taħt]

a Għall-​bijografija taʼ Thanas Duli, ara The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Diċembru, 1968.

b Għall-​bijografija taʼ Nasho Dori, ara The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Jannar, 1996.

c Għall-​bijografija tal-​mara taʼ John Marks, Helen, ara t-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Jannar, 2002.

[Kaxxa f’paġna 20]

IT-​TAQBID ETNIKU JISPARIXXI FIL-​KOSOVO!

Il-​Kosovo sar isem magħruf fl-​aħħar tas-​snin 90 meta tilwim dwar it-​territorju u mibegħda b’għeruqha fil-​fond wasslu għal gwerra u għal intervent internazzjonali.

Waqt il-​gwerra fil-​Balkani, ħafna Xhieda kellhom jaħarbu f’pajjiż fil-​viċin. Wara li waqfet il-​gwerra, grupp żgħir minnhom irritorna lejn il-​Kosovo, lesti għax-​xogħol. Xi pijunieri speċjali Albaniżi u Taljani offrew li jmorru jgħixu l-​Kosovo biex jgħinu ż-​2,350,000 abitant hemmhekk. Erbaʼ kongregazzjonijiet u sitt gruppi attivi, total taʼ madwar 130 pubblikatur, qed jaqdu lil Ġeħova f’dan it-​territorju.

Kien hemm jum t’assemblea speċjali fi Priština fir-​rebbiegħa taʼ l-​2003, u attendew għaliha 252 ruħ. Fosthom kien hemm individwi taʼ sfond Albaniż, Ġermaniż, Serbjan, Taljan, u Żingari. Fl-​aħħar tat-​taħdita tal-​magħmudija, il-​kelliemi staqsa żewġ mistoqsijiet. Tliet individwi qamu biex iwieġbu fl-​affermattiv: Albaniż etniku, mara Żingari, u mara mis-​Serbja.

Hekk kif it-​tliet kandidati tal-​magħmudija għajtu b’leħen għoli u fl-​istess ħin: “Va!,” “Da!,” u “Po!” l-​udjenza faqqgħet applaws kbir. Huma għannqu lil xulxin. Sabu t-​tweġiba għall-​problemi etniċi b’għeruqhom tant fil-​fond u li kienu ilhom jinkwetaw lil pajjiżhom.

[Mappa f’paġna 17]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

Il-​Baħar Mediterran

ITALJA

ALBANIJA

GREĊJA

[Stampa f’paġna 18]

Xhieda żgħażagħ jimitaw iż-​żelu taʼ dawk akbar fl-​età

[Stampa f’paġna 18]

Areti Pina qdiet lealment mill-​1928 sakemm mietet fl-​1994

[Stampa f’paġna 19]

L-​ewwel grupp taʼ pijunieri barranin li attendew kors tal-​lingwa

[Sors tal-​Istampa f’paġna 16]

L-​ajkla: © Brian K. Wheeler/VIREO

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja