Il-Flus u l-Morali Tagħlima mill-Passat
NHAR is-7 t’April, 1630, madwar erbaʼ mitt ruħ salpaw fuq erbaʼ vapuri mill-Ingilterra lejn l-Amerika. Ħafna minnhom kellhom edukazzjoni għolja. Oħrajn kienu negozjanti li għamlu suċċess. Xi wħud kienu saħansitra membri tal-parlament. Lura fl-Ingilterra, l-ekonomija kienet ħadet daqqa taʼ ħarta u din iggravat bil-Gwerra tat-Tletin Sena li kienet għadha għaddejja fl-Ewropa (1618-48). Billi ttantaw xortihom, huma telqu d-djar, in-negozji, u l-qraba tagħhom, u telqu biex ifittxu opportunitajiet aħjar.
Madankollu, dan il-grupp mimli tama ma kienx sempliċement xi grupp taʼ nies li kienu qed jipprovaw jipprofittaw irwieħhom minn kollox. Dawn kienu Puritani żelużi li kienu qed jaħarbu mill-persekuzzjoni reliġjuża.a Il-mira ewlenija tagħhom kienet li jistabbilixxu komunità li jkollha rispett lejn il-liġi t’Alla, fejn huma u d-dixxendenti tagħhom setgħu jistagħnu materjalment mingħajr ma jagħmlu kompromess fejn jidħlu l-prinċipji tal-Bibbja. Ftit wara li niżlu f’Salem, Massachusetts, huma ħadu taħt idejhom biċċa art żgħira mal-kosta u semmewha Boston.
Bilanċ Diffiċli
John Winthrop, il-mexxej u l-gvernatur tagħhom, għamel l-almu tiegħu biex kulħadd ikun għani u biex ikun hemm benefiċċji għall-komunità fil-kolonja l-ġdida. Hu ried li n-nies ikollhom kemm il-flus kif ukoll il-morali. Imma dan kien bilanċ diffiċli biex jinkiseb. Minħabba li kien qed jistenna ċerti sfidi, hu tkellem fit-tul maʼ sħabu dwar li wieħed ikun għani f’soċjetà li għandha l-biżaʼ t’Alla.
Bħal mexxejja Puritani oħrajn, Winthrop kien jemmen li l-ġiri wara l-għana ma kienx ħażin fih innifsu. Hu spjega li l-iskop prinċipali taʼ l-għana kien sabiex tingħata għajnuna lil oħrajn. Għalhekk, iktar ma persuna tkun għanja, iktar setgħet tagħmel ġid. “Ftit kienu s-suġġetti li kienu jinkwetaw lill-Puritani iktar mill-ġid,” tosserva l-kittieba taʼ l-istorja Patricia O’Toole. “Kien kemm sinjal tal-barka t’Alla kif ukoll tentazzjoni qawwija għad-dnub tal-kburija . . . u għad-dnubiet tal-ġisem.”
Sabiex jiġi evitat id-dnub li jistaʼ jirriżulta mill-għana u l-lussu, Winthrop inkuraġġixxa l-bilanċ u r-rażna. Għaldaqstant, ix-xewqa taʼ dawk li kienu qed isegwuh biex jagħmlu qligħ persunali malajr fixklet l-isforzi tiegħu biex iġagħalhom jipprattikaw il-prinċipji t’Alla u jħobbu lil xulxin. Xi wħud bdew jipprotestaw minħabba li ħassew li Winthrop kien qed jindaħal iżżejjed fl-affarijiet persunali tagħhom. Xi wħud bdew iħajru lill-pubbliku biex jitwaqqaf kumitat li jieħu sehem fid-deċiżjonijiet li jittieħdu. Oħrajn għażlu li jitilqu lejn Connecticut biex jiġru wara l-interessi tagħhom stess.
“Opportunità, prosperità, demokrazija,” tgħid O’Toole, “kollha kienu forzi qawwijin fil-ħajja tal-Puritani minn Massachusetts, u kollha kellhom l-intenzjoni li jkebbsu ambizzjoni individwali mingħajr ma jagħtu kas il-ħsieb kollettiv taʼ Winthrop.” Fl-1649, Winthrop miet kważi bla sold, fl-età taʼ 61 sena. Għalkemm il-kolonja fraġli salvat minkejja ħafna tbatijiet, Winthrop qatt ma għex biex jara l-ħolma tiegħu ssir realtà.
It-Tfittxija Tkompli
John Winthrop ma kienx l-uniku wieħed li xtaq dinja aħjar. Kull sena, mijiet t’eluf jemigraw mill-Afrika, ix-xlokk taʼ l-Asja, l-Ewropa tal-Lvant, u l-Amerika Latina, bit-tama li jsibu ħajja aħjar. Xi wħud minnhom huma ispirati minn mijiet taʼ kotba, seminars, u Web sites ġodda li jsiru kull sena u li jwiegħdu li jaqsmu s-sigriet taʼ kif issir għani. B’mod ċar, ħafna għadhom jistinkaw biex ikollhom il-flus, bit-tama li ma jitilqux il-valuri morali.
Bis-sinċerità kollha, ir-riżultati kienu taʼ diżappunt. Dawk li qed ifittxu l-għana, ħafna drabi jispiċċaw jissagrifikaw il-prinċipji tagħhom u kultant saħansitra l-fidi tagħhom f’Alla fuq l-artal taʼ Mammona. Għalhekk, bi dritt int għandek mnejn tistaqsi: “Jistaʼ xi ħadd ikun Kristjan veru u fl-istess ħin ikun għani? Qatt xi darba se jkun hemm soċjetà li tibżaʼ minn Alla u li hija għanja kemm materjalment kif ukoll spiritwalment?” Kif se juri l-artiklu li jmiss, il-Bibbja twieġeb dawn il-mistoqsijiet.
[Nota taʼ taħt]
a Fis-seklu 16, l-isem Puritani ngħata lil dawk il-Protestanti fil-Knisja taʼ l-Ingilterra li riedu jnaddfu l-knisja tagħhom minn kull traċċa taʼ influwenza Kattolika Rumana.
[Sorsi tal-Istampi f’paġna 3]
Dgħajjes: The Complete Encyclopedia of Illustration/J. G. Heck; Winthrop: Brown Brothers