Għandna Bżonn Messija?
GĦANDEK raġun jekk tistaqsi l-mistoqsija, “Għandna bżonn Messija?” Iva, ikun raġunevoli li tistaqsi jekk Messija jistax tassew jeffettwak.
Xi wħud li għandek mnejn tirrispetta l-opinjoni tagħhom jistgħu jiżgurawk li t-tweġiba hi ċara u definita: Dażgur li għandek bżonn Messija, l-istess bħalma kulħadd għandu bżonnu. Espert fil-liġi Lhudija fl-ewwel seklu kiteb dwar il-Messija: “Il-wegħdi kollha t’Alla, huma kemm huma, saru Iva permezz tiegħu.” Għalhekk, hu enfasizza l-irwol importanti li għandu l-Messija fl-iskop tal-Ħallieq tagħna biex ibierek lill-ġnus kollha taʼ l-art. (2 Korintin 1:20) Tant hu importanti l-irwol tal-Messija, li l-wasla tiegħu u ħajtu fuq l-art huma ċ-ċentru tal-profezija Biblika. Fi ktejjeb li ntuża minn miljuni taʼ nies f’dawn l-aħħar 70 sena, Henry H. Halley qal b’ċertezza: “It-Testment il-Qadim inkiteb biex joħloq antiċipazzjoni, jew biex iwitti t-triq, għall-Miġja [tal-Messija].” Imma hija l-Miġja tiegħu neċessarja? Għala għandha tinteressak?
Il-kelma “Messija” fil-fatt tfisser “Midluk” u hija ekwivalenti għat-terminu magħruf “Kristu.” Dan il-Midluk, li l-Encyclopædia Britannica, l-Edizzjoni taʼ l-1970, tirreferi għalih bħala l-“akbar feddej,” kellu jiġi minħabba l-għemejjel neqsin mir-rispett taʼ l-ewwel koppja umana, Adam u Eva. Huma nħolqu perfetti, bil-prospett mill-isbaħ taʼ ħajja taʼ dejjem f’Ġenna taʼ l-art, imma dan il-prospett tilfuh. Anġlu ribelluż, li sar magħruf bħala Satana x-Xitan, issuġġerixxa li l-Ħallieq tagħhom kien wisq restrittiv u li kien se jkun aħjar għalihom jekk jiddeċiedu għalihom infushom x’kien tajjeb u x’kien ħażin.—Ġenesi 3:1-5.
Eva ġiet imqarrqa u emmnet dik il-gidba. Adam, li milli jidher il-kumpanija taʼ martu kienet iktar importanti għalih mil-lealtà lejn Alla, sar kompliċi f’din ir-ribelljoni mxewxa mix-Xitan. (Ġenesi 3:6; 1 Timotju 2:14) Bl-azzjonijiet tagħhom huma mhux biss tilfu prospett taʼ ħajja taʼ dejjem f’ġenna għalihom infushom. Huma għaddew lil nisilhom id-dnub u l-konsegwenza tiegħu, il-mewt.—Rumani 5:12.
Il-Ħallieq tagħna, Ġeħova, mill-ewwel iddetermina mezz kif ireġġaʼ lura l-effetti ħżiena tas-serje taʼ ġrajjiet li qajmet ir-ribelljoni. Hu kien se jwettaq rikonċiljazzjoni permezz taʼ dak li iktar tard kien se jkun prinċipju legali fil-Liġi Mosajka—tpattija ekwivalenti. (Dewteronomju 19:21; 1 Ġwanni 3:8) Dan il-prinċipju legali ried jitwettaq jekk xi ħadd mid-dixxendenti sfortunati taʼ Adam u Eva kellu xi darba jirċievi l-ħajja taʼ dejjem f’art magħmula ġenna, bħalma kien l-iskop tal-Ħallieq għall-familja umana. Dan iwassalna għall-Messija.
Meta ta s-sentenza lix-Xitan, Alla Ġeħova ddikjara fl-ewwel profezija tal-Bibbja: “Jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġenesi 3:15) Wieħed studjuż tal-Bibbja nnota li “l-istorja tal-wegħdi messjaniċi kif inhi preżentata fl-Iskrittura tibda [b’din] l-istqarrija.” Studjuż ieħor osserva li l-Messija hu l-għodda t’Alla li se “treġġaʼ lura l-inkwiet kollu li ġab [id-dnub taʼ l-ewwel koppja umana],” u li fl-istess waqt se ġġib magħha barkiet lill-bnedmin.—Ebrej 2:14, 15.
Madankollu, għandek mnejn tħoss li lumanità bħalissa żgur mhix qed tiġi mbierka. Minflok, ir-razza umana tinsab mgħaddsa fid-disprament u n-nuqqas taʼ tama. Għalhekk, The World Book Encyclopedia tgħid li “ħafna Lhud għadhom qed jistennew il-miġja tal-Messija” u li hu se “jikkoreġi l-ħażen u jeqred l-għedewwa tan-nies.” Però, il-Bibbja tgħid li l-Messija diġà ġie. Għandna għalxiex nemmnu dak li tgħid il-Bibbja? L-artiklu li jmiss se jiddiskuti t-tweġiba.