“Sibna ’l-Messija”
“SIBNA ’l-Messija.” “Sibna lil dak li Mosè, fil-Liġi, u l-Profeti kitbu dwaru.” Żewġ Lhud devoti taʼ l-ewwel seklu għamlu dawn l-istqarrijiet sorprendenti. Fl-aħħar, dak il-Messija li kienu qed jittamaw għalih wasal. Huma kienu konvinti!—Ġwanni 1:35-45.
Meta taħseb dwarha, jekk tqis l-isfond storiku u reliġjuż taʼ dak iż-żmien, il-konvinzjoni tagħhom kienet saħansitra iktar sinifikanti. Kienu dehru għadd taʼ wħud li suppost kellhom iġibu ħelsien b’ħafna ffanfrar u wegħdi, imma t-tamiet malajr ġew diżappuntati hekk kif dawn l-uħud naqsu milli jeħilsu lil-Lhud minn taħt il-madmad tar-Rumani.—Atti 5:34-37.
Madankollu, dawk iż-żewġ Lhud—Indrì u Filippu—qatt ma ddubitaw li kienu sabu l-Messija veru. Minflok, fis-snin taʼ wara, il-fiduċja tagħhom żdiedet hekk kif personalment raw b’għajnejhom stess l-għemejjel qawwija taʼ dan ir-raġel meta wettaq dak li kien imbassar dwar il-Messija.
Dawn it-tnejn u ħafna oħrajn għala poġġew il-fidi fih, konvinti li ma kienx sempliċi Messija falz jew bniedem ieħor li kien se jiddiżappuntahom? Liema kredenzjali għamluh il-Messija ġenwin?
Skond ir-rakkont storiku, Indrì u Filippu identifikaw lil Ġesù taʼ Nazaret, li qabel kien mastrudaxxa, bħala l-Messija mwiegħed li kien tant mistenni. (Ġwanni 1:45) Wieħed li studja bir-reqqa l-istorja taʼ dak iż-żmien, Luqa, qal li din il-miġja tal-Messija seħħet “fis-sena ħmistax tar-renju taʼ Tiberju Ċesari.” (Luqa 3:1-3) Dik il-15-il sena tal-ħakma taʼ Tiberju bdiet f’Settembru tas-sena 28 E.K. u spiċċat f’Settembru tas-sena 29 E.K. Luqa kompla jgħid li l-Lhud f’dan iż-żmien “kienu qed jistennew” il-wasla tal-Messija. (Luqa 3:15) Għala kienu qed jistennewh f’dak iż-żmien partikulari? Ħalli naraw.
Il-Kredenzjali tal-Messija
Meta tikkunsidra l-irwol vitali tal-Messija, int tistaʼ tifhem li l-Ħallieq, Ġeħova, loġikament kien se jipprovdi evidenza ċara biex jgħin lil uħud attenti u leali jidentifikaw il-Messija mwiegħed. Għala? Għaliex b’dan il-mod, individwi attenti ma kinux se jitqarrqu mill-impusturi, bħalma ġralhom ħafna nies.
Meta ambaxxatur jippreżenta ruħu lil xi gvern ieħor, huwa mistenni li jikkonferma l-ħatra tiegħu permezz tad-dokumenti bil-kredenzjali neċessarji. Bl-istess mod, Ġeħova niżżel bil-miktub minn ħafna qabel dak li kellu jwettaq il-Messija. Għalhekk, meta deher “l-Aġent Ewlieni,” kien se jkun bħallikieku ġie bid-dokumenti, jew il-kredenzjali, li kienu se jikkonfermaw l-identità tiegħu.—Ebrej 12:2.
Il-kredenzjali li l-Messija veru kellu jkollu, kellhom jaqblu mal-ħafna profeziji miktubin fil-Bibbja ħafna sekli qabel. Dawn bassru bl-akbar dettall kif kienet se tkun il-wasla tal-Messija, x’tip taʼ ministeru kellu jagħmel, it-tbatija li kellhom jikkaġunawlu oħrajn, u x’tip taʼ mewt kellu jesperjenza. Għandu mnejn jinteressak tkun taf li dawk il-profeziji taʼ min joqgħod fuqhom bassru li kellu jiġi rxoxtat, jiġi eżaltat fuq il-leminija t’Alla, u fl-aħħar li l-ħakma tas-Saltna tiegħu kellha ġġib barkiet fil-futur. B’dan il-mod, il-profeziji tal-Bibbja pprovdew serje unika taʼ ġrajjiet li tistaʼ tixxebbah maʼ marki tas-swabaʼ li jistgħu jidentifikaw persuna waħda biss.
M’għandniex xi ngħidu, meta Ġesù daħal fix-xena fis-sena 29 E.K., il-profeziji Messjaniċi ma twettqux kollha f’ħakka t’għajn. Per eżempju, hu kien għadu ma nqatilx u ġie rxoxtat. Minkejja dan, Indrì, Filippu, u ħafna oħrajn poġġew il-fidi f’Ġesù minħabba dak li għallimhom u għamel. Huma raw evidenza abbundanti li, fil-fatt, hu kien il-Messija. Kieku int kont tgħix dak iż-żmien u stajt tistudja b’moħħ miftuħ l-evidenza li taraha b’għajnejk stess, probabbilment int ukoll kont tkun konvint li Ġesù kien il-Messija.
Diversi Evidenzi Jagħtu Stampa Ċara
X’kien se jgħinek tasal għal din il-konklużjoni? Tul is-sekli, il-profeti Bibliċi semmew affarijiet speċifiċi li kien se jkollu l-Messija u li kienu se jidentifikawh mingħajr ebda dubju. Hekk kif il-profeti pprovdew dawn id-dettalji tul is-sekli bdiet tiġi fformata stampa ċara tal-Messija. Henry H. Halley osserva: “Ejja ngħidu li għadd taʼ rġiel minn Pajjiżi Differenti, li qatt ma raw lil xulxin, u lanqas qatt ma kkomunikaw bejniethom b’xi mod, kellhom jidħlu f’kamra, u kull wieħed ipoġġi biċċa Rħama Mnaqqxa, u dawn il-biċċiet, meta Jitpoġġew Flimkien, jifformaw statwa Perfetta—kif nistgħu naslu għal konklużjoni oħra ħlief li Xi Individwu kien għamel l-Ispeċifikazzjonijiet, u bagħat lil kull raġel il-biċċa tiegħu?” Imbagħad hu jistaqsi: “Kif jistgħu dawn il-biċċiet t’Evidenza Meraviljuża tal-Ħajja u l-Għemejjel taʼ Ġesù, impoġġijin flimkien minn Kittieba Diversi minn Kulturi Diversi, Żmien Twil Qabel ma Ġie Ġesù, jiġu spjegati b’mod ieħor għajr li MOĦĦ SOVRUMAN idderieġa l-Kitba?” Halley ikkonkluda li dan kien “Il-Miraklu taż-Żminijiet!”
Dan il-“miraklu” beda mill-ewwel ktieb tal-Bibbja. Minbarra l-ewwel profezija Biblika li indikat l-irwol tal-Messija, il-kittieb tal-Ġenesi niżżel bil-miktub li l-Messija kellu jiġi mil-linja tad-dixxendenza t’Abraham. (Ġenesi 3:15; 22:15-18) Tagħrif ieħor wera li l-Messija kellu jiġi mit-tribù taʼ Ġuda. (Ġenesi 49:10) Alla qal lill-Iżraelin permezz taʼ Mosè li l-Messija kellu jkun kelliemi u ħellies akbar minn Mosè.—Dewteronomju 18:18.
Matul iż-żmien tas-Sultan David, il-profezija wriet li l-Messija kellu jkun il-werriet taʼ David għat-tron u li s-saltna Tiegħu kellha tkun ‘imsaħħa għal dejjem.’ (2 Samwel 7:13-16) Il-ktieb taʼ Mikea wera li l-Messija kellu jitwieled fir-raħal taʼ David, Betlehem. (Mikea 5:1 [5:2, NW]) Isaija bassar li Hu kellu jitwieled minn xebba. (Isaija 7:14) Il-profeta Malakija bassar li l-miġja Tiegħu kellha tiġi dikjarata minn xi ħadd bħal Elija.—Malakija 3:23, 24 (4:5, 6, NW).
Dettall speċifiku ieħor dwar il-Messija deher fil-ktieb taʼ Danjel. Waqt li tenfasizza s-sena stess li fiha kellu jidher il-Messija, il-profezija tgħid: “Kun af u ifhem, li minn meta ħarġet il-kelma biex jerġgħu jiġu u jibnu lil Ġerusalemm sa ma jasal [il-“Messija, il-Prinċep,” “Karm Żammit”], għad iridu jgħaddu sebaʼ ġimgħat. U fi tnejn u sittin ġimgħa terġaʼ tinbena għal darb’oħra, bil-pjazez u l-fossijiet tagħha; imma dan jiġri fi żmien taʼ diqa.”—Korsiv tagħna; Danjel 9:25.
Is-Sultan Persjan Artasersi ħareġ “il-kelma” biex Ġerusalemm terġaʼ tiġi restawrata u mibnija fl-20 sena tal-ħakma tiegħu. Il-ħakma tiegħu bdiet fl-474 Q.E.K., u allura l-20 sena tiegħu kellha tkun l-455 Q.E.K. (Neħemija 2:1-8) Għalhekk, perijodu taʼ 69 (7 u 62) ġimgħa profetika kellhom jgħaddu minn meta joħroġ il-kmand biex Ġerusalemm terġaʼ tiġi mibnija u restawrata sa ma jidher il-Messija. M’għandniex xi ngħidu, disgħa u sittin ġimgħa letterali fihom biss 483 jum, jew inqas minn sentejn. Imma meta tiġi applikata r-regola profetika taʼ “jum għal kull sena,” din turi li l-Messija kellu jidher 483 sena wara, fis-sena 29 E.K.—Eżekjel 4:6.a
Għalkemm għadd taʼ wħud sostnew li kienu l-Messija fi snin oħra, kien Ġesù taʼ Nazaret li deher fix-xena dinjija fis-sena 29 E.K. (Luqa 3:1, 2) F’dik l-istess sena, Ġesù mar għand Ġwanni l-Għammied u tgħammed fl-ilma. Imbagħad, Ġesù ġie midluk bl-ispirtu qaddis bħala l-Messija. Iktar tard, Ġwanni, il-wieħed bħal Elija li ġie mbassar li kellu jwitti t-triq, introduċa lil Ġesù maʼ Indrì u dixxiplu ieħor, u sejjaħlu “l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja.”—Ġwanni 1:29; Luqa 1:13-17; 3:21-23.
Il-Ġenealoġija u l-Identifikazzjoni tal-Messija
Il-profeziji ispirati rabtu lill-Messija maʼ xi familji Lhud partikulari. Allura hu raġunevoli li l-Ħallieq li jaf kollox kien se jirranġa biex il-miġja tal-Messija sseħħ fi żmien meta d-dokumenti ġenealoġiċi jkunu disponibbli biex id-dixxendenza tiegħu tiġi konfermata.
Is-Cyclopedia taʼ McClintock u Strong tgħid: “M’hemmx dubju li r-reġistri tat-tribujiet u l-familji Lhud ma baqgħux jeżistu wara l-qerda taʼ Ġerusalemm [fis-sena 70 E.K.], u mhux qabel.” Hemm indikazzjonijiet ċari li Mattew u Luqa kitbu l-Evanġelji tagħhom qabel is-sena 70 E.K. Għalhekk, huma setgħu jikkonsultaw dawn ir-reġistri meta ġabru r-rakkonti tagħhom dwar id-dixxendenza taʼ Ġesù. (Mattew 1:1-16; Luqa 3:23-38) U żgur li fuq kwistjoni taʼ importanza daqshekk sinifikanti, ħafna mill-kontemporanji tagħhom riedu jikkonfermaw id-dixxendenza taʼ Ġesù għalihom infushom.
Twettiq b’Kumbinazzjoni Permezz taʼ Ġesù?
Xorta waħda, huwa possibbli li t-twettiq tal-profeziji Messjaniċi permezz taʼ Ġesù seħħ b’kumbinazzjoni? F’intervista, wieħed studjuż wieġeb: “Ma jistax ikun. In-nuqqas taʼ probabbiltà tant hu kbir li ma jistax ikun b’kumbinazzjoni. Xi ħadd għamel il-kalkoli u wasal għall-konklużjoni li l-probabbiltà li tmien profeziji biss jitwettqu hi ċans wieħed f’mitt miljun biljun.” Biex juri kemm hu kbir dan in-numru taʼ nuqqas taʼ probabbiltà, hu qal: “Kieku tieħu dan l-għadd f’dollari tal-fidda, kieku tgħatti l-istat kollu taʼ Texas [post li fih 690,000 kilometru kwadru] b’saff għoli taʼ 60 ċentimetru. Kieku timmarka dollaru tal-fidda minnhom u mbagħad tgħatti l-għajnejn taʼ individwu u tħallih idur fl-istat u jitbaxxa biex jaqbad munita waħda, x’ċans għandu li se jagħżel dik il-waħda mmarkata?” Imbagħad hu qal li “daqstant ieħor m’huwiex probabbli li xi ħadd fl-istorja setaʼ jwettaq biss tmien profeziji [Messjaniċi].”
Madankollu, matul il-ministeru tiegħu taʼ tliet snin u nofs, Ġesù mhux biss wettaq tmien profeziji Bibliċi imma ħafna iktar. Minħabba daqstant evidenza ċara, l-istudjuż ikkonkluda: “Ġesù—u Ġesù biss tul l-istorja kollha—għamel ħaġa bħal din.”
Il-“Miġja” tal-Messija
Jidher ċar li l-Messija ġie fis-sena 29 E.K. bħala Ġesù taʼ Nazaret. Din kienet il-miġja tiegħu bħala Ħellies umli li għadda minn tbatija. Hu ma ġiex bħala Sultan li jirbaħ lil kulħadd biex ikisser il-madmad tal-moħqrija tar-Rumani, bħalma dehru li kienu qed jistennew ħafna mil-Lhud u saħansitra ħafna mis-segwaċi tiegħu. (Isaija, kapitlu 53; Żakkarija 9:9; Atti 1:6-8) Il-miġja tiegħu fil-futur, però, ġiet imbassra li se tkun b’qawwa u b’awtorità kbira.—Danjel 2:44; 7:13, 14.
Madwar id-dinja, studju bir-reqqa tal-profeziji tal-Bibbja kkonvinċa lin-nies li jirraġunaw li l-Messija ġie fl-ewwel seklu u li kellu jerġaʼ jiġi. L-evidenza tistabbilixxi li r-ritorn tiegħu li ġie mbassar, il-bidu tal-“preżenza” tiegħu, seħħ fl-1914.b (Mattew 24:3-14) F’dik is-sena, Ġesù b’mod inviżibbli telaʼ fuq it-tron fis-smewwiet bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla. Dalwaqt, hu se jaġixxi biex jeħles lill-art mill-effetti tar-ribelljoni fl-Għeden. Ir-Renju tiegħu t’Elf Sena li se jiġi wara, se jkun taʼ barka għal dawk kollha li juru l-fidi fih bħala n-Nisel imwiegħed, il-Messija, li “jneħħi d-dnub tad-dinja.”—Ġwanni 1:29; Rivelazzjoni 21:3, 4.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma lesti jiddiskutu miegħek din l-evidenza u juruk mill-Bibbja x’tistaʼ tfisser il-ħakma tal-Messija għalik u għall-maħbubin tiegħek.
[Noti taʼ taħt]
a Għal iktar dettalji fuq Danjel 9:25, ara l-Insight on the Scriptures, it-Tieni Volum, paġni 899-904, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
b Għal iktar dettalji, ara kapitli 10 u 11 tal-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja taʼ Dejjem, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Tabella/Stampi f’paġna 6, 7]
455 Q.E.K., “il-kelma biex jerġgħu . . . jibnu lil Ġerusalemm”
▸ 29 E.K., jasal il-Messija
◀ 483 sena (69 ġimgħa profetika)—Danjel 9:25 ▸
▸ 1914, il-Messija jitlaʼ fuq it-tron fis-sema
▸ Il-Messija dalwaqt se jtemm il-ħażen u jbiddel l-art f’ġenna