Meta Teżerċita l-Awtorità, Imita lill-Kristu
XI SNIN ilu, esperiment fuq l-imġiba umana ħareġ riżultati interessanti. Dawk li ħadu sehem ġew imqassmin f’żewġ gruppi. Il-membri taʼ grupp wieħed ġew inkarigati jkunu gwardjani u kellhom jgħassu fuq il-grupp l-ieħor, li ġew inkarigati jkunu ħabsin. X’ġara?
“Wara ftit jiem,” ġie rapportat, “il-maġġuranza [mill-gwardjani] bdew jabbużaw mill-ħabsin u jintimidawhom, u jimponu fuqhom ħafna kastigi, filwaqt li l-ħabsin bdew jiġu sforzati jissottomettu ruħhom u jagħmlu kulma jordnawlhom.” Il-konklużjoni li waslu għaliha r-riċerkaturi kienet din: Kważi kulħadd jistaʼ jaqaʼ fin-nassa li juża ħażin l-awtorità li jkollu.
Użu Ħażin u Tajjeb taʼ l-Awtorità
M’għandniex xi ngħidu, meta l-awtorità tintuża tajjeb tistaʼ ġġib influwenza pożittiva. Tistaʼ tipprovdi direzzjoni adattata u tistaʼ tirriżulta f’benefiċċji fiżiċi, emozzjonali, u spiritwali. (Proverbji 1:5; Isaija 48:17, 18) Però, bħalma wera l-esperiment li semmejna qabel, hemm periklu kontinwu li min ikollu l-awtorità ma jibqax jeżerċitaha b’mod raġunevoli. Il-Bibbja tiġbed l-attenzjoni lejn dan il-periklu u tgħid: “Meta jaħkmu l-ħżiena, il-poplu jitniehed.”—Proverbji 29:2; Koħèlet 8:9.
Meta xi ħadd jabbuża mill-awtorità tiegħu jagħmel il-ħsara, anki jekk jagħmel dan b’motiv tajjeb. Per eżempju, dan l-aħħar, fratellanza reliġjuża u edukattiva fl-Irlanda talbet maħfra lill-pubbliku għall-mod kif ċertu għalliema abbużaw mill-awtorità tagħhom fuq tfal li ġew fdati f’idejhom. Żgur li l-objettivi taʼ ħafna minn dawn l-għalliema kienu nobbli, imma l-metodi użati minn xi wħud minnhom għamlu ħsara kbira. Gazzetta waħda rrapportat li “ħafna tfal [ġarrbu] ħsara b’xi mod jew ieħor mill-vjolenza eċċessiva u l-mod aħrax li bih ittrattawhom ħafna mill-għalliema reliġjużi taʼ din il-fratellanza.” (The Irish Times) Imma allura, kif tistaʼ teżerċita l-awtorità b’tali mod li tgħin lill-oħrajn jagħtu l-aqwa tagħhom minflok ma tirrabjahom u tweġġagħhom minħabba dak li tgħid jew tagħmel?—Proverbji 12:18.
“Kull Awtorità” Ngħatat lil Ġesù Kristu
Ikkunsidra l-eżempju taʼ Ġesù Kristu. Ftit qabel ma telaʼ s-sema, hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Lili ngħatat kull awtorità fis-sema u fuq l-art.” (Mattew 28:18) Beżżagħhom b’xi mod dan il-kliem lid-dixxipli? Ħassew huma li issa Ġesù kien se juri l-istess attitudni taʼ l-Imperaturi Rumani li kienu magħrufa għall-qawwa li jużaw biex ikissru lil min jirribella jew jipprotesta?
Ir-rakkont imniżżel fil-Bibbja jwieġeb ċar u tond: Le! Ġesù Kristu jeżerċita l-awtorità bl-istess mod bħalma jagħmel Missieru. Għalkemm Ġeħova bi dritt hu s-Sovran Universali li jistaʼ kollox, hu jixtieq li s-sudditi tiegħu jaqduh mill-qalb u ma jixtiqhomx jobduh bla raġuni, bil-biżaʼ, jew bħala lsiera. (Mattew 22:37) Ġeħova qatt ma jabbuża mill-awtorità tiegħu. Dan nistgħu narawh mill-viżjoni drammatika li ra l-profeta Eżekjel.
F’din il-viżjoni, Eżekjel ra erbaʼ ħlejjaq anġeliċi li appoġġaw is-sovranità t’Alla. Kull waħda minnhom kellha erbaʼ wċuħ. Eżekjel kiteb: “Ix-xbieha taʼ wiċċhom kienet wiċċ taʼ bniedem minn quddiem, u wiċċ taʼ ljun fuq il-lemin tagħhom l-erbgħa, u wiċċ taʼ għoġol fuq ix-xellug tagħhom l-erbgħa, u wiċċ taʼ ajkla fuq wara.” (Eżekjel 1:10) Dawn l-erbaʼ wċuħ jirrappreżentaw l-erbaʼ kwalitajiet kardinali, jew attributi, t’Alla li huma bilanċjati perfettament. Dawn huma identifikati fil-Kelma t’Alla bħala: l-imħabba, rappreżentata mill-wiċċ taʼ bniedem; il-ġustizzja, rappreżentata mill-wiċċ taʼ ljun; u l-għerf, rappreżentat mill-wiċċ t’ajkla. Dawn it-tliet attributi jaħdmu flimkien mar-rabaʼ waħda—il-qawwa, kif murija mill-wiċċ t’għoġol. Xi jfisser dan kollu? Din il-viżjoni turi li Ġeħova qatt ma jeżerċita l-qawwa u l-awtorità bla limitu tiegħu b’tali mod li ma jkunx fi qbil mal-kwalitajiet kardinali l-oħrajn li għandu.
Peress li imita lil Missieru, Ġesù Kristu dejjem uża l-awtorità tiegħu b’tali mod li kienet perfettament fi qbil maʼ l-imħabba, l-għerf, u l-ġustizzja. Id-dixxipli tiegħu ħassew serħan kbir meta qdew taħt l-awtorità taʼ Ġesù. (Mattew 11:28-30) Kieku kellu jkun hemm kwalità li tiddeskrivi kemm lil Alla Ġeħova u kemm lil Ġesù Kristu, din hi l-imħabba, mhux il-qawwa jew l-awtorità!—1 Korintin 13:13; 1 Ġwanni 4:8.
Int Kif Teżerċita l-Awtorità?
Int kif sejjer f’dan l-aspett? Per eżempju, fil-familja, tikkontrolla int l-affarijiet sforz l-awtorità li għandek anki meta jkun ifisser li tinsisti fuq ix-xewqat spontanji jew il-preferenzi tiegħek? L-oħrajn fil-familja tiegħek jimxu skond id-deċiżjonijiet tiegħek għax jibżgħu minnek jew għax iħobbuk? Huwa minħabba li għandek qawwa superjuri li l-familja tiegħek tobdik? Dawn huma mistoqsijiet li l-kapijiet tal-familja jagħmlu tajjeb li jikkunsidrawhom sabiex ikunu jistgħu jżommu l-ordni teokratiku fl-arranġament tal-familja.—1 Korintin 11:3.
Xi ngħidu dwar jekk għandek ċertu awtorità fil-kongregazzjoni Kristjana? Biex tiċċekkja jekk intix qed teżerċitaha kif suppost, staqsi lilek innifsek jekk intix tapplika l-prinċipji ispirati minn Alla Ġeħova u li Ġesù Kristu tana eżempju tagħhom.
“Ilsir tal-Mulej . . . għandu jkun ġentili maʼ kulħadd, . . . iżomm ruħu mrażżan quddiem il-ħażen, jistruwixxi bil-ħlewwa lil dawk li ma jurux attitudni favorevoli.”—2 Timotju 2:24, 25.
Xi individwi fil-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu kellhom awtorità kbira. Per eżempju, Timotju saħansitra setaʼ ‘jordna lil ċerti wħud biex ma jgħallmux duttrina differenti.’ (1 Timotju 1:3) Però, nistgħu nkunu ċerti li Timotju rrifletta l-kwalitajiet t’Alla f’dak kollu li għamel, għaliex hu żgur li aġixxa fi qbil mal-parir taʼ Pawlu biex jgħallem “bil-ħlewwa” u jkun “ġentili maʼ kulħadd” meta ġie inkarigat biex jindokra l-kongregazzjoni Kristjana. Peress li hu nnifsu kien għadu relattivament żgħir, kellu jaġixxi bħala iben li juri rispett lejn dawk akbar minnu u bħala wieħed li jieħu ħsieb lil ħutu iżgħar minnu. (1 Timotju 5:1, 2) Meta l-kongregazzjoni titmexxa b’dan l-interess ġenwin u bl-imħabba, se tirrifletti l-attitudni kollha affezzjoni taʼ familja maħbuba, mhux taʼ xi kumpanija li m’għandha ebda interess fis-sentimenti u l-interessi tal-ħaddiema.—1 Korintin 4:14; 1 Tessalonikin 2:7, 8.
“Il-ħakkiema tal-ġnus jiddominawhom u l-kbarat għandhom awtorità fuqhom. Dan m’għandux ikun fostkom; imma kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-qaddej tagħkom.”—Mattew 20:25, 26.
Id-dittaturi tad-dinja ‘jiddominaw’ lil oħrajn billi jimponu dak li jridu huma u jinsistu li l-oħrajn jagħmlu l-affarijiet b’ċertu mod, u jheddu li jikkastigawhom jekk ma jobdux. Madankollu, Ġesù Kristu enfasizza li għandna naqdu lil oħrajn u mhux nagħmlulhom pressjoni. (Mattew 20:27, 28) Hu dejjem ittratta lid-dixxipli tiegħu b’qalb tajba u bi mħabba. Meta ssegwi l-eżempju taʼ Ġesù, ikun ħafna iktar faċli għal oħrajn biex jikkooperaw miegħek. (Ebrej 13:7, 17) Ukoll, tagħmilhielhom ħafna iktar faċli biex jissottomettu ruħhom għall-awtorità tiegħek u saħansitra jagħmlu iktar milli titlobhom jekk ikunu jistgħu, u dan jagħmluh minn qalbhom u mhux minħabba li tkun sforzajthom b’xi mod.—Mattew 5:41.
“Irgħu l-merħla t’Alla li hemm fil-ħarsien tagħkom, mhux . . . billi tiddominaw fuq dawk li huma l-wirt t’Alla, imma billi ssiru eżempji għall-merħla.”—1 Pietru 5:2, 3.
L-indokraturi llum jirrealizzaw li huma jridu jagħtu kont lil Alla għas-saħħa spiritwali taʼ kull membru fil-kongregazzjoni. Huma jieħdu din ir-responsabbiltà bis-serjetà. Huma jistinkaw biex jieħdu ħsieb il-merħla t’Alla minn qalbhom, bil-ħerqa, u bl-imħabba. Bħall-appostlu Pawlu, huma jaħdmu iebes biex jibnu u jsaħħu l-fidi taʼ dawk li huma fil-ħarsien tagħhom, mhux jaġixxu bħala sidien tal-fidi tagħhom.—2 Korintin 1:24.
Meta jkun hemm bżonn li jingħata parir xieraq, l-anzjani jagħtuh bil-ħlewwa sabiex jaġġustaw lil dak li jkun qed jiżbalja jew biex jgħinu lil xi sieħeb Kristjan jagħmel progress spiritwali. Huma jżommu f’moħħhom it-tfakkira taʼ l-appostlu Pawlu: “Ħuti, anki jekk bniedem jagħmel xi pass falz qabel ma jinduna, intom li għandkom kwalifiki spiritwali ipprovaw aġġustawh mill-ġdid bi spirtu taʼ ħlewwa, waqt li kull wieħed minnkom joqgħod attent għalih innifsu, minħabba l-biżaʼ li hu wkoll jiġi ttantat.”—Galatin 6:1; Ebrej 6:1, 9-12.
“Komplu issaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb . . . Ilbsu l-imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.”—Kolossin 3:13, 14.
Kif tittratta lil dawk li forsi ma jirnexxilhomx iżommu perfettament mal-livelli Kristjani? Tagħraf u tikkunsidra l-kaġun taʼ l-imperfezzjonijiet tagħhom, bħalma jagħmlu Ġeħova u Ġesù Kristu? (Isaija 42:2-4) Jew tinsisti li għandhom japplikaw il-liġi t’Alla sa l-inqas dettall f’kull każ? (Salm 130:3) Ftakar li huwa xieraq li turi l-ġentilezza kulmeta hu possibbli u turi s-sodizza biss meta jkun hemm bżonn. Jekk taġixxi bl-imħabba se tgħin biex jiġu fformati rabtiet qawwija taʼ fiduċja miż-żewġ naħat, bejnek u bejn dawk li fuqhom teżerċita l-awtorità.
Jekk tiġi fdat bi kwalunkwe tip t’awtorità, aħdem iebes biex timita lil Alla Ġeħova u Ġesù Kristu meta teżerċitaha. Ftakar fid-deskrizzjoni meraviljuża li ta s-salmista meta tkellem dwar il-mod li bih Ġeħova jeżerċita l-awtorità li għandu fuq il-poplu tiegħu. David għanna: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni; f’mergħat kollha ħdura jqegħedni. Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni; hemm hu jrejjaqni. Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba l-isem tiegħu.” B’mod simili, naqraw dwar Ġesù: “Jien ir-ragħaj mill-aħjar, u naf lin-nagħaġ tiegħi u n-nagħaġ tiegħi jafu lili, bħalma l-Missier jaf lili u jien naf lill-Missier; u nagħti ruħi għan-nagħaġ.” Liema eżempji aqwa minn dawn jistaʼ jkollna taʼ kif neżerċitaw l-awtorità bl-imħabba?—Salm 23:1-3; Ġwanni 10:14, 15.
[Kumment f’paġna 18]
Ġeħova dejjem juża l-qawwa tiegħu b’tali mod li tkun perfettament fi qbil mal-ġustizzja, l-għerf, u l-imħabba
[Stampa f’paġna 18]
Kultant, l-anzjani jkollhom jagħtu parir bl-imħabba lil dawk li jiżbaljaw
[Stampa f’paġna 19]
Pawlu ta l-parir lil Timotju biex iġib ruħu bħala iben li juri rispett u bħala wieħed li jieħu ħsieb lil ħutu
[Stampa f’paġna 20]
Ġesù Kristu jeżerċita l-awtorità tiegħu bl-għerf, bil-ġustizzja, u bl-imħabba