It-Tfittxija tal-Bniedem għall-Ħajja taʼ Dejjem
SA MILL-EQDEM żminijiet tal-bidu, il-bnedmin ilhom jixxennqu li jgħixu għal dejjem. Madankollu, din ix-xenqa għadha ma twettqitx—ħadd għadu ma sab il-mod kif jegħleb lill-mewt. Però, reċentement, ir-riċerka medika reġgħet ġeddet it-tama li jistaʼ tassew ikun possibbli li l-ħajja tal-bniedem tiġi mtawla b’mod drammatiku. Ikkunsidra dak li qed jiġi studjat f’oqsma differenti taʼ l-istudju xjentifiku.
Il-bijoloġi qegħdin jesperimentaw bl-enzimi telomerase biex jipprovaw irażżnu dak li jidher bħala limitu taʼ kemm-il darba ċ-ċelluli jerġgħu jimmultiplikaw ruħhom. Ix-xjenzati jafu li ċ-ċelluli qodma li qed jiddeterjoraw jiġu eliminati u mibdula maʼ wħud ġodda. Fil-fatt, parti kbira tal-ġisem tiġġedded ħafna drabi matul il-ħajja tal-bniedem. Ir-riċerkaturi jaħsbu, li jekk il-proċess tat-tiġdid jistaʼ jiġi mtawwal, “il-ġisem tal-bniedem jistaʼ jġedded lilu nnifsu għal ħafna żmien—saħansitra għal dejjem.”
Il-cloning terapewtiku, qasam kontroversjali tar-riċerka, jistaʼ teoretikament jipprovdi fwied, kliewi, jew qlub ġodda għat-trapjanti li jkunu perfettament kompatibbli mal-pazjenti. Dawn l-organi jkunu replika taċ-ċelluli formattivi tal-pazjent innifsu.
Ir-riċerkaturi tan-nanuteknoloġija qed iħarsu bil-quddiem għal meta t-tobba se jintroduċu fid-demm robots b’daqs taʼ ċellula li jiġru fil-ġisem biex isibu u jeqirdu ċ-ċelluli tal-kanċer u batterji perikolużi. Xi wħud jemmnu li dan il-qasam tax-xjenza, flimkien maʼ terapiji ġenetiċi, maż-żmien se jwassal biex il-ġisem uman isostni lilu nnifsu għal dejjem.
Dawk li huma favur il-krijonika jiffriżaw l-iġsma taʼ dawk li jkunu mietu. L-idea hi li l-iġsma jiġu preservati sakemm isiru skoperti ġodda fil-mediċina li jippermettu lit-tobba jfejqu l-mard, ireġġgħu lura l-effetti tax-xjuħija, u jirrestawraw kemm il-ħajja u kemm is-saħħa tal-mejjet. L-American Journal of Geriatric Psychiatry isejjaħ lil dan il-konċett “l-ekwivalenti modern għall-ibbalzmar fost l-Eġizzjani tal-qedem.”
It-tfittxija persistenti tal-bniedem għall-immortalità turi kemm hu diffiċli biex wieħed jaċċetta l-idea taʼ li ma jibqax jeżisti. Huwa tassew possibbli għall-bniedem li jasal biex jikseb il-ħajja taʼ dejjem? X’tgħid il-Bibbja dwar dan is-suġġett? L-artiklu li jmiss se jipprovdi ttweġibiet.